Dokument ta' sessjoni

 

27.4.2015                                                                                                                B8‑0374/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja

( 2015/2520(RSP) )

Santiago Fisas Ayxelà, Davor Ivo Stier, Cristian Dan Preda, Francesc Gambús, Joachim Zeller, Michael Gahler, Maurice Ponga, Fernando Ruas, Tokia Saïfi, Bogdan Brunon Wenta, Daniel Caspary, Elisabetta Gardini, Dubravka Šuica, Claude Rolin, Philippe Juvin, József Nagy, Arnaud Danjean, Lara Comi, Roberta Metsola

f'isem il-Grupp PPE

 

B8‑0374/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja

( 2015/2520(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Niġerja u b’mod partikolari l-aktar dibattitu reċenti tiegħu dwar din it-tema fis-sessjoni plenarja tiegħu tal-Erbgħa, 14 ta' Jannar 2015,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, Federica Mogherini, inklużi dawk tat-8 ta' Jannar, id-19 ta' Jannar, il-31 ta' Marzu u l-14 u l-15 ta’ April 2015,

–       wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta’ Frar 2015,

–       wara li kkunsidra l-ħames djalogu ministerjali bejn in-Niġerja u l-UE li sar f'Abuja fis-27 ta’ Novembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet preliminari tal-Missjonijiet ta’ Osservazzjoni Elettorali tal-UE u tal-PE,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Ban Ki-moon,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-possibilità li membri tal-Boko Haram jistgħu jiġu akkużati b’delitti tal-gwerra,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU tal-1981 dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha tal-Intolleranza u d-Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon jew it-Twemmin,

–       wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1981, ratifikata min-Niġerja fit-22 ta’ Ġunju 1983,

 

–       wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili tal-1966, ratifikat min-Niġerja fid-29 ta’ Ottubru 1993,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija ta’ Cotonou,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.     billi n-Niġerja għandha popolazzjoni li qed tikber b’rata mgħaġġla ħafna u huwa l-aktar pajjiż popolat u etnikament divers fl-Afrika immarkat minn diviżjonijiet reġjonali u reliġjużi u diviżjoni bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar b’disparitajiet ekonomiċi u soċjali serji;

B.     billi, għalkemm in-Niġerja hija l-akbar ekonomija Afrikana mkejla permezz tal-Introjtu Domestiku Gross tagħha u hija waħda mill-pajjiżi l-aktar sinjuri fid-dinja f’termini ta’ riżorsi naturali, aktar minn 70 % tal-popolazzjoni tagħha tgħix b’anqas minn USD 1.25 kuljum b’10 % tal-popolazzjoni tal-pajjiż jikkontrollaw aktar minn 90 % tal-ġid u r-riżorsi tal-pajjiż;

C.     billi n-Niġerja għadha demokrazija żagħżugħa u fraġli, li ffaċċjat vjolenza estrema wara r-riżultati tal-elezzjonijiet tal-2011 u l-akkużi ta’ tbagħbis tal-voti;

D.     billi l-elezzjonijiet presidenzjali u tal-Assemblea Nazzjonali tat-28 ta’ Marzu 2015 kienu storiċi, b’oppożizzjoni, l-All Progressives Congress (APC), rebbieħa għall-ewwel darba mit-tranżizzjoni minn tmexxija militari fl-1999, u mal-kandidat tal-People’s Democratic Party (PDP) għall-kariga presidenzjali li kien għadu fil-kariga li ammetta t-telfa u b’hekk witta t-triq għat-trasferiment paċifiku tal-poter u l-istabbiliment ta’ ambjent elettorali aktar paċifiku għall-elezzjonijiet sussegwenti għall-Gvernatur u għall-State House of Assembly (SHoA); billi l-oppożizzjoni APC rebħet il-maġġoranza tal-voti Presidenzjali, tas-Senat u tal-Kamra tar-Rappreżentanti f’erba’ mis-sitt żoni ġeopolitiċi;

E.     billi l-elezzjonijiet sussegwenti għall-Gvernatur u għall-State House of Assembly (SHoA) tal-11 ta’ April 2015 saru f’ambjent ta’ kampanja elettorali mimlija tensjoni, b’inċidenti ta’ vjolenza relatata mal-elezzjonijiet rapportati fil-partijiet kollha tal-pajjiż, speċjalment fin-Nofsinhar u fil-Lbiċ; billi rappreżentanti tal-Istat u kandidati tal-PDP u tal-APC kienu jidhru li qed jużaw ħażin il-kariga bi ksur tar-regolamenti tal-kampanja u inċitament tal-votanti ukoll osservat;

F.     billi l-osservaturi ta’ missjoni ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE (EOM) ma sabu l-ebda evidenza ta’ manipulazzjoni sistematika fl-ebda waħda mill-elezzjonijiet imma r-riżultati presidenzjali mill-Istat ta’ Rivers, jinkludu dejta implawsibbli ħafna, u ċittadini osservaturi esprimew dubju dwar Stati oħra fin-Nofsinhar; billi l-kollazzjoni ġiet ivvalutata mill-osservaturi tal-EU EOM bħala l-parti l-aktar dgħajfa tal-proċess ta’ jum l-elezzjoni, b’mod partikolari fil-livell tas-swali;

G.     billi l-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali Indipendenti (INEC) ipposponiet l-elezzjonijiet mill-14 u t-28 ta’ Frar għat-28 ta’ Marzu u l-11 ta’ April għal raġunijiet ta’ sigurtà, sabiex tippermetti lill-gvern iniedi azzjoni militari kontra Boko Haram, u rispons reġjonali tnieda f’Marzu 2015 maċ-Ċad u l-Kamerun li għenu sabiex titnaqqas il-preżenza ta’ Boko Haram;

H.     billi l-Boko Haram huwa theddida dejjem tikber għall-istabilità tan-Niġerja, l-Afrika tal-Punent u r-reġjun tas-Saħel; billi l-vjolenza instigata minn din l-organizzazzjoni estremista ġiħadista Islamika ikkawżat aktar minn 15 000 mewta mill-2009 ‘l hawn, b’aktar minn 7 300 fl-2014 biss, u aktar minn 1 000 persuna ċivili maqtula mill-bidu ta’ din is-sena; billi l-organizzazzjoni, b'mod indiskriminat, għandha fil-mira tagħha l-Insara, il-Musulmani moderati, il-persunal tal-gvern u l-istituzzjonijiet u fil-fatt kull min ma jaqbilx mat-twemmin dommatiku u estrem tagħha;

I.      billi l-attakki li twettqu mill-Boko Haram bejn it-3 u t-8 ta' Jannar 2015 kellhom fil-mira lil Baga u lil sittax-il belt u villaġġ tal-madwar, li skont immaġni mis-satellita fihom inqerdu kważi 3 700 struttura u nqatlu eluf ta’ persuni;

J.      billi fil-lejl ta’ bejn l-14 u l-15 ta’ April 2014, 287 studenta nħatfu mill-Boko Haram mill-Iskola Sekondarja tal-Gvern fil-belt ta’ Chibok fl-Istat ta’ Borno; billi xi bniet ħarbu, iżda minn dak iż-żmien ġew meħuda oħrajn u aktar minn 300 tifla għadhom nieqsa; billi hemm theddid serju ta’ vjolenza sesswali, skjavitù u żwiġijiet sfurzati għall-bniet tal-iskola ta’ Chibok u għall-bniet u n-nisa kollha l-oħra maħtufa fin-Niġerja;

K.     billi n-Nazzjonijiet Uniti tistma li l-vjolenza fl-Istati ta’ Borno, Yobe u Adamawa laħqet 1.5 miljun persuna spostati, inklużi 800 000 tifel u tifla kif indikat mill-UNICEF fir-rapport reċenti tagħha ‘Missing Childhoods’, filwaqt li aktar minn tliet miljun persuna ġew affettwati mir-ribelljoni;

L.     billi aktar minn 300 000 Niġerjan ħarbu lejn il-Majjistral tal-Kamerun u l-Lbiċ tan-Niġer biex jaħarbu mill-vjolenza;

 

M.    billi l-għadd ta’ attakki, inkluż l-użu tat-tfal bħala qattiela suwiċidi bil-bombi, qed jiżdied u jitwettqu f’territorji kbar, kif ukoll f’pajjiżi ġirien, iċ-Ċad u l-Kamerun;

N.     billi l-gruppi kriminali Niġerjani huma involuti ħafna fit-traffikar tad-drogi, fit-tbaħħir tal-eroina mill-pajjiżi Asjatiċi lejn l-Ewropa u l-Amerika, u kokaina mill-Amerika ta’ Isfel lejn l-Ewropa u l-Afrika ta’ Isfel; billi d-diversi Konfraternitajiet Niġerjani jew ‘campus cults’ huma attivi kemm fil-kriminalità organizzata kif ukoll fil-vjolenza politika u jipprovdu wkoll netwerk ta’ korruzzjoni fin-Niġerja;

1.      Jifraħ lill-Ġeneral Muhammadu Buhari bħala l-kandidat presidenzjali rebbieħ għall-All Progressives Congress (APC), u lil dawk kollha li kisbu siġġijiet fis-Senat, fil-Kamra tar-Rappreżentanti, lill-Gvernaturi u lill-State Houses of Assembly tal-partiti kollha; ifaħħar lill-kandidati li aċċettaw it-telfa bi grazzja, ibda mill-kandidat presidenzjali fil-kariga Goodluck Jonathan, u jilqa’ l-impenn kontinwu tal-partiti politiċi kollha u l-kandidati għal elezzjonijiet paċifiċi u jħeġġiġhom biex ikomplu jaċċettaw ir-riżultati mingħajr vjolenza;

2.      Jagħti ġieħ lil dawk kollha involuti biex l-elezzjonijiet isiru paċifiċi, trasparenti u kredibbli – l-INEC, l-osservaturi domestiċi u barranin, is-soċjetà ċivili, il-partiti politiċi, u fuq kollox il-poplu Niġerjan innifsu li wera kif id-demokrazija tista’ taħdem;

3.      Jilqa’ d-determinazzjoni tal-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali Indipendenti tan-Niġerja (INEC) fl-impenn tagħha biex toħloq proċess elettorali kredibbli, trasparenti u ġust, sa fejn hu possibbli, minkejja l-limitazzjonijiet interni u esterni u l-pressjonijiet li ħabbtet wiċċha magħhom;

4.      Iħeġġeġ lill-vittmi ta’ ilmenti elettorali biex jindirizzawhom permezz tal-mekkaniżmi uffiċjali għas-soluzzjoni tat-tilwim u jitlob lill-awtoritajiet Niġerjani biex iwieġbu għal kull waħda minnhom permezz ta’ investigazzjoni sħiħa u kredibbli u rimedju legali;

5.      Jikkundanna bil-qawwa l-fluss li għadu għaddej ta’ attakki bil-pistoli u l-bombi, l-attakki suwiċida bil-bombi, il-ħtif u atti vjolenti oħra mwettqa mis-setta terroristika Boko Haram fuq il-popolazzjoni ċivili, il-gvern u l-miri militari fin-Niġerja, fit-Tramuntana, kif ukoll fi provinċji oħra u f’pajjiżi ġirien, u dan wassal għal ħafna eluf ta’ mwiet u korrimenti u fl-ispustament ta’ 1.5 miljun persuna;

6.      Jikkundanna bil-qawwa l-użu tan-nisa u t-tfal mill-Boko Haram biex iwettqu attakki suwiċidi u huwa mħasseb ħafna dwar l-immirar attiv tal-Boko Haram lejn nisa u tfal bħala parti mill-kampanja ta’ gwerilla mdemmija tagħha;

7.      Jitlob lill-President li għadu kif ġie elett biex iżomm il-wegħdiet tal-kampanja tiegħu u biex jimpenja r-riżorsi kollha biex iġib fi tmiemha l-vjolenza tal-Boko Haram, jistabbilixxi mill-ġdid l-istabbiltà u s-sigurtà fil-pajjiż kollu kemm hu u jindirizza l-kawżi li jinsabu fl-għerq ta’ dan it-terroriżmu, u b’mod partikolari biex jieħu azzjoni aktar soda fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni interna, il-ġestjoni ħażina u l-ineffiċjenzi fi ħdan l-istituzzjonijiet pubbliċi u l-armata, li ħolqu inkapaċità għat-trattament tal-problema tal-Boko Haram fit-Tramuntana tal-pajjiż; biex jadotta miżuri li jaqtgħu s-sorsi tad-dħul illegali tal-Boko Haram, permezz ta’ kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien, b’mod partikolari fir-rigward tat-traffikar tal-bnedmin u l-kuntrabandu tal-armi u d-drogi; jiddeplora l-fatt li fin-Niġerja għad hemm netwerk sostanzjali ta’ kriminalità organizzata, attiva b’mod speċjali fit-traffikar tad-drogi;

8.      Jenfasizza l-ħtieġa tal-indirizzar tal-kawżi ewlenin tal-vjolenza, jiġifieri l-faqar, bil-għan ta’ garanzija ta’ paċi dejjiema; jirrimarka, f’dan ir-rigward, li tisħiħ sinifikanti ta’ strutturi ta’ governanza permezz tal-ħolqien ta’ istituzzjonijiet pubbliċi effettivi, trasparenti u inklużivi, l-istabbiliment tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra korruzzjoni endemika fil-livelli kollha, kif ukoll il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u t-tisħiħ ulterjuri tad-demokrazija għandhom ikunu l-prijoritajiet ewlenin tal-President li għadu kif ġie elett;

9.      Jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjoni tal-bniet tal-iskola ta’ Chibok u tal-persuni maħtufa oħrajn kollha; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mat-tbatija tal-familji u mal-kampanja‘Bring Back Our Girls’; jistieden lill-Gvern Niġerjan u lill-awtoritajiet biex isalvaw il-bniet u jerġgħu jgħaqqduhom mal-familji tagħhom, u jressqu lill-awturi biex ipattu ta’ dan l-att terribbli;

10.    Jilqa’ d-determinazzjoni espressa fis-Summit Reġjonali ta’ Niamey fl-20 u l-21 ta’ Jannar 2015 mit-13-il pajjiż parteċipant, b’mod partikolari l-impenn militari taċ-Ċad, flimkien mal-Kamerun, in-Niġer u n-Niġerja, fil-ġlieda kontra t-theddid terroristiku tal-Boko Haram; u jħeġġeġ it-tisħiħ ta’ dan ir-rispons reġjonali, bl-użu tal-għodod eżistenti kollha; jinsisti ulterjorment li mingħajr tali kooperazzjoni, il-vjolenza x’aktarx se tkompli, u twassal għall-imminar tal-paċi u l-istabbiltà fir-reġjun kollu;

11.    Jilqa’ l-inizjattivi tal-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana u jitlob lill-Unjoni Afrikana timpenja ruħha b'urġenza f’azzjoni konkreta, flimkien mal-pajjiżi kollha involuti, biex tikkoordina l-ġlieda kontra l-gruppi terroristiċi fir-reġjun tas-Saħel;

12.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, il-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, il-gvern u l-parlament tan-Niġerja, ir-Rappreżentanti tal-ECOWAS u l-Unjoni Afrikana.