Dokument ta' sessjoni

 

27.4.2015                                                                                                                B8‑0385/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar il-persekuzzjoni tal-Insara madwar id-dinja, b'rabta mal-qtil ta' studenti fil-Kenja mill-grupp terroristiku Iżlamist Al-Shabaab

( 2015/2661(RSP) )

Lidia Senra Rodríguez, Javier Couso Permuy, Malin Björk, Paloma López Bermejo, Marina Albiol Guzmán, Ángela Vallina, Sabine Lösing, Neoklis Sylikiotis, Takis Hadjigeorgiou, Inês Cristina Zuber

f'isem il-Grupp GUE/NGL

 

B8‑0385/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-persekuzzjoni tal-Insara madwar id-dinja, b'rabta mal-qtil ta' studenti fil-Kenja mill-grupp terroristiku Iżlamist Al-Shabaab

( 2015/2661(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Istrateġija Konġunta UE-Afrika adottata fl-2007,

–       wara li kkunsidra l-Pjan direzzjonali għal kooperazzjoni bejn l-UE u l-Afrika (2014-2017), adottat fir-Raba' Summit bejn l-UE u l-Afrika f'April 2014,

–       wara li kkunsidra l-ewwel Programm Pan-Afrikan tal-UE għall-perjodu 2014-2020,

–       wara li kkunsidra s-seba' laqgħa annwali bejn il-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana u l-Kummissjoni Ewropea li saret fi Brussell fit-22 ta' April,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar l-attakki ta' al-Shabaab fil-Kenja, b'mod partikolari dawk tat-3 ta' April 2015, tat-23 ta' Novembru u tal-5 ta' Mejju 2014,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Ban Ki-Moon dwar l-attakki ta' al-Shabaab, b'mod partikolari dawk tat-2 ta' April 2015, tat-2 ta' Diċembru, tat-22 ta' Novembru, tal-4 ta' Ġunju 2014 u tal-21 ta' Settembru 2013,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, b'mod partikolari r-Riżoluzzjoni 733/1992 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li tistabbilixxi embargo fuq l-armi fuq is-Somalja li ġiet affermata mill-ġdid b'diversi Riżoluzzjonijiet tal-KSNU, bl-aħħar waħda tkun ir-Riżoluzzjoni 2182/2014,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Afrikana għas-Somalja u l-Kap tal-AMISOM tat-2 ta' April 2015,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu tad-9 ta' Frar 2015,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–       wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali tan-NU dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,

–       wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–       wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1981,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar ir-Rifuġjati tal-1951 li l-Kenja hija firmatarja tagħha,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti (UNCAT),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-grupp terroristiku al-Shabaab qatel 148 ruħ, l-aktar studenti, f'attakk fuq kampus universitarju fil-belt Kenjana ta' Garissa, madwar 200 km mill-fruntiera mas-Somalja fit-2 ta' April; billi f'Ġunju 2014 al-Shabaab wettaq attakk fuq il-kosta Kenjana li fih inqatlu 48 ruħ; billi f'Settembru 2013 wettaq attakk fuq iċ-ċentru kummerċjali Westgate f'Najrobi li fih inqatlu tal-anqas 67 ruħ;

B.     billi al-Shabaab attakka deliberatament lill-Insara Kenjani fl-attakki tiegħu fil-Kenja; billi l-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni Somala hija Musulmana u aktar minn 80 % tal-popolazzjoni Kenjana huma Nsara filwaqt li madwar 11 % huma Musulmani, prinċipalment Somali tal-Kenja;

C.     billi l-grupp reċentement wettaq attakki qerrieda oħra fis-Somalja, bħall-qtil fl-14 ta' April ta' 10 persuni wara attakk bil-bombi fuq il-ministeru tal-edukazzjoni tas-Somalja jew il-qtil ta' 9 persuni, inklużi ħaddiema tan-NU; billi jsiru wkoll attakki regolari bl-ixkubetti u bil-granati fil-Kenja attribwiti lil al-Shabaab kemm fiż-żoni tal-fruntieri, fejn jgħixu ħafna Somali tal-Kenja, kif ukoll f'Najrobi;

D.     billi truppi Kenjani daħlu fin-Nofsinhar tas-Somalja fl-2011 biex jiġġieldu kontra al-Shabaab; billi mbagħad l-armata Kenjana ssieħbet mal-forza tal-Unjoni Afrikana magħmula minn 22 000 suldat; billi l-grupp terroristiku al-Shabaab stqarr li l-motivazzjoni reali tal-attakki tiegħu fil-Kenja hija li jagħmel pressjoni fuq il-Gvern Kenjan biex jirtira t-truppi tiegħu mis-Somalja;

E.     billi fi Frar 2012 l-ex mexxej ta' al-Shabaab Ahmed Abdi Godane "wiegħed obbedjenza" lil al-Qaeda; billi hemm rapporti dwar ir-rabtiet tiegħu ma' gruppi Iżlamisti oħra fl-Afrika, bħal Boko Haram fin-Niġerja u al-Qaeda fil-Magreb Iżlamiku (AQMI); billi al-Shabaab waqqaf netwerk ta' reklutaġġ fil-Kenja, speċjalment madwar il-belt portwarja ta' Mombasa; billi hemm rapporti ta' ġiħadisti barranin li sejrin is-Somalja biex jissieħbu ma' al-Shabaab mhux biss minn pajjiżi tal-viċinat, iżda anke mill-Istati Uniti u l-UE;

F.     billi s-Somalja ilu ma jkollha gvern nazzjonali effettiv għal aktar minn 20 sena; billi wara l-intervent militari tal-Istati Uniti tal-1992, l-hekk imsejjaħ "Restore Hope", il-pajjiż sar żona ta' gwerra;

G.     billi al-Shabaab huwa grupp Iżlamist li oriġina mill-Unjoni tal-Qrati Iżlamiċi, arranġament mhux organizzat ta' sistemi ġudizzjarji Iżlamiċi li ġie radikalizzat aktar wara l-invażjoni tas-Somalja mill-armata Etjopjana li kienet appoġġata mill-Istati Uniti fl-2006;

H.     billi al-Shabaab imbagħad irnexxielu jikkontrolla parti sinifikanti tal-pajjiż iżda tilef il-biċċa l-kbira tal-appoġġ popolari Somalu meta rrifjuta għajnuna alimentari mill-Punent minħabba li kien hemm nixfa u karestija fl-2011; billi tkeċċa minn Mogadishu f'Awwissu 2011 u mill-port ta' Kismayo f'Settembru 2012; billi għalkemm al-Shabaab issa tilef il-kontroll tal-biċċa l-kbira tal-bliet Somali, għadu jiddomina f'ħafna żoni rurali;

I.      billi parti sostanzjali mill-kunflitt bejn is-Somalja, l-Etjopja u l-Kenja għandha l-oriġini tagħha fl-impożizzjoni ta' fruntieri kolonjali, billi l-popolazzjoni Somala nqasmet prinċipalment bejn dawn it-tliet pajjiżi, u dan konsegwentement wassal għal kunflitti differenti inkluż il-massakru ta' bosta eluf ta' Somali tal-Kenja mill-armata Kenjana fit-tmeninijiet;

J.      billi l-Kenja hija l-ikbar ekonomija fil-Lvant tal-Afrika iżda minkejja r-riżorsi vasti tagħha hija klassifikata minn tal-aħħar fl-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem; billi l-maġġoranza tan-nies fil-Kenja jgħixu taħt il-linja tal-faqar; billi hemm problemi endemiċi fil-Kenja minn perspettiva ekonomika, minħabba l-monopolizzazzjoni tar-riżorsi minn minoranza u responsabbiltajiet kbar tal-ex setgħat kolonjali minħabba s-serq tar-riżorsi naturali tal-pajjiż;

K.     billi l-Kenja tintlaqat minn nixfiet rikorrenti, prinċipalment fl-artijiet aridi u semiairidi fil-parti tat-Tramuntana tal-pajjiż fejn jgħixu 5.5 miljun ruħ, l-aktar indokraturi tal-bhejjem li huma f'pożizzjoni partikolarment vulnerabbli minħabba faqar kroniku;

L.     billi fil-Kenja l-farms żgħar jirrappreżentaw 94.8 % tal-farms kollha iżda għandhom aċċess għal 11.7 % biss tal-art agrikola fil-pajjiż; billi l-Afrika ġarrbet mewġa reċenti ta' ħtif tal-art li minħabba fiha miljuni ta' ettari ta' art agrikola għammiela issa qegħdin f'idejn korporazzjonijiet kbar, u dan qed iċaħħad lil għexieren ta' eluf ta' komunitajiet tal-biedja mill-għajxien tagħhom; billi l-esportazzjonijiet agrikoli ewlenin tal-Kenja lejn l-UE huma t-te, il-kafè, il-ward u l-qronfol, il-fażola, il-piżelli, l-avokado, id-dott tan-Nil u t-tonn; billi fil-Kenja 500 000 ettaru jintużaw għall-produzzjoni tal-agrokarburanti minn intrapriżi mill-Kanada, il-Ġappun u l-Belġju, b'impatt kbir fuq l-ambjent u l-komunitajiet lokali;

M.    billi l-urbanizzazzjoni, l-industriji estrattivi, id-diegi idroelettriċi u ħafna megaproġetti industrijali oħra qed jieħdu dejjem aktar art agrikola, artijiet forestali, għejun tal-ilma, komunitajiet tal-biedja u territorji ta' popli indiġeni; billi mit-tħabbir tal-ewwel skoperta ta' żejt f'Marzu 2012, il-Kenja rat aktar skoperti ta' depożiti kbar taż-żejt u tal-gass; billi f'Novembru 2013, il-kumpanija Tullow Oil tar-Renju Unit u s-sieħeb fl-esplorazzjoni tagħha, il-kumpanija Africa Oil ibbażata fil-Kanada, ħabbru s-sejba ta' żejt fil-ħames bir ta' esplorazzjoni fil-Kontea ta' Turkana, fil-baċir ta' Lokichar tan-Nofsinhar; billi l-pajjiż huwa lest biex jibda l-eestrazzjoni fuq skala kbira ta' dawn ir-riżorsi naturali, u huwa mistenni li l-produzzjoni taż-żejt tibda fl-2016;

N.     billi attwalment in-nisa fil-Kenja jagħmlu l-biċċa l-kbira tax-xogħol agrikolu u jipproduċu u jikkummerċjalizzaw il-parti l-kbira tal-ikel, iżda jaqilgħu biss frazzjoni mill-introjtu ġġenerat u jipposjedu persentaġġ nominali tal-assi; billi n-nisa għadhom jiġu edukati ħafna anqas mill-kontropartijiet tagħhom, u għalhekk tiżdied id-dipendenza tagħhom fuq l-irġiel u għandhom limitazzjonijiet ukoll fir-rigward tas-sjieda, l-akkwist u l-kontroll ta' proprjetà fil-Kenja, irrispettivament mill-klassi soċjali, ir-reliġjon, jew il-grupp etniku; billi l-liġi fil-Kenja tipprojbixxi l-mutilazzjoni ġenitali mill-2011 u timponi pieni ta' tliet snin ħabs u multi għall-awturi; billi l-mutilazzjoni ġenitali għadha prattika li ilha teżisti;

O.     billi l-Qarn tal-Afrika huwa wieħed mir-reġjuni l-inqas siguri fid-dinja f'dak li jirrigwarda l-ikel u miljuni ta' persuni li jgħixu fir-reġjun m'għandhomx biżżejjed x'jieklu u jinsabu f'riskju ta' karestija; billi minkejja r-rikkezza tar-riżorsi naturali tiegħu l-Qarn tal-Afrika huwa wieħed mill-ifqar reġjuni fid-dinja u jinkludi pajjiżi li huma fost dawk bl-istandards tas-saħħa l-aktar baxxi; billi l-komunità internazzjonali naqset milli tindirizza l-kwistjonijiet ta' sigurtà tal-bniedem, nixfa u karestija fir-reġjun, u saħansitra ppeġġorat is-sitwazzjoni fir-reġjun;

P.     billi l-bosta partijiet involuti fil-gwerer ċivili, in-nuqqas ta' governanza statali fis-Somalja, it-telf tal-għajxien tas-sajjieda Somali u l-attivitajiet ta' piraterija 'l barra mill-kosta tas-Somalja, it-tensjonijiet bejn is-Sudan u s-Sudan t'Isfel, bejn l-Etjopja, l-Eritrea u s-Somalja u bejn l-Eritrea u l-Ġibuti, il-parteċipazzjoni tal-Kenja u ta' pajjiżi oħra tal-viċinat fil-forza tal-Unjoni Afrikana skjerata fis-Somalja, l-indħil u l-intervent minn partijiet esterni, u l-interessi ekonomiċi kif ukoll dawk ġeostrateġiċi tal-UE u ta' partijiet oħra tal-Punent kollha jikkontribwixxu biex il-Qarn tal-Afrika jsir wieħed mir-reġjuni l-aktar suxxettibbli għall-kunflitti fid-dinja, li jirriżulta fi tbatija umana enormi, spostamenti interni ta' persuni, deterjorament tal-kriżijiet umanitarji u tfixkil tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku sostenibbli kif ukoll tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt; billi l-embargo tan-NU fuq l-armi nkiser minn ħafna partijiet;

Q.     billi l-Kenja tospita kważi 600 000 rifuġjat minn pajjiżi tal-viċinat suxxettibbli għall-kunflitti, speċjalment is-Somalja; billi fl-2011 eskalazzjoni tal-kunflitt u karestija lokalizzata mbuttaw lil miljuni ta' persuni barra mis-Somalja, li wassal għal influss enormi ta' rifuġjati f'Dadaab, fejn attwalment aktar minn 350 000 Somalu jgħixu f'kamp tar-rifuġjati;

R.     billi l-edukazzjoni, il-litteriżmu, id-drittijiet tan-nisa, il-ġustizzja soċjali u tqassim ġust tad-dħul tal-gvern fis-soċjetà, it-tnaqqis tal-inugwaljanza u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni huma fundamentali għall-ġlieda kontra l-fundamentaliżmu, il-vjolenza u l-intolleranza;

S.     billi mill-2014 sal-2020 l-UE se tipprovdi EUR 435 miljun lill-Kenja; billi l-UE hija l-akbar sostenitur finanzjarju tal-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM) permezz tal-Faċilità Afrikana; billi l-UE qed twettaq diversi operazzjonijiet ċivili-militari fir-reġjun bħall-missjoni tal-PSDK EUCAP Nestor fil-Qarn tal-Afrika (mill-2012), l-EU NAVFOR (mill-2008) jew l-EUTM Somalia (mill-2010); billi l-Istati Uniti għandhom f'idejhom il-bażi navali militari ta' Manda Bay fil-Kenja;

T.     billi b'reazzjoni għall-attakki ta' al-Shabaab, il-Gvern Kenjan għadda liġi kontra t-terroriżmu f'Diċembru 2014; billi din tinkludi proposti għall-estensjoni taż-żmien li l-pulizija jistgħu jżommu persuni suspettati b'terroriżmu mid-90 jum preċedenti għal kważi sena, għaż-żieda tal-pieni, għall-għoti ta' aktar setgħat lill-investigaturi biex jinterċettaw telefonati u biex sidien il-kera jkollhom jipprovdu informazzjoni dwar il-kerrejja tagħhom; billi l-ġurnalisti jistgħu jiffaċċjaw sa tliet snin ħabs jekk ir-rapporti tagħhom "jippreġudikaw l-investigazzjonijiet jew l-operazzjonijiet tas-sigurtà relatati mat-terroriżmu"; billi l-Gvern Kenjan iddeċieda wkoll li jagħlaq aktar minn 500 organizzazzjoni mhux governattiva, inklużi 15 għal allegat ġbir ta' fondi għat-terroriżmu; billi skont attivisti tad-drittijiet tal-bniedem dawn il-miżuri jikkostitwixxu theddida għal-libertajiet ċivili u l-libertà tal-kelma;

U.     billi r-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ċivili huwa element essenzjali fil-politiki kontra t-terroriżmu li jirnexxu; billi l-kooperazzjoni bejn l-istati u l-atturi internazzjonali dwar kwistjonijiet ta' sigurtà trid isseħħ b'rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt internazzjonali;

V.     billi wara l-attakk terroristiku fuq l-Università ta' Garissa l-Viċi President tal-pajjiż Willian Ruto ħareġ ultimatum lin-NU li ħeġġeġ lill-UNHCR jagħlaq il-kamp tar-rifuġjati ta' Dadaab fi żmien tliet xhur jew inkella l-Kenja tagħlqu hija stess; billi l-UNHCR wissa li dan ikollu "konsegwenzi umanitarji u prattiċi estremi"; billi l-Konvenzjoni tan-NU dwar ir-Rifuġjati tipprojbixxi li r-rifuġjati jiġu mġiegħla jmorru lura f'żoni fejn ħajjithom jew il-libertà tagħhom tkun mhedda; billi ġie ssuġġerit ukoll li jinbena ħajt ta' separazzjoni bejn is-Somalja u l-Kenja;

W.    billi l-QKI akkużat lill-President Kenjana attwali Uhuru Kenyatta u lill-Viċi President tiegħu Willian Ruto li wettqu delitti kontra l-umanità matul il-vjolenza postelettorali tal-2007 li wasslet għall-mewt ta' aktar minn 1 000 Kenjan; billi l-Kap Prosekutur irtira l-allegazzjonijiet kontra Kenyatta fil-5 ta' Diċembru 2014 iżda akkuża lill-Gvern Kenjan b'fastidju u intimidazzjoni ta' xhieda potenzjali;

1.      Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem li jirriżulta mill-atti terroristiċi mwettqa minn al-Shabaab; jestendi l-ikbar simpatija u kondolajnzi tiegħu lill-familji tal-vittmi kollha, b'mod partikolari lil dawk tal-massakru tal-Università ta' Garissa; jenfasizza l-ħtieġa li dawk responsabbli minn tali delitti jwieġbu għal għemilhom permezz ta' mekkaniżmi xierqa;

2.      Jirrimarka li ż-żieda fil-ftaqir taċ-ċittadini, it-tnaqqis ta' opportunitajiet ekonomiċi, iż-żieda fl-inugwaljanzi u opportunitajiet edukattivi limitati żiedu sew l-għadd ta' persuni qiegħda, li konsegwentement jipprovdi l-bażi soċjoekonomika għall-iżvilupp ta' al-Shabaab; jinnota wkoll bi tħassib li f'ħafna reġjuni, l-istati tas-Somalja u tal-Kenja ma joffru l-ebda servizz pubbliku kruċjali għan-nies, bħall-ilma, is-sanitazzjoni, is-saħħa jew l-edukazzjoni; f'dawn iċ-ċirkostanzi, iħeġġeġ lill-awtoritajiet Kenjani u Somali jindirizzaw il-bażi soċjoekonomika għall-iżvilupp ta' al-Shabaab u jiġġieldu kontra d-deterjorament tal-istandards tal-għajxien biex tinkiseb il-ġustizzja soċjali;

3.      Iwissi kontra r-riskju li tinqabad it-triq ta' gwerra tar-reliġjonijiet; iqis l-azzjonijiet ta' al-Shabaab bħala ksur tal-prinċipji tal-Iżlam; huwa konvint li l-istrateġija kontra t-terroriżmu ma tistax tiġi meqjusa bħala ġlieda bejn ċivilizzazzjonijiet jew reliġjonijiet li twassal għal preġudizzji razzisti u ksenofobiċi;

4.      Huwa kritiku ħafna tar-rwol li d-diversi interventi tal-Punent ta' dawn l-aħħar snin żvolġew fit-trawwim tar-radikalizzazzjoni ta' individwi fil-Qarn tal-Afrika; jenfasizza li tali politiki qed jippromwovu, mhux qegħdin imorru kontra, it-terroriżmu u għalhekk għandhom jiġu abbandunati; huwa mħasseb dwar l-enfasi fuq "soluzzjonijiet" militari fil-politiki tal-UE kontra t-terroriżmu, li jirriżultaw f'bosta programmi ta' assistenza militari lill-pajjiżi tal-Qarn tal-Afrika; jiddikjara li ma jista' jkun hemm ebda soluzzjoni militari għall-kunflitti fir-reġjun; jirrifjuta l-użu tal-kunċett ta' "responsabilità ta' protezzjoni", billi jikser id-dritt internazzjonali u ma joffrix bażi ġuridika xierqa biex jiġi ġġustifikat l-użu unilaterali tal-forza;

5.      Jenfasizza, b'mod partikolari, il-ħtieġa li l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-pajjiżi sħab tagħha tal-Unjoni Afrikana jibbażaw l-istrateġija tagħhom għall-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali, bħal kull forma oħra ta' kriminalità, fuq l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet fundamentali; jissottolinja, barra minn hekk, il-fatt li l-politiki esterni tal-Unjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali għandhom, l-ewwel nett, ikunu mmirati lejn il-prevenzjoni, u lejn politika li topponi kull tip ta' intervent militari, filwaqt li titqies mill-ġdid u b'mod komprensiv il-pożizzjoni tal-UE fin-negozjati internazzjonali, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi d-djalogu politiku, it-tolleranza u l-fehim fost kulturi u reliġjonijiet differenti;

6.      Jistieden lill-UE u lill-komunità internazzjonali jaħdmu mal-pajjiżi Afrikani u mal-atturi reġjonali u internazzjonali biex isolvu l-kunflitti strettament permezz ta' mezzi paċifiċi, anke permezz tal-indirizzar tal-kawżi ewlenin tagħhom; jistieden lill-UE tistabbilixxi qafas ġdid ta' relazzjonijiet mal-Kenja u mal-pajjiżi Afrikani kollha bbażat fuq in-nuqqas ta' intervent fl-affarijiet interni tagħhom u r-rispett għas-sovranità tagħhom, u maħsub biex jappoġġa l-iżvilupp tar-reġjuni tal-viċinat u biex jippromwovi l-impjieg u l-edukazzjoni, pjuttost milli bbażat fuq "ftehimiet ta' assoċjazzjoni" li jservu l-aktar biex jistabbilixxu żoni ta' kummerċ ħieles għall-benefiċċju tal-interessi tal-kumpaniji Ewropej;

7.      Jesprimi d-diżapprovazzjoni u r-rifjut tiegħu tal-approċċ militari tal-UE, fil-forma tar-riforma tas-settur tas-sigurtà u tal-missjoni ta' taħriġ EUTM Somalia u jirrifjuta kull missjoni oħra tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) fir-reġjun bħal EUCAP Nestor; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jtemmu l-EUTM Somalia peress li jidher li huwa impossibbli li persuni reklutati u mħarrġa mill-EUTM jinżammu milli jingħaqdu ma' gruppi armati bħal al-Shabaab, u b'hekk l-UE tkun qed tikkontribwixxi enormement għall-kunflitt u għall-militarizzazzjoni tar-reġjun;

8.      Jenfasizza li r-riżorsi għall-għajnuna għall-iżvilupp, bħall-FEŻ, m'għandhom jintużaw għall-ebda skop militari; joġġezzjona bil-qawwa għall-użu tal-FEŻ għat-taħriġ ta' forzi militari; joġġezzjona bil-qawwa għall-użu tal-għajnuna għall-iżvilupp biex jissaħħu l-interessi strateġiċi; huwa tal-fehma li l-FEŻ irid jibqa' strettament strument għall-finanzjament tal-isforzi biex jinqerdu l-faqar u l-ġuħ fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

9.      Iqis li l-ġlieda kontra t-traffikar tal-armi għandha tkun prijorità tal-UE fil-ġlieda kontra l-kriminalità internazzjonali serja u organizzata; jemmen, b'mod partikolari, li jeħtieġ li l-kooperazzjoni tissaħħaħ aktar fir-rigward tal-mekkaniżmi ta' skambju ta' informazzjoni u t-traċċabilità u l-qerda ta' armi projbiti;

10.    Jitlob b'insistenza li ssir investigazzjoni internazzjonali taħt l-awspiċji tan-NU biex tiddetermina r-responsabbiltajiet ta' pajjiżi terzi fl-organizzazzjoni u l-finanzjament ta' gruppi terroristiċi fir-reġjun, u r-responsabbiltà ta' kumpaniji multinazzjonali u gvernijiet fl-akkumulu ta' ġid u ż-żieda fl-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali;

11.    Iħeġġeġ lill-UE ssegwi approċċ purament ċivili u paċifiku għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti u twettaq ir-rwol newtrali tagħha ta' konċiljatriċi/medjatriċi sabiex tinkiseb paċi sostenibbli fis-Somalja u fir-reġjun kollu tal-Qarn tal-Afrika; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jipprovdu għajnuna umanitarja newtrali, imparzjali u indipendenti lill-popolazzjonijiet vulnerabbli;

12.    Itenni li l-UE u l-pajjiżi tal-Qarn tal-Afrika għandhom jindirizzaw il-kawżi ewlenin tal-estremiżmu vjolenti billi jittrattawh b'mod li jkun kompatibbli mad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt internazzjonali, minflok ma jħeġġu jew jappoġġaw ir-reġimi jew il-gruppi ripressivi fil-Qarn tal-Afrika;

13.    Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar l-ispekulazzjoni tal-prezzijiet tal-ikel u l-ħtif tal-art fl-Afrika, anke għall-agrokarburanti, li tista' tipperikola s-sigurtà alimentari lokali u tippeġġora l-karestija; jistieden lill-gvernijiet tal-Qarn tal-Afrika u lill-UE jivvalutaw l-impatt attwali tal-akkwiżizzjoni tal-art agrikola fuq il-faqar rurali u l-kriżi tal-karestija; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintegra l-kwistjoni tal-'ħtif tal-art' fid-djalogu politiku tagħha mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bl-għan li twaqqaf l-appoġġ għal tali politiki; jistieden lill-UE żżid il-proporzjon ta' għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) allokata għall-agrikoltura, kif ukoll l-ODA għall-investimenti f'farms sostenibbli żgħar u fil-pastoraliżmu, biex jiġi żgurat li l-bdiewa żgħar ikollhom aċċess għall-art, u b'hekk jissaħħaħ is-suq lokali, biex tiġi żgurata s-sovranità alimentari fil-Qarn tal-Afrika, kif ukoll bħala għajnuna għar-riġenerazzjoni tal-ilmijiet tar-reġjun sabiex jiġu ggarantiti l-mezzi ta' sussistenza għas-sajjieda u l-familji tagħhom;

14.    Jistieden lill-Gvern Kenjan u lill-gvernijiet tal-pajjiżi ta' oriġini tal-impriżi estrattivi biex jitolbuhom japplikaw l-aħjar prattiki biex jiġu żgurati t-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-parteċipazzjoni pubblika u biex jindirizzaw il-korruzzjoni fis-settur tal-industriji estrattivi;

15.    Jistieden lill-Gvern Kenjan jippromwovi r-rwol importanti tan-nisa fis-soċjetà, l-ekonomija tal-pajjiż, il-produzzjoni tal-ikel u l-ħarsien tal-ambjent, anke permezz tal-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja pubblika u f'dik privata; jistieden lill-Gvern jadotta wkoll miżuri effikaċi biex jeqred il-prassi tal-mutilazzjonijiet fil-pajjiż;

16.    Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-prijorità li l-Gvern Kenjan ta lis-sigurtà interna askapitu tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet ċivili; jistieden lill-pajjiż jissodisfa l-obbligi tiegħu skont id-dritt internazzjonali, b'mod partikolari li jospita u jipproteġi lir-rifuġjati;

17.    Jistieden lill-awtoritajiet tal-UE u tal-pajjiżi tal-Qarn tal-Afrika jirrispettaw il-projbizzjoni tat-tortura billi din hija minquxa fil-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti; itenni li konfessjonijiet furzati taħt tortura mhumiex validi u jikkundanna din il-prassi; jopponi bil-qawwa l-użu ta' drones fil-qtil extraġudizzjarju u extraterritorjali u jitlob b'insistenza projbizzjoni tal-użu tad-drones għal dan il-għan;

18.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, lill-pajjiżi tal-Qarn tal-Afrika, lill-Parlament Pan-Afrikan u lill-membri tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.