Dokument ta' sessjoni
27.4.2015 B8‑0392/2015
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni fil-Maldive
( 2015/2662(RSP) )
Cristian Dan Preda, Davor Ivo Stier, Lara Comi, Traian Ungureanu, Dubravka Šuica, Barbara Matera, Claude Rolin, Raffaele Fitto, Andrej Plenković, Roberta Metsola, Ivana Maletić
f'isem il-Grupp PPE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Maldive
( 2015/2662(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Maldive,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Lokali Konġunta tal-Unjoni Ewropea dwar l-istat tad-dritt fil-Maldive tal-24 ta'Frar 2015,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mill-Kelliem għall-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar il-kundanna tal-ex-President tal-Maldive, Mohamed Nasheed, tal-14 ta' Marzu 2015,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mill-Kelliem għall-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP/RGħ) dwar l-attivazzjoni tal-piena tal-mewt fil-Maldive tat-30 ta' April 2014,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li l-Maldive hija stat parti tiegħu,
– having regard to Rule 123(2) of its Rules of Procedure,
A. billi l-ex-President tal-Maldive, Mohamed Nasheed, instab ħati fuq akkużi skont leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu minn Qorti Kriminali u fit-13 ta' Marzu 2015 ġie kkundannat għal 13-il sena priġunerija,
B. billi l-ex-President Mohamed Nasheed allegatament f'Jannar 2012 ordna l-ħtif u d-detenzjoni tal-Prim Imħallef tal-Qorti Kriminali, l-Imħallef Abdullah Mohamed;
C. billi kien hemm rapporti li l-ex-President Mohamed Nasheed kien effettivament imċaħħad mid-dritt ta' rappreżentanza ġudizzjarja xierqa waqt is-smigħ tal-qorti tat-23 ta' Frar 2015 u mill-aċċess għall-proċess tal-proċedimenti meħtieġ sabiex iressaq appell; billi għalhekk l-ex-President Mohamed Nasheed ma setax iressaq appell fil-ħin u fil-forma dovuta kontra s-sentenza;
D. billi l-kundanna tal-ex-President Mohamed Nasheed għandha r-riskju li timmina l-fiduċja tal-poplu fl-indipendenza tal-ġudikatura;
1. Jenfasizza li l-kundanna tal-ex-President Mohamed Nasheed għall-akkużi skont il-leġiżlazzjoni ta' kontra t-terroriżmu tqajjem dubji serji dwar l-istat tad-dritt fil-Maldive;
2. Jissottolina li r-rispett tal-istat tad-dritt, id-dritt ta' proċess ġust, proċess ġuridiku adegwat u l-indipendenza tal-ġudikatura, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-ICCPR, huma elementi ċentrali tal-proċess demoktratiku; jenfasizza li kull ċittadin tal-Maldive, inkluż l-ex-President Nasheed, għandu jkun trattat skont dawn il-prinċipji, li minnhom infushom huma importanti għal soċjetà pluralistika;
3. Jistieden lill-UE tissorvelja aktar is-sitwazzjoni fil-Maldive; jenfasizza li r-rispett għall-istat tad-dritt għandu jiġi indirizzat f'sessjoni tal-Eżami Perjodiku Universali dwar il-Maldive tal-Kunsill tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;
4. Jappella għal kalma fil-Maldive u jistieden lill-partijiet kollha jaġixxu b'moderazzjoni, responsabbiltà u kawtela, u jasserixxu d-drittijiet u l-libertajiet kostituzzjonali;
5. Huwa mħasseb bid-deċiżjoni tal-Gvern tal-Maldive ta' April 2014 li jikser il-moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt, u jħeġġeġ lill-Gvern tal-Maldive jżomm fis-seħħ il-moratorju;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-gvern u l-parlament tal-Maldive.