Dokument ta' sessjoni
27.4.2015 B8‑0396/2015
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja
( 2015/2520(RSP) )
Charles Tannock, Geoffrey Van Orden, Ryszard Antoni Legutko, Ryszard Czarnecki, Tomasz Piotr Poręba, Angel Dzhambazki, Beatrix von Storch, Branislav Škripek, Jana Žitňanská
f'isem il-Grupp ECR
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja
( 2015/2520(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-ħames djalogu ministerjali bejn in-Niġerja u l-UE li sar f’Abuja fis-27 ta’ Novembru 2014,
– wara li kkunsidra t-Triq Konġunta ‘l Quddiem bejn in-Niġerja u l-UE tal-2009,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP/RGħ) dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta’ Jannar 2015 tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali u Kap tal-Uffiċċju tan-NU għall-Afrika tal-Punent, Mohamed Ibn Chambas, dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra r-Rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar it-Tfal Affettwati mill-Konflitti Armati (CAAC) ippubblikat fl-1 ta’ Lulju 2014,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1981, irratifikata min-Niġerja fit-22 ta’ Ġunju 1983,
– wara li kkunsidra t-tieni reviżjoni tal-Ftehim ta’ Cotonou 2007-2013, irratifikat min-Niġerja fis-27 ta’ Settembru 2010,
– wara li kkunsidra l-Kapitolu IV tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Federali tan-Niġerja dwar id-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Elettorali Niġerjana tas-7 ta’ Frar 2015 dwar l-għażla taż-żmien tal-elezzjonijiet presidenzjali tal-pajjiż,
– wara li kkunsidra l-eżitu ta’ dawn l-elezzjonijiet li sussegwentement seħħew fit-28 ta’ Marzu 2015,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-VP/RGħ tat-30 u tal-31 ta’ Marzu dwar it-twettiq u l-eżitu tal-elezzjonijiet presidenzjali,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi n-Niġerja hija l-akbar ekonomija fil-kontinent Afrikan u hija msieħba kummerċjali ewlenija tal-UE;
B. billi bejn l-2009 u l-2013, l-għajnuna tal-UE lin-Niġerja ammontat għal madwar EUR 700 miljun, li minnhom EUR 200 miljun kienu allokati għall-konsolidazzjoni tal-paċi u l-istabbiltà, it-trattament tal-faqar u l-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ xogħol għaż-żgħażagħ (ex militanti) fid-Delta tan-Niġer;
C. billi, minkejja r-riżorsi kbar tagħha, in-Niġerja hija fost l-aktar pajjiżi li għandu inugwaljanzi fid-dinja; billi l-korruzzjoni hija wkoll mifruxa madwar in-Niġerja u tikkontribwixxi għal din l-inugwaljanza ekonomika u soċjali;
D. billi l-elezzjonijiet presidenzjali seħħew fit-28 ta’ Marzu 2015; billi fis-7 ta’ Frar 2015 il-Kummissjoni Elettorali Niġerjana iddeċidiet li dawk l-elezzjonijiet, ippjanati għall-14 ta’ Frar, kienu se jittardjaw b’sitt ġimgħat;
E. billi dawk l-elezzjonijiet intrebħu mill-kandidat tal-oppożizzjoni Muhammadu Buhari, u dan jimmarka l-ewwel darba li l-President fil-kariga naqas milli jirbaħ elezzjoni mill-ġdid fin-Niġerja;
F. billi l-paċi u l-istabbiltà tan-Niġerja huma dejjem aktar mhedda mill-grupp militanti Iżlamista Boko Haram, li ilu jagħmel ħerba mill-2009 b’mewġa ta’ attakki bil-bombi, qtil u ħtif billi huwa jfittex li jimponi forma stretta tal-liġi tax-Xarija, li jwaqqa’ l-gvern u li joħloq stat Iżlamiku;
G. billi fl-2014 biss, ġie stmat li aktar minn 4 000 ruħ sfaw maqtula f’attakki mill-grupp terroristiku Iżlamista Boko Haram, u 900 persuna sfaw maħtufa; billi n-Nazzjonijiet Uniti tistma li aktar minn 1.5 miljun ruħ ġew spostati, u mill-anqas tliet miljuni ġew affettwati mir-ribelljoni fil-Grigal tan-Niġerja;
H. billi f’Marzu 2015 il-Boko Haram wiegħed il-lealtà tiegħu lejn il-grupp estremista tal-Istat Iżlamiku, li bħalissa qed iwettaq kampanja ta’ vjolenza madwar partijiet tal-Lvant Nofsani;
I. billi l-Boko Haram issa huwa maħsub li jikkontrolla aktar minn 50 000 kilometru kwadru tal-Grigal tan-Niġerja;
J. billi sa 2 000 persuna ġew irrappurtati maqtula fil-belt ta’ Baga fit-3 ta’ Jannar 2015 fl-aktar attakk imdemmi sa issa mill-Boko Haram; billi l-Gvern Niġerjan ikkontesta dawn iċ-ċifri u, minkejja rapporti kredibbli li jissuġġerixxu li l-biċċa l-kbira tal-vittmi kienu tfal, nisa u anzjani, isostni li nqatlu madwar 150 persuna, il-parti l-kbira minnhom militanti;
K. billi l-Boko Haram kellu wkoll fil-mira knejjes f’dak li huwa maħsub li huma tentattivi mill-militanti biex iqanqlu tensjoni reliġjuża;
L. billi fis-6 ta’ April 2015 militanti tal-Boko Haram moħbija taħt il-bixra ta’ predikaturi qatlu mill-anqas 24 ruħ u darbu bosta oħrajn f’attakk ħdejn moskea fl-Istat ta’ Borno fil-Grigal tan-Niġerja;
M. billi l-vjolenza tar-ribelljoni li qed teskala thedded is-sigurtà tal-Punent tal-Afrika kollu kemm hu;
N. billi l-militar Niġerjan qed jaffaċċja kompitu enormi b’riżorsi limitati, waqt li jipprova jipproteġi liċ-ċittadini minn qattiela bil-bombi u minn persuni armati li huma mifruxa fuq żona kbira;
O. billi miżuri kontra r-ribelljoni għad iridu jipprovdu protezzjoni adegwata lill-persuni ċivili mit-theddida tal-Boko Haram, bil-popolazzjoni f’Adamawa, Borno u Yobe, it-tliet Stati tal-Grigal, soġġetti għal attakki dejjem aktar intensi u ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem;
P. billi inizjattiva mmexxija minn Franza talbet lin-Niġerja, lin-Niġer, lill-Kamerun u liċ-Ċad biex jikkontribwixxu 700 suldat kull wieħed għal forza multinazzjonali kontra l-Boko Haram, iżda l-ebda pajjiż ma implimenta l-pjan;
Q. billi l-Boko Haram ħataf u żamm għadd ta’ bliet fil-Grigal tan-Niġerja u għadu jkompli jirrekluta bil-forza persuni ċivili fl-iskjeramenti tiegħu, inklużi ħafna tfal;
R billi f’April 2014 aktar minn 270 tifla nħatfu minn skola tal-gvern f’Chibok, fl-Istat ta’ Borno; billi l-maġġoranza tagħhom għadhom neqsin; billi minn dak iż-żmien ‘l hawn, mijiet ta’ persuni oħra sfaw maħtufa mill-Boko Haram;
S. billi aktar minn 300 000 Niġerjan ħarbu lejn il-Majjistral tal-Kamerun u lejn il-Lbiċ tan-Niġer biex jaħarbu mill-vjolenza;
T. billi r-ribelljoni tal-Boko Haram ġiet diskussa fid-Djalogu Ministerjali reċenti bejn l-UE u n-Niġerja;
U. billi fl-10 ta' Jannar 2015 attakkant suwiċida, li ġie rrappurtat li kienet tifla ta’ 10 snin, qatel mill-anqas 19-il persuna f’Maiduguri, fil-Grigal tan-Niġerja, fl-aħħar attakk bħal dan fir-reġjun; billi fil-ġurnata ta’ wara żewġ attakkanti suwiċida nisa qatlu erba’ persuni u darbu aktar minn 40 ruħ fil-belt ta’ Potiskum;
V. billi fit-12 ta’ Jannar 2015, l-Arċisqof Kattoliku ta’ Jos, fin-Niġerja Ċentrali akkuża lill-Punent li injora t-theddida tal-Boko Haram u qal li d-dinja kellha turi aktar determinazzjoni biex twaqqaf l-avvanz tal-grupp fin-Niġerja;
W. billi fid-9 ta’ Jannar 2015 il-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati rrapporta li l-għadd ta’ rifuġjati Niġerjani li qed ifittxu s-sikurezza fiċ-Ċad kien kważi kkwadruplika fl-għaxart ijiem wara li l-attakki mir-ribelli tal-Boko Haram fil-Grigal tan-Niġerja spustjaw eluf;
1. Jinnota l-eżitu tal-elezzjonijiet presidenzjali reċenti u jifraħ lil Muhammadu Buhari għar-rebħa tiegħu; barra minn hekk, iħeġġeġ lill-President il-ġdid sabiex iwassal lin-Niġerja lejn ġejjieni aktar stabbli, paċifiku u prosperuż fl-interessi tal-poplu Niġerjan kollu;
2. Jemmen li t-tranżizzjoni ta’ poter permezz tal-kaxxa tal-voti turi approfondiment tad-demokrazija fin-Niġerja li tista’ sservi bħala mudell għal nazzjonijiet Afrikani oħra;
3. Iqis deplorevoli d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Elettorali Niġerjana li tipposponi l-elezzjonijiet presidenzjali li oriġinarjament kienu skedati li jsiru fl-14 ta’ Frar 2015;
4. Jesprimi tħassib dwar il-fatt li t-theddida għas-sigurtà fin-Niġerja setgħet ostakolat xi votanti milli jmorru jivvutaw, u jinnota wkoll li, filwaqt li l-osservaturi b’mod ġenerali faħħru l-elezzjoni, tqajjem xi tħassib dwar frodi;
5. Ifaħħar il-poplu tan-Niġerja li vvota fl-elezzjonijiet tat-28 ta’ Marzu 2015, li bosta minnhom għamlu dan minkejja t-theddida ta’ vjolenza mir-ribelli tal-Boko Haram;
6. Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza dejjem għaddejja u li dejjem issir aktar inkwetanti fin-Niġerja, inkluż l-użu tat-tfal bħala attakkanti suwiċida, li wassal għal eluf ta’ mwiet u korrimenti u għall-ispustjar ta’ mijiet ta’ eluf ta’ persuni oħrajn;
7. Jiddeplora l-massakru ta’ rġiel, nisa u tfal innoċenti, u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tan-Niġerja fid-determinazzjoni tiegħu li jiġġieled il-forom kollha tat-terroriżmu f’pajjiżu;
8. Jitlob għal sforzi internazzjonali konċertati biex jintemm it-tixrid tad-demm fin-Niġerja, iżda jemmen li dawn għandhom ikunu xprunati minn kooperazzjoni reġjonali akbar bejn stati u atturi relevanti oħrajn;
9. Jistieden lill-komunità internazzjonali biex twettaq l-impenn tagħha li tipprovdi firxa komprensiva ta’ appoġġ politiku, ta’ żvilupp u umanitarju lin-Niġerja u lill-poplu tagħha fil-ġlieda kontra t-theddida tal-Boko Haram u li jiġi żgurat l-iżvilupp tal-pajjiż;
10. Jistieden lill-Gvern Niġerjan biex jiżgura li l-militar Niġerjan ikun mgħammar b’mod xieraq bir-riżorsi kollha disponibbli biex tiġi miġġielda t-theddida tal-Boko Haram;
11. Jemmen li l-Gvern Niġerjan għandu d-dritt u r-responsabilità li jiddefendi l-poplu tiegħu mit-terroriżmu, iżda jinsisti li dawn l-azzjonijiet għandhom jitmexxew skont ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;
12. Jistieden lill-Gvern Niġerjan biex iwettaq investigazzjoni sħiħa u bir-reqqa dwar dawn ir-rapporti kollha ta’ atroċitajiet u biex jieħu azzjoni xierqa, skont l-istat tad-dritt, kontra dawk li nstabu li kienu involuti f’abbużi tad-drittijiet tal-bniedem;
13. Jemmen li l-mexxejja politiċi tan-Niġerja għandhom jużaw ir-riżultat tal-elezzjonijiet tat-28 ta’ Marzu 2015 bħala katalist biex isolvu l-problemi ekonomiċi u soċjali tal-pajjiż, li huma kawża tal-vjolenza li dejjem tiżdied; jistieden ukoll lit-tmexxija politika tan-Niġerja biex tieħu miżuri għal dan l-iskop sabiex tittratta l-ineffiċjenzi tal-gvern, il-korruzzjoni, l-amministrazzjoni ħażina u l-approprjazzjoni indebita tal-ġid taż-żejt tal-pajjiż;
14. Jiddispjaċih li l-komunità internazzjonali sa issa naqset milli taġixxi biex tipprovdi appoġġ siewi lill-poplu tan-Niġerja kemm fir-rigward tal-ittrattar tal-vjolenza li qiegħda tiżdied kif ukoll l-indirizzar ta’ kwistjonijiet soċjali u ekonomiċi;
15. Jemmen li riformi lis-sistema ġudizzjarja tan-Niġerja huma meħtieġa b’mod urġenti biex tkun tista’ tipprovdi ġustizzja kriminali effettiva għall-ġlieda kontra t-terroriżmu;
16. Jappoġġja lill-Gvern Niġerjan fl-azzjonijiet tiegħu mmirati lejn il-ġlieda kontra t-theddida tal-Boko Haram, iżda jfakkru fir-responsabilità tiegħu biex jiżgura li tali azzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-liġi internazzjonali;
17. Jitlob li jsiru investigazzjonijiet bir-reqqa dwar allegazzjonijiet ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż qtil extraġudizzjarju, tortura, arresti arbitrarji u abbużi relatati mal-estorsjoni u jemmen li tali azzjonijiet ma jistgħux jiġu ġustifikati bħala mezz għall-ġlieda kontra t-theddida ppreżentata mill-Boko Haram jew organizzazzjonijiet terroristiċi oħrajn;
18. Jappella għal sforzi internazzjonali ulterjuri biex jiġi żgurat il-ħelsien tal-aktar minn 200 tifla maħtufa mill-Boko Haram minn skola tal-gvern f’Chibok, Borno, f’April 2014;
19. Iħeġġeġ lill-Gvern Niġerjan biex jaħdem mal-imsieħba reġjonali biex tinbena koalizzjoni b’saħħitha u soda biex jiġġieldu t-theddida tal-Boko Haram; barra minn hekk iwissi li mingħajr tali kooperazzjoni, il-vjolenza x’aktarx se tkompli, u twassal għall-imminar tal-paċi u l-istabbiltà fir-reġjun kollu;
20. Ifaħħar il-ħidma u l-kuraġġ ta’ ġurnalisti u ta’ difensuri tad-drittijiet tal-bniedem lokali u internazzjonali fit-tfittxija biex tinġibed l-attenzjoni tad-dinja lejn il-barbarità tal-estremiżmu tal-Boko Haram u l-vittmi innoċenti tal-vjolenza tagħhom;
21. Jikkundanna l-immirar tal-Boko Haram lejn istituzzjonijiet reliġjużi u l-fidili, u jinnota li l-vjolenza tal-grupp laqtet Musulmani, Kristjani u twemmin ieħor mingħajr distinzjoni;
22. Jinnota li, f’Jannar 2015, il-mexxej tal-Boko Haram Abubakar Shekau hedded b’aktar massakri u bi gwerra fuq il-pajjiżi ġirien; ifaħħar il-qlubija ta’ suldati minn madwar ir-reġjun li qed ifittxu li jbiegħdu u jegħlbu t-theddida tal-Boko Haram;
23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummisjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Gvern Federali tan-Niġerja, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana u tal-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS), lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-AKP-UE u lill-Parlament PAN-Afrikan.