Dokument ta' sessjoni
27.4.2015 B8‑0399/2015
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni fil-Maldive
( 2015/2662(RSP) )
Marie-Christine Vergiat, Patrick Le Hyaric, Kostas Chrysogonos, Younous Omarjee, Malin Björk
f'isem il-Grupp GUE/NGL
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Maldive
( 2015/2662(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Maldive, u partikolarment dawk tas-16 ta' Settembru 2014 dwar is-sitwazzjoni politika fil-Maldive[1],
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-portavuċi tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-14 ta' Marzu 2015 dwar il-kundanna tal-ex President tal-Maldive, Mohamed Nasheed,
–wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar l-abbozz ta' Linji Gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tal-Libertà ta' Reliġjon jew ta' Twemmin[2],
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, partikolarment l-Artikolu 18 tiegħu u t-tieni Protokoll Fakultattiv dwar il-piena tal-mewt,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,
– wara li kkunsidra it-Trattat Internazzjonali dwar il-Kummerċ tal-Armi,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-piena kapitali, partikolarment ir-riżoluzzjoni 69/186 tat-18 ta' Diċembru 2014,
– wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-14 ta' Marzu tal-portavuċi tas-SEAE dwar il-kundanna tal-ex President tal-Maldive, Mohamed Nasheed,
– wara li kkunsidra r-rapport tat-22 ta' Marzu 2014 tal-missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-Unjoni Ewropea dwar l-elezzjonijiet parlamentari fil-Maldive,
– wara li kkunsidra l-komunikat komuni lokali ta' Settembru 2014 tal-Unjoni u tal-ambaxxati tal-Istati Membri kif ukoll dik tan-Norveġja u tal-Isvizzera dwar it-theddid għas-soċjetà ċivili u d-drittijiet tal-bniedem fil-Maldive,
– wara li kkunsidra r-rapport ta' Amnesty International tat-23 ta' April 2015 intitolat "Maldives: Assault on Civil and Political Rights",
– wara li kkunsidra r-rapport ta' Amnesty International tas-16 ta' April 2015 intitolat "Suggested recommendations to States considered in the 22nd round of the Universal Periodic Review, 4-15 May 2015" u l-kapitolu tiegħu dwar il-Maldive,
– wara li kkunsidra l-komunikat ta' Amnesty International tat-13 ta' Marzu 2015 intitolata "Maldives: 13 year sentence for former president "a travesty of justice"",
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-ewwel president demokratikament elett tar-Repubblika tal-Maldive, Mohamed Nasheed, akkużat b'"terroriżmu", ġie kkundannat tlettax-il sena priġunerija nhar il-Ġimgħa 13 ta' Marzu 2015; billi wkoll l-ex Ministru tad-Difiża u deputat ġew ikkundannati fl-istess każ ta' arrest, matul il-mandat tiegħu, ta' Prim Imħallef tal-Qorti Kriminali akkużat b'korruzzjoni fl-2012; billi żewġ imħallfin minn fost tlieta ta' dan il-każ kienu wkoll xhieda kontra Mohamed Nasheed matul l-investigazzjoni;
B. billi n-Nazzjonijiet Uniti u l-Unjoni Ewropea esprimew dubji serji dwar l-imparzjalità tal-ġustizzja Maldivjana f'din il-kawża, fid-dawl tal-pożizzjonijiet tal-NGOs dwar dak li jidher twarrib tal-ex President Mohamed Nasheed, elett fl-2008;
C. billi l-militant tad-drittijiet tal-bniedem u l-oppożitur politiku Mohamed Nasheed intbagħat il-ħabs f'bosta okkażjonijiet matul it-30 sena reġim ta' Maumoon Abdul Gayoom; billi erba' snin wara li wasal fil-poter, ġie mġiegħel jirriżenja partikolarment wara ammutinamenti tal-pulizija u tal-armata;
D. billi l-avukati ta' Mohamed Nasheed iddenunzjaw il-falsità tas-sentenza li l-għan tagħha kien li tkisser il-karriera politika tiegħu; billi d-dimostranti kontra din id-deċiżjoni tal-ġustizzja ġew arrestati, inklużi d-deputati tal-partit tiegħu, il-Partit Demokratiku tal-Maldive (PDM); billi l-avukati tal-partit tiegħu indikaw li biħsiebhom jappellaw għal din id-deċiżjoni għand il-Qorti Superjuri;
E. billi l-gvern ta' Abdulla Yameen mexxa kampanji ta' repressjoni kontra l-NGOs, il-ġurnalisti u l-oppożituri politiċi;
F. billi l-elezzjonijiet presidenzjali li jmiss se jsiru fl-2018;
G. billi l-ewwel elezzjonijiet multipartitiċi tal-2008 u l-adozzjoni ta' kostituzzjoni ġdida jirrappreżentaw speranza ta' demokratizzazzjoni biex jispiċċa darba għal dejjem l-imgħoddi awtoritarju tal-pajjiż; billi madankollu l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2013 u parlamentari tal-2014 urew problemi persistenti ta' Stat tad-dritt u ta' indipendenza tal-ġudikatura, partikolarment ta' delimitazzjoni preċiża tal-kompetenzi u tal-kummissjoni elettorali, li fiha sitt persuni ġew sosspiżi u mibgħuta l-ħabs;
H. billi l-awtoritajiet ġudizzjarji Maldivjani esprimew opinjoni fir-rigward tal-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Maldive ftit wara li ħareġ ir-rapport tagħha fin-Nazzjonijiet Uniti dwar ir-reviżjoni perjodika 2015 tal-Maldive f'Settembru 2014; billi l-membri tagħha huma akkużati bi tradiment għoli;
I. billi l-pajjiż huwa t-teatru tal-liġi Iżlamika, ta' tħaġġir u ta' swat, partikolarment ta' nisa fil-każijiet ta' adulterju, ta' repressjoni tal-atei u b'mod aktar ġenerali ta' theddid għal-libertà ta' espressjoni;
J. billi xi gruppi armati mexxew attakki kontra ċittadini, li wħud minnhom huma akkużati bi promozzjoni tal-ateiżmu; billi dan il-Parlament ħadem favur il-promozzjoni u l-ħarsien tal-prinċipji tal-libertà ta' reliġjon u ta' twemmin, bil-għan li jiżgura l-paċi fost il-kredenti minn naħa u bejn in-nonkredenti u l-kredenti min-naħa l-oħra; billi r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 213 dwar l-abbozz ta' Linji Gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tal-Libertà ta' Reliġjon jew ta' Twemmin tqis "li s-sekulariżmu [...] ifisser ir-rifjut ta' kull interferenza reliġjuża fil-funzjonament tal-gvern u ta' kull interferenza pubblika fl-affarijiet reliġjużi";
K. billi l-piena tal-mewt reġgħet ġiet stabbilita f'April 2014, inkluż għall-minuri u f'ċerti każijiet għal tfal mill-età ta' 7 snin, u dan wara moratorja ta' 60 sena; billi l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal ġiet iffirmata u ratifikata mill-Maldive, u billi l-pajjiż jipprojbixxi espliċitament l-użu tal-piena kapitali għall-minuri ta' inqas minn 18-il sena;
L. billi l-isforzi tal-komunità internazzjonali għadhom mhumiex biżżejjed quddiem sfida tat-tibdil fil-klima li thedded direttament il-kważi 1 200 gżira Maldivjana b'għoli medju ta' żewġ metri 'l fuq mil-livell tal-baħar; billi t-tsunami li għamel ħerba fl-2004 kien wieħed mill-akbar diżastri naturali tal-istorja reċenti;
1. Ifakkar lir-Repubblika tal-Maldive bl-impenji internazzjonali tagħha fil-qasam tal-indipendenza tal-ġudikatura, tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, partikolarment biex tiġi żgurata f'kull ċirkostanza l-libertà ta' espressjoni u d-dritt għal proċess ġust; jivvaluta l-promozzjoni ta' dawk l-elementi essenzjali għall-proċess ta' demokratizzazzjoni tal-pajjiż;
2. Jitlob li l-kundizzjonijiet ta' proċess ġust u trasparenti jkunu assigurati, konformement mal-istandards internazzjonali, jekk isir l-appell għas-sentenza ta' priġunerija ta' Mohamed Nasheed;
3. Jikkundanna l-fastidju, l-intimidazzjoni u l-vjolenzi li tagħhom huma vittmi l-militanti tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u l-oppożituri politiċi li jesprimu paċifikament fehmiethom; jitlob lill-awtoritajiet jilliberaw minnufih mill-ħabs jew mill-arrest preventiv il-persuni detenuti minħabba raġunijiet politiċi;
4. Jissottolinja l-bżonn li l-awtoritajiet Maldivjani jiżguraw il-libertà tal-għaqda u assoċjazzjoni u jieħdu kull provvediment neċessarju biex jippermettu lill-militanti tad-drittijiet tal-bniedem jaġixxu liberament u indipendentement u anki jwettqu inkjesti imparzjali dwar l-allegazzjonijiet ta' attakki kollha;
5. Jappella lill-Gvern Maldivjan biex jabolixxi b'urġenza l-piena kapitali jew, fin-nuqqas ta' dan, jerġa' jistabbilixxi l-moratorja fuq il-piena l-aktar krudili, inuman u degradanti li teżisti, ikunu xi jkunu l-atti kommessi; jistieden f'dan ir-rigward lir-Repubblika tal-Maldive tirratifika mingħajr riżerva t-tieni Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi; jitlob ukoll lill-awtoritajiet jistabbilixxu moratorja immedjata fuq il-piena korporali, bil-għan li tkun abolita;
6. Itenni l-libertà tal-ħsieb, ta' kuxjenza u ta' reliġjon, li tinkludi d-drittijiet li dak li jkun jemmen jew ma jemminx, li jipprattika r-reliġjon li jagħżel u li jbiddel reliġjon; jikkundanna kull forma ta' diskriminazzjoni u intolleranza; jistieden f'dan ir-rigward lill-awtoritajiet Maldivjani japplikaw l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u jirrevedu l-artikoli tad-dritt nazzjonali li jirrestrinġi tali drittijiet;
7. Jistieden lir-Repubblika tal-Maldive taderixxi mat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi u tapplikah mill-aktar fis; ifakkar lill-awtoritajiet Maldivjani li l-liġijiet kontra t-terroriżmu bl-ebda mod ma jistgħu jevitaw li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt internazzjonali; ifakkar b'mod aktar ġenerali li, mad-dinja kollha, il-Musulmani huma l-ewwel vittmi, fis-sens proprju kif ukoll f'dak figurattiv, tal-vjolenza terroristika u tal-iżvilupp ta' integraliżmi reliġjużi;
8. Jinsab imħasseb bil-klima ta' biża' u ta' tensjonijiet politiċi li qegħdin jiżviluppaw fil-pajjiż; jistieden lill-awtoritajiet Maldivjani, fid-dawl tal-elezzjonijiet tal-2018, iqisu r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-Unjoni Ewropea partikolarment dwar il-kjariment tal-kompetenzi tal-kummissjoni elettorali, ir-rispett tas-segretezza tal-vot, tal-ġlieda kontra il-klijenteliżmu u tal-finanzjamenti trasparenti sabiex tkun żgurata kompetizzjoni kemm jista' jkun ġusta;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Maldive.