Dokument ta' sessjoni
27.4.2015 B8‑0040/2015
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar l-atroċitajiet reċenti fit-Tramuntana tan-Niġerja
( 2015/2520(RSP) )
Javier Nart, Petras Auštrevičius, Dita Charanzová, Gérard Deprez, Filiz Hyusmenova, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Marielle de Sarnez, José Inácio Faria, Alexander Graf Lambsdorff, Antanas Guoga, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk, Fernando Maura Barandiarán, Louis Michel, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Robert Rochefort, Marietje Schaake, Pavel Telička, Yana Toom, Ramon Tremosa i Balcells, Frédérique Ries, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans
f'isem il-Grupp ALDE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-atroċitajiet reċenti fit-Tramuntana tan-Niġerja
( 2015/2520(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
–– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Niġerja u b'mod partikolari l-aħħar dibattitu tiegħu fis-sessjoni plenarja tal-Erbgħa, 14 ta' Jannar 2015,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet preliminari tal-Missjonijiet ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE u tal-PE,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, tat-8 u l-14 ta' Jannar, il-31 ta' Marzu u l-14 u l-15 ta' April 2015,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tad-19 ta' Jannar 2015 tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar it-terroriżmu, u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta' Frar 2015,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta maħruġa fis-27 ta' Novembru 2014 waqt il-Ħames Djalogu UE-Niġerja f'Abuja, li kkundannat l-atroċitajiet tal-Boko Haram,
– wara li kkunsidra l-konferenza reġjonali dwar is-sigurtà li saret fl-20 ta' Jannar 2015 fi Niamey,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou tal-2000 u l-emendi tal-2005 u l-2010 (irratifikati min-Niġerja fis-27 ta' Settembru 2010) u, b'mod partikolari, l-Artikoli 9 u 13 tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u n-nondiskriminazzjoni abbażi tar-reliġjon,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet magħmula mis-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, dwar il-vjolenza kontinwa u d-deterjorament tas-sigurtà fil-Grigal tan-Niġerja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-possibbiltà li membri tal-Boko Haram jistgħu jiġu akkużati b'delitti tal-gwerra,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU tal-1981 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon jew tat-Twemmin,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Unjoni Afrikana dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra t-Terroriżmu, ratifikata min-Niġerja fis-16 ta' Mejju 2003, u l-Protokoll Addizzjonali, ratifikat min-Niġerja fit-22 ta' Diċembru 2008,
– wara li kkunsidra l-kundanna tal-attivitajiet tal-Boko Haram min-naħa tal-Unjoni Afrikana, b'mod partikolari fl-istqarrija għall-istampa tagħha tat-12 ta' Jannar 2015,
– wara li kkunsidra l-kostituzzjoni tar-Repubblika Federali tan-Niġerja adottata fid-29 ta' Mejju 1999, u b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV dwar il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, inklużi d-dritt għall-ħajja, id-dritt għal proċess ġust, id-dritt għad-dinjità tal-persuna umana, u l-protezzjoni tal-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-istampa, il-libertà tal-ħsieb, il-libertà tal-kuxjenza u l-libertà tar-reliġjon,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1981, ratifikata min-Niġerja fit-22 ta' Ġunju 1983,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Politiċi u Ċivili tal-1966, ratifikat min-Niġerja fid-29 ta' Ottubru 1993,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-iskala ta' vjolenza u krudeltà żdiedet matul Jannar u Frar 2015; billi l-attakki żdiedu u qed jitwettqu fuq żoni estensivi, kif ukoll f'pajjiżi ġirien, inkluż il-Kamerun; billi l-popolazzjoni qed tbati ħafna, u n-nisa u t-tfal – fost persuni oħra – qed jinħatfu jew jittieħdu bħala ostaġġi; billi 200 tifla tal-iskola li nħatfu fil-lejl ta' bejn l-14 u l-15 ta' April 2014, fil-belt ta' Chibok, għadhom neqsin; u billi l-irġiel u l-anzjani qed jiġu ttorturati u jinqatlu;
B. billi l-attakk li twettaq mill-Boko Haram bejn it-3 u t-8 ta' Jannar 2015 kellu fil-mira lil Baga, is-sede tal-forza armata reġjonali (it-Task Force Konġunta Multinazzjonali – MNJTF), u sittax-il belt u villaġġ tal-madwar, u matulu nqerdu l-bażi u d-djar tal-lokal u nqatlu eluf ta' persuni; billi l-massakri vjolenti għadhom għaddejjin;
C. billi tfal ta' madwar 10 snin intużaw biex jisplodu bombi fil-postijiet fejn jarmaw is-swieq, fejn inqatlu għexieren ta' persuni u ndarbu għadd ta' oħrajn;
D. billi l-edukazzjoni hija fundamentali għall-ġlieda kontra l-vjolenza u l-fundamentaliżmu;
E. billi l-armata taċ-Ċad hija l-forza prinċipali li qed tiġġieled kontra l-Boko Haram, li l-involviment sħiħ tagħha kontra t-terroristi tal-Boko Haram f'Gamboru Ngala, Malam Fatori, u Kangalam fin-Niġerja huwa rikonoxxut; jirrikonoxxi l-prezz għoli li ħallset din l-armata fil-gwerra kontra t-terroriżmu; jesprimi s-solidarjetà sħiħa tiegħu mal-midruba u l-familji tal-mejtin;
F. billi kien hemm nuqqas ta' azzjoni speċifika min-naħa tal-awtoritajiet preċedenti fin-Niġerja biex jieħdu responsabbiltà akbar sabiex jittrattaw il-problemi li jaffettwaw lil pajjiżhom, u biex japplikaw il-valuri etiċi f'miżuri konkreti sabiex jindirizzaw it-terroriżmu, il-korruzzjoni, il-faqar u l-inugwaljanza;
G. billi fil-31 ta' Marzu 2015 il-kandidat presidenzjali tal-partit fl-oppożizzjoni All Progressives Congress (APC), il-Ġeneral Muhammadu Buhari, ġie ddikjarat rebbieħ fl-elezzjonijiet u ddikjara l-intenzjoni tiegħu li jiżviluppa l-pajjiż, jirriforma l-armata u jiġġieled b'mod attiv kontra l-Boko Haram, filwaqt li l-President fil-kariga aċċetta t-telfa b'mod paċifiku;
H. billi dawn l-elezzjonijiet urew li l-poplu tan-Niġerja huwa impenjat bis-sħiħ favur id-demokrazija;
I. billi s-Summit tal-Unjoni Afrikana, u speċifikament il-Kunsill għall-Paċi u s-Sikurezza tagħha, iddeċidew li tinħoloq forza multinazzjonali inter-Afrikana ta' 7 500 suldat biex jiġġieldu lis-setta Iżlamika Niġerjana; billi l-Unjoni Afrikana ddeċiedet li titlob lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jimmobilizza l-komunità internazzjonali kontra l-Boko Haram;
1. Jikkundanna bl-aħrax il-massakri u l-atroċitajiet imwettqa mill-Boko Haram fil-Grigal tan-Niġerja, li jikkostitwixxu delitti serji tal-gwerra u kontra l-umanità u li għadhom għaddejjin;
2. Jikkundanna bil-qawwa l-użu ta' nisa u tfal biex iwettqu attakki suwiċida;
3. Jikkundanna bil-qawwa l-attakki tal-Boko Haram fuq l-iskejjel u l-universitajiet, u jistieden lill-awtoritajiet Niġerjani jsaħħu s-sigurtà ta' dawn l-istituzzjonijiet u jippromwovu l-aċċess għall-edukazzjoni għat-tfal kollha fil-pajjiż;
4. Jesprimi s-solidarjetà sħiħa tiegħu mas-superstiti tal-barbariżmu tal-Boko Haram u jwassal il-kondoljanzi tiegħu lill-familji kollha li tilfu l-għeżież tagħhom fl-attakki terroristiċi bla sens tal-Boko Haram;
5. Iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tkompli tiġġieled il-kampanja "Bring Back our Girls"; jistieden lill-President il-ġdid biex jagħmel dak kollu li jista' biex jinstabu l-persuni kollha li nħatfu;
6. Jappella għas-solidarjetà min-naħa tal-UE billi s-suldati midruba li ġġieldu kontra l-Boko Haram jintlaqgħu u jingħataw il-kura fi sptarijiet fl-UE;
7. Jifraħ lill-President il-ġdid Muhammadu Buhari għar-rebħa tiegħu f'dawn l-elezzjonijiet demokratiċi; iħeġġeġ lill-President il-ġdid jimplimenta l-programm elettorali tiegħu u jiddedika r-riżorsi kollha biex tintemm il-vjolenza tal-Boko Haram, jitreġġgħu lura l-istabbiltà u s-sigurtà madwar il-pajjiż kollu u jiġu indirizzati l-kawżi oriġinali ta' dan it-terroriżmu;
8. Jistieden lill-awtoritajiet Niġerjani jieħdu azzjoni aktar soda fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ineffiċjenzi fi ħdan l-armata, li wassluha biex ma tkunx kapaċi tindirizza l-pjaga tal-Boko Haram fit-Tramuntana tal-pajjiż;
9. Jistieden lill-awtoritajiet Niġerjani jadottaw miżuri li jaqtgħu s-sorsi ta' introjtu illegali tal-Boko Haram, permezz ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien, b'mod partikolari fir-rigward tal-kuntrabandu u t-traffikar;
10. Jappella għall-ħolqien ta' pjan direzzjonali dwar l-iżvilupp soċjali u ekonomiku tar-reġjun milqut mill-attakki terroristiċi biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tal-faqar u l-inugwaljanza;
11. Jirrikonoxxi li mingħajr koalizzjoni u kollaborazzjoni bejn il-forzi armati tal-pajjiżi tar-reġjun (in-Niġerja, in-Niġer, iċ-Ċad u l-Kamerun) ma jkunx possibbli li jingħata rispons effikaċi għall-isfida tal-grupp terroristiku Boko Haram;
12. Jistieden lill-awtoritajiet Niġerjani jilqgħu u jikkooperaw mal-Unjoni Ewropea jew xi forza internazzjonali biex tiġi indirizzata t-theddida tal-Boko Haram;
13. Jilqa' d-determinazzjoni espressa fis-Summit Reġjonali ta' Niamey fl-20 u l-21 ta' Jannar 2015 mit-13-il pajjiż parteċipant, b'mod partikolari l-impenn militari taċ-Ċad, flimkien mal-Kamerun u n-Niġerja, kontra t-theddid terroristiku tal-Boko Haram;
14. Jilqa' l-inizjattivi tal-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana, u jistieden lill-Unjoni Afrikana timpenja ruħha b'urġenza f'azzjoni konkreta, flimkien mal-pajjiżi kollha involuti, biex tikkoordina l-ġlieda kontra l-gruppi terroristiċi fir-reġjun tas-Saħel;
15. Jistieden lill-komunità internazzjonali tgħin lir-rifuġjati Niġerjani fil-pajjiżi ġirien;
16. Jistieden lill-komunità internazzjonali tieħu passi xierqa biex jingħata appoġġ effikaċi u sostenibbli għall-politiki kontra t-terroriżmu fl-Afrika;
17. Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea tappoġġja l-iżvilupp ta' mekkaniżmi reġjonali għall-ġestjoni tal-kunflitti bħalma hi l-Forza Afrikana ta' Intervent fil-Pront (ASF);
18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern Federali tan-Niġerja, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana u tal-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, u lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.