Dokument ta' sessjoni

 

28.4.2015                                                                                                                B8‑0403/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara l-Mistoqsijiet għal tweġiba orali B8-0115/2015 u B8-0116/2015

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar il-qerda ta' siti kulturali mwettqa mill-ISIS/Da'esh

( 2015/2649(RSP) )

Silvia Costa, Sylvie Guillaume, Krystyna Łybacka, Enrico Gasbarra, Alessia Maria Mosca, Andi Cristea, Vilija Blinkevičiūtė, Viorica Dăncilă, Victor Negrescu, Momchil Nekov, Luigi Morgano, Liliana Rodrigues, Marlene Mizzi, Nicola Caputo, Afzal Khan

f'isem il-Grupp S&D

<<<

B8‑0403/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-qerda ta’ siti kulturali mwettqa mill-ISIS/Da'esh

( 2015/2647(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jistipula li "l-azzjoni tal-Unjoni għandu jkollha l-mira li tinkoraġġixxi l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri", b’mod partikolari fil-qasam tal-"konservazzjoni u l-protezzjoni tal-wirt kulturali Ewropew sinifikanti" u li "l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkultivaw il-koperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fil-qasam tal-kultura",

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 116/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar l-esportazzjoni ta’ oġġetti kulturali[1],

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1210/2013 tas-7 ta' Lulju 2003 dwar ċerti restrizzjonijiet speċifiċi fuq relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mal-Iraq u li jirrevoka r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2465/96[2],

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1332/2013 tat-13 ta’ Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja[3], adottati abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/760/PESK tat-13 ta’ Diċembru 2013 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja[4],

–       wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2001/555/PESK tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar it-twaqqif ta’ Ċentru tas-Satelliti tal-Unjoni Ewropea[5], emendata mill-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2009/834/PESK[6],

–       wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill ta' Ottubru 2012 dwar il-ħolqien ta’ netwerk informali ta’ awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-kompetenza esperta fil-qasam ta’ oġġetti kulturali (EU CULTNET),

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Mezzi ta' Projbizzjoni u Prevenzjoni tal-Importazzjoni, Esportazzjoni u Trasferiment Illegali tas-Sjieda tal-Proprjetà Kulturali tal-14 ta' Novembru 1970,

–       wara li kkunsidra t-tieni Protokoll għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1954 għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Kulturali fil-Każ ta' Konflitt Armat, tal-1999,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni tal-Patrimonju Kulturali u Naturali Dinji, tas-16 ta' Novembru 1972,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO għall-Ħarsien tal-Patrimonju Kulturali Intanġibbli, tas-17 ta’ Ottubru 2003,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali tal-20 ta' Ottubru 2005,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNIDROIT dwar l-Oġġetti Kulturali Misruqa jew Esportati Illegalment tal-1995,

–– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2199 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-12 ta’ Frar 2015 dwar theddid għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali kkawżat minn atti terroristiċi mill-Al-Qaida[7],

         wara li kkunsidra l-Karta ta’ Venezja tal-1964 għall-Konservazzjoni u r-Restawr tal-Monumenti u s-Siti, li tipprovdi qafas internazzjonali għall-preservazzjoni u r-restawr ta’ binjiet antiki,

–       wara li kkunsidra l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali adottat fis-17 ta’ Lulju 1998, u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2)(b)(ix) tiegħu, li jirrikonoxxi bħala delitt tal-gwerra l-att ta’ "twettiq ta' attakki intenzjonati fuq binjiet iddedikati għar-reliġjon, l-edukazzjoni, l-arti, ix-xjenza jew skopijiet ta’ karità, monumenti storiċi, sptarijiet u postijiet fejn jinġabru l-morda u l-midruba, dment li dawn ma jkunux objettivi militari",

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Marzu 2015 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja 2013 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni, li jistqarr fil-paragrafu 211 li "forom intenzjonali ta’ qerda tal-wirt kulturali u artistiku, kif qed jiġri bħalissa fl-Iraq u fis-Sirja, għandhom jiġu prosegwiti bħala delitti tal-gwerra u bħala delitti kontra l-umanità"[8],

–       wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill dwar il-qerda ta’ siti kulturali mwettqa mill-ISIS/Da’esh ( O-000031/2015 – B8‑0115/2015 u O-000032/2015 – B8‑0116/2015 ),

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi bosta siti arkeoloġiċi, reliġjużi u kulturali fis-Sirja, fl-Iraq u fit-Tuneżija dan l-aħħar kienu soġġetti għal qerda intenzjonata mwettqa minn gruppi ta’ estremisti marbuta partikolarment mal-Istat Iżlamiku fl-Iraq u s-Sirja (ISIS/Da’esh), u billi dawn l-attakki sistematiċi kontra l-wirt kulturali ġew definiti mid-Direttur Ġenerali tal-UNESCO, Irina Bokova, bħala 'tindif kulturali';

B.     billi, skont l-UNESCO, it-terminu "tindif kulturali" jirreferi għal strateġija intenzjonata li tipprova teqred id-diversità kulturali permezz ta’ mmirar intenzjonat fuq individwi identifikati abbażi tal-isfond kulturali, etniku jew reliġjuż tagħhom, flimkien ma’ attakki intenzjonati fuq il-postijiet ta’ qima, ta’ tifkira u ta’ tagħlim tagħhom, u billi l-istrateġija ta’ tindif kulturali li nistgħu nosservaw fl-Iraq u fis-Sirja hija riflessa f'attakki kontra l-wirt kulturali li huma fl-istess waqt diretti kontra espressjonijiet tal-kultura fiżiċi, tanġibbli u mibnija, bħal monumenti u binjiet, u kontra l-minoranzi u espressjonijiet kulturali intanġibbli, bħal drawwiet, tradizzjonijiet u twemmin[9];

C.     billi xi atti ta' qerda tal-wirt kulturali ġew ikkunsidrati, taħt ċerti kundizzjonijiet, bħala delitti kontra l-umanità[10]; billi, meta dawn l-atti jkunu diretti lejn membri ta’ grupp reliġjuż jew etniku, b’mod partikolari, jistgħu jiġu assimilati mad-delitt ta’ persekuzzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 7(1)(h) tal-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;

D.     billi dawn l-atti ta’ qerda ta’ siti kulturali u storiċi u oġġetti mhumiex ġodda u mhumiex limitati biss għall-Iraq u s-Sirja; billi skont l-UNESCO, ‘Il-wirt kulturali huwa komponent importanti tal-identità kulturali ta’ komunitajiet, gruppi u individwi, u tal-koeżjoni soċjali, b’tali mod li l-qerda intenzjonali tiegħu jista’ jkollu konsegwenzi negattivi fuq id-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet tal-bniedem”[11]; filwaqt li, kif dikjarat, fost oħrajn mill-UNESCO, il-prodotti tas-sakkeġġ u l-kuntrabandu ta’ siti u oġġetti kulturali u reliġjużi fl-Iraq u fis-Sirja, b’mod partikolari minn ISIS/Da’esh, qed jintużaw biex jgħinu fil-finanzjament tal-attivitajiet terroristiċi ta' ISIS/Da’esh, bir-riżultat li oġġetti artistiċi u kulturali qed isiru 'armi tal-gwerra';

E.     billi, bis-saħħa tal-finanzjament ipprovdut mill-Unjoni Ewropea, l-UNESCO u sħab strateġiċi oħra fl-1 ta' Marzu 2014 varaw proġett ta’ tliet snin imsejjaħ 'Salvagwardja ta' Emerġenza għall-Wirt Sirjan', intiż, b’mod partikolari, biex jiżgura l-protezzjoni ta’ emerġenza tal-wirt kulturali Sirjan;

F.      billi l-Unjoni Ewropea rratifikat il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità ta’ Espressjonijiet Kulturali adottata fl-20 ta' Ottubru 2005, l-ewwel strument internazzjonali li rrikonoxxa n-natura doppja, ekonomika u kulturali, ta’ oġġetti kulturali, li "għaldaqstant ma jridux jiġu ttrattati bħala oġġetti li għandhom biss valur kummerċjali";

G.     billi l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Mezzi ta' Projbizzjoni u Prevenzjoni tal-Importazzjoni, l-Esportazzjoni u t-Trasferiment ta' Sjieda tal-Proprjetà Kulturali adottata fis-17 ta' Novembru 1970 u tal-Konvenzjoni tal-UNIDROIT dwar Oġġetti Kulturali Misruqa jew Esportati Illegalment adottata fl-24 ta' Ġunju 1995 huma strumenti essenzjali li bihom tissaħħaħ il-protezzjoni tal-wirt kulturali globali;

H.     billi l-kummerċ illeċitu fi prodotti kulturali issa huwa t-tielet l-aktar kummerċ illegali sinifikanti, wara d-drogi u l-armi, billi dan il-kummerċ illeċitu huwa ddominat minn netwerks kriminali organizzati, u billi l-mekkaniżmi nazzjonali u internazzjonali tal-lum la għandhom riżorsi adegwati u lanqas mhuma sostnuti b'mod adegwat biex jittrattaw din il-kwistjoni[12];

I.      billi, għalkemm il-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu fi prodotti kulturali mhijiex kompetenza speċifika tal-Unjoni Ewropea, minħabba li dan mhuwiex iddefinit fit-Trattati, dan madankollu jaqa’ taħt diversi oqsma ta’ kompetenza tal-UE, bħas-suq intern, iż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (AFSJ), il-kultura u l-PESK;

J.      billi hemm ħtieġa urġenti li nikkoordinaw aħjar il-ġlieda kontra l-kummerċ illegali ta’ prodotti kulturali u naħdmu mill-qrib flimkien sabiex nippromwovu s-sensibilizzazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni, u biex jinkiseb tisħiħ tal-oqfsa legali; ifakkar, f’dan il-kuntest, li fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Diċembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda fil-konfront tal-kriminalità rigward beni kulturali hemm rakkomandat, inter alia, li l-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni bejn uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, awtoritajiet kulturali u organizzazzjonijiet privati;

K.     billi, f’Ottubru 2012, riżoluzzjoni tal-Kunsill ħolqot netwerk informali ta’ awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ta' kompetenza esperta fil-qasam ta’ oġġetti kulturali (EU-CULTNET), li l-objettiv prinċipali tiegħu hu li jtejjeb l-iskambju ta’ informazzjoni marbuta mal-prevenzjoni tal-kummerċ illeċitu f’beni kulturali u li jidentifika u jikkondividi informazzjoni dwar netwerks kriminali ssuspettati li huma involuti f’kummerċ illeċitu;

L.     billi s-Sibt, 28 ta’ Marzu 2015, id-Direttur Ġenerali Irina Bokova nediet f’Bagdad il-kampanja #Unite4Heritage, li għandha l-għan li timmobilizza l-appoġġ globali għall-protezzjoni tal-wirt kulturali billi tuża s-setgħa tan-netwerks soċjali;

1.      Jikkundanna bil-qawwa l-qerda ta’ siti reliġjużi, kulturali u arkeoloġiċi mwettqa minn ISIS fis-Sirja u l-Iraq;

2.      Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex tieħu azzjoni xierqa fil-livell politiku, bi qbil mar-Riżoluzzjoni 2199 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-12 ta' Frar 2015, sabiex jintemm il-kummerċ illegali fi proprjetà kulturali mit-territorji tas-Sirja u tal-Iraq kemm idumu prevalenti f'dawk it-territorji kundizzjonijiet tal-gwerra, biex b'hekk ma jitħallewx jintużaw bħala sors ta' finanzjament għal attivitajiet terroristiċi;

3.      Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tuża d-diplomazija kulturali u d-djalogu interkulturali bħala għodda meta titratta r-rikonċiljazzjoni bejn il-komunitajiet differenti u l-bini mill-ġdid tas-siti meqruda;

4.      Jissuġġerixxi, f’dan il-kuntest, li l-Kummissjoni, f’konformità mal-paragrafu 17 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2199 tat-12 ta’ Frar 2015, tiffoka fuq il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu ta’ oġġetti kulturali, b’referenza speċifika għall-wirt kulturali mneħħija illegalment mill-Iraq mis-6 ta’ Awwissu 1990 u mis-Sirja mill-15 ta’ Marzu 2011; iqis li l-Kummissjoni għandha tiżviluppa approċċ koordinat għall-ġlieda kontra l-kummerċ illegali, b'ħidma flimkien ma’ dawk responsabbli għal servizzi ta’ investigazzjoni fil-livell nazzjonali u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-UNESCO u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra bħal ICOM (il-Kunsill Internazzjonali tal-Mużewijiet), il-Kumitat Internazzjonali tal-Blue Shield tal-ICOM (ICBS), Europol, Interpol, UNIDROIT (Istitut Internazzjonali għall-Unifikazzjoni tal-Liġi Privata) u WCO (l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali);

5.      Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel talba lir-Rappreżentat Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà sabiex tinvolvi ċ-Ċentru Satellitari ta' Torrejón tal-Unjoni Ewropea, li jappoġġja t-teħid ta' deċiżjonijieet fil-kuntest tal-PESK billi jipprovdi materjal li jirriżulta mill-analiżi tal-immaġini satellitari, għall-fini ta’ monitoraġġ u elenkar ta' siti arkeoloġiċi u kulturali fis-Sirja u l-Iraq u li jappoġġja l-attivitajiet ta’ arkeologi Sirjani bl-għan li jiġi evitat aktar serq u tiġi ppreservata l-ħajja tal-persuni ċivili;

6.      Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi skambju rapidu u sigur ta' informazzjoni u kondiviżjoni tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri biex issir ġlieda effikaċi kontra l-kummerċ illeċitu f'oġġetti kulturali mneħħija illegalment mill-Iraq u mis-Sirja, u tikkunsidra li timplimenta programmi Ewropej ta' taħriġ għal imħallfin, uffiċjali tal-pulizija u tad-dwana, amministrazzjonijiet tal-gvern u atturi tas-suq, b'mod aktar ġenerali, b'tali mod li dawk involuti fil-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu fi prodotti kulturali jkunu jistgħu jiżviluppaw u jtejbu l-għarfien espert tagħhom;

7.      Jitlob li l-Kummissjoni tappoġġja l-kampanja #Unite4Heritage tal-UNESCO billi tibda kampanja ta' informazzjoni ffukata fuq l-Iraq u s-Sirja, bil-għan li tqajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-wirt kulturali tagħhom, dwar il-mod kif il-prodott li jirriżulta mis-sakkeġġ qed jintuża biex jiffinanzja l-attivitajiet terroristiċi, u dwar il-pieni possibbli assoċjati mal-importazzjoni illegali ta' oġġetti kulturali li ġejjin minn dawn il-pajjiżi, jew minn pajjiżi terzi oħra;

8.      Jitlob li l-Kummissjoni tirrevedi r-Regolament tal-Kunsill 116/2009 dwar l-esportazzjoni ta' oġġetti kulturali sabiex jinkiseb livell ogħla ta' effiċjenza u biex tipprevedi l-ħolqien ta' strument li jikkontrolla l-importazzjoni ta' oġġetti kulturali fl-UE;

9.      Jistieden lill-Kunsill biex iqis il-ħolqien, bħala parti mill-Eurojust u l-Europol, ta’ taqsima li tispeċjalizza fil-kummerċ illegali ta’ oġġetti kulturali, li tkun responsabbli għall-koordinazzjoni, fil-livell Ewropew, ta' prosekuzzjonijiet u investigazzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali differenti, billi l-eżistenza ta’ taqsimiet iddedikati hija prerekwiżit għal użu aħjar ta’ riżorsi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kummerċ illegali u t-traffikar;

10.    Jistieden lill-Unjoni Ewropea tieħu l-passi meħtieġa, f'kollaborazzjoni mal-UNESCO u mal-Qorti Kriminali Internazzjonali, biex il-kategorija tad-dritt internazzjonali ta' delitti kontra l-umanità tiġi estiża biex tħaddan atti intenzjonati li jagħmlu ħsara jew jeqirdu l-wirt kulturali tal-umanità fuq skala kbira;

11.    Jistieden lill-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan biex jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Mezzi ta' Projbizzjoni u Prevenzjoni tal-Importazzjoni, Esportazzjoni u Trasferiment Illegali tas-Sjieda tal-Proprjetà Kulturali tal-1970 u l-Konvenzjoni tal-UNIDROIT tal-1995;

12.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta ' Sigurtà, lid-Direttur Ġenerali tal-UNESCO, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Koalizzjoni Nazzjonali tas-Sirja u lill-Gvern u l-Parlament tal-Iraq.

 

[1] ĠU L 39, 10.2.2009, p. 1.
[2] ĠU L 169, 8.7.2003, p. 6.
[3] ĠU L 335, 14.12.2013, p. 3.
[4] ĠU L 335, 14.12.2013, p. 50.
[5] ĠU L 200, 25.7.2001, p. 5.
[6] ĠU L 297, 13.11.2009, p. 18.
[7] http://www.refworld.org/docid/54ef1f704.html
[8] Testi adottati, P8_TA(2015)0076
[9] http://www.unesco.org/new/en/media-services/single-view/news/conference_report_heritage_and_cultural_diversity_at_risk_in_iraq_and_syria/
[10] It-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-Jugoslavja, Kordić & Čerkez, 26 ta' Frar 2001, IT-95-14/2; paragrafi 207-8.
[11] Id-Dikjarazzjoni tal-UNESCO dwar il-Qerda Intenzjonata tal-Wirt Kulturali, 2003.
[12] http://www.africa-eu-partnership.org/newsroom/all-news/morocco-africa-eu-workshop-fight-against-illegal-trafficking-cultural-goods