Dokument ta' sessjoni

 

27.4.2015                                                                                                                B8‑0405/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara l-Mistoqsijiet għal tweġiba orali B8-0115/2015 u B8-0116/2015

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar il-qerda ta' siti kulturali mwettqa mill-ISIS/Da'esh

( 2015/2649(RSP) )

Curzio Maltese, Patrick Le Hyaric, Miloslav Ransdorf, Marisa Matias, Stelios Kouloglou, Kostas Chrysogonos, Sofia Sakorafa, Malin Björk, Martina Michels, Kostadinka Kuneva, Barbara Spinelli, Eleonora Forenza

f'isem il-Grupp GUE/NGL

<<<

B8‑0405/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-qerda ta' siti kulturali mwettqa mill-ISIS/Da'esh

( 2015/2649(RSP) )

 

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 167 tat-TFUE, li jistipula li "l-azzjoni tal-Unjoni għandu jkollha l-mira li tinkoraġġixxi l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri", b'mod partikolari fil-qasam tal-"konservazzjoni u l-protezzjoni tal-wirt kulturali Ewropew sinifikanti" u li "l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkultivaw il-koperazzjoni ma' pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fil-qasam tal-kultura",

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 116/2009 tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar l-esportazzjoni ta' oġġetti kulturali[1],

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1210/2013 tas-7 ta' Lulju 2003 dwar ċerti ristrizzjonijiet speċifiċi fuq relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mal-Iraq u li jirrevoka r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2465/96[2],

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1332/2013 tat-13 ta' Diċembru 2013[3] li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012[4] dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, adottati abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/760/PESK tat-13 ta' Diċembru 2013 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja[5],

–       wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2001/555/PESK tal-20 ta' Lulju 2001 dwar it-twaqqif ta' Ċentru tas-Satelliti tal-Unjoni Ewropea[6], emendata mill-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2009/834/PESK[7],

–       wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill ta' Ottubru 2012 dwar il-ħolqien ta' netwerk informali ta' awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-kompetenza esperta fil-qasam ta' oġġetti kulturali (EU CULTNET),

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Mezzi ta' Projbizzjoni u Prevenzjoni tal-Importazzjoni, Esportazzjoni u Trasferiment Illegali tas-Sjieda tal-Proprjetà Kulturali tal-1970;

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Aja għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Kulturali fil-Każ ta' Kunflitt Armat tal-14 ta' Mejju 1954,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Mezzi ta' Projbizzjoni u Prevenzjoni tal-Importazzjoni, Esportazzjoni u Trasferiment Illegali tas-Sjieda tal-Proprjetà Kulturali tal-14 ta' Novembru 1970;

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni tal-Patrimonju Kulturali u Naturali Dinji tal-1972,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO għall-Ħarsien tal-Patrimonju Kulturali Intanġibbli tas-17 ta' Ottubru 2003,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali tal-20 ta' Ottubru 2005,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNIDROIT dwar l-Oġġetti Kulturali Misruqa jew Esportati Illegalment tal-1995,

–       wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2199 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-12 ta' Frar 2015 dwar theddid għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali kkawżat minn atti terroristiċi minn Al-Qaida[8],

–       wara li kkunsidra l-Karta ta' Venezja tal-1964 għall-Konservazzjoni u r-Restawr tal-Monumenti u s-Siti, li tipprovdi qafas internazzjonali għall-preservazzjoni u r-restawr ta' binjiet antiki,

–       wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali adottat fis-17 ta' Lulju 1998, u b'mod partikolari l-Artikolu 8(2)(b)(ix) tiegħu, li jirrikonoxxi bħala delitt tal-gwerra l-att ta' "twettiq ta' attakki intenzjonati fuq binjiet iddedikati għar-reliġjon, l-edukazzjoni, l-arti, ix-xjenza jew skopijiet ta' karità, monumenti storiċi, sptarijiet u postijiet fejn jinġabru l-morda u l-midruba, dment li dawn ma jkunux objettivi militari",

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2015[9] dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja 2013 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni, li jistqarr fil-paragrafu 211 li "forom intenzjonati ta' qerda tal-wirt kulturali u artistiku, kif qed jiġri bħalissa fl-Iraq u fis-Sirja, għandhom jiġu prosegwiti bħala delitti tal-gwerra u bħala delitti kontra l-umanità",

–       wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-qerda ta' siti kulturali mwettqa mill-ISIS/Da'esh ( O-000031/2015 – B8‑0115/2015 and O-000032/2015 – B8‑0116/2015 ),

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi bosta siti arkeoloġiċi, reliġjużi u kulturali fis-Sirja, fl-Iraq u fit-Tuneżija dan l-aħħar kienu soġġetti għal qerda intenzjonata mwettqa minn gruppi ta' estremisti marbuta partikolarment mal-Istat Iżlamiku fl-Iraq u s-Sirja (ISIS/Da'esh), u billi dawn l-attakki sistematiċi kontra l-wirt kulturali ġew deskritti mid-Direttur Ġenerali tal-UNESCO, Irina Bokova, bħala 'tindif kulturali';

B.     billi, skont l-UNESCO, it-terminu 'tindif kulturali' jirreferi għal strateġija intenzjonata li tipprova teqred id-diversità kulturali permezz ta' mmirar intenzjonat fuq individwi identifikati abbażi tal-isfond kulturali, etniku jew reliġjuż tagħhom, flimkien ma' attakki intenzjonati fuq il-postijiet ta' qima, ta' tifkira storika u ta' tagħlim tagħhom, u billi l-istrateġija ta' tindif kulturali li nistgħu nosservaw fl-Iraq u fis-Sirja hija riflessa f'attakki kontra l-wirt kulturali li huma fl-istess waqt diretti kontra espressjonijiet fiżiċi, tanġibbli u mibnija tal-kultura, bħal monumenti u binjiet, u kontra l-minoranzi u espressjonijiet kulturali intanġibbli, bħal drawwiet, tradizzjonijiet u twemmin[10];

C.     billi xi atti ta' qerda tal-wirt kulturali ġew ikkunsidrati, taħt ċerti kundizzjonijiet, bħala delitti kontra l-umanità[11]; billi, meta dawn l-atti jkunu diretti lejn membri ta' grupp reliġjuż jew etniku, b'mod partikolari, jistgħu jiġu assimilati mad-delitt ta' persekuzzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 7(1)(h) tal-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;

D.     billi tali atti ta' qerda ta' siti u oġġetti kulturali u storiċi mhumiex ġodda u mhumiex limitati għall-Iraq u s-Sirja, u billi skont l-UNESCO "Il-wirt kulturali huwa komponent importanti tal-identità kulturali ta' komunitajiet, gruppi u individwi, u tal-koeżjoni soċjali, b'tali mod li l-qerda intenzjonata tiegħu jista' jkollha konsegwenzi negattivi fuq id-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet tal-bniedem"[12]; billi, skont l-UNESCO u oħrajn, is-sakkeġġ u l-kuntrabandu ta' siti u oġġetti kulturali u reliġjużi fl-Iraq u fis-Sirja, b'mod partikolari mill-ISIS/Da'esh, qed jintużaw biex jgħinu fil-finanzjament tal-attivitajiet terroristiċi ta' ISIS/Da'esh, bir-riżultat li oġġetti artistiċi u kulturali jiġu ttrasformati f''armi tal-gwerra';

E.     billi, bis-saħħa tal-finanzjament ipprovdut mill-Unjoni Ewropea, l-UNESCO u sħab strateġiċi oħra fl-1 ta' Marzu 2014 varaw proġett ta' tliet snin imsejjaħ 'Salvagwardja ta' Emerġenza għall-Wirt Sirjan', intiż, b'mod partikolari, biex jiżgura l-protezzjoni ta' emerġenza tal-wirt kulturali Sirjan;

F.     billi l-Unjoni Ewropea rratifikat il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità ta' Espressjonijiet Kulturali ffirmata fl-20 ta' Ottubru 2005, l-ewwel strument internazzjonali li rrikonoxxa n-natura doppja, ekonomika u kulturali, ta' oġġetti kulturali, li "għaldaqstant ma jridux jiġu ttrattati bħala oġġetti li għandhom biss valur kummerċjali";

G.     billi l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Mezzi ta' Projbizzjoni u Prevenzjoni tal-Importazzjoni, l-Esportazzjoni u t-Trasferiment ta' Sjieda tal-Proprjetà Kulturali ffirmata fis-17 ta' Novembru 1970 u tal-Konvenzjoni tal-UNIDROIT dwar Oġġetti Kulturali Misruqa jew Esportati Illegalment iffirmata fl-24 ta' Ġunju 1995 huma strumenti essenzjali għat-tqawwija tal-protezzjoni tal-wirt kulturali globali,

H.     billi l-kummerċ illeċitu fi prodotti kulturali issa huwa t-tielet l-aktar kummerċ illegali sinifikanti, wara d-drogi u l-armi, billi dan il-kummerċ illeċitu huwa ddominat minn netwerks kriminali organizzati, u billi l-mekkaniżmi nazzjonali u internazzjonali tal-lum la għandhom riżorsi adegwati u lanqas mhuma sostnuti b'mod adegwat biex jittrattaw din il-kwistjoni[13];

I.      billi l-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu fi prodotti kulturali mhijiex kompetenza speċifika tal-Unjoni Ewropea, inkwantu li mhijiexx stabbilita bħala tali fit-trattati, iżda billi l-ġlieda kontra l-kummerċ illegali, minkejja dan, taqa' fi ħdan diversi oqsma ta' kompetenza tal-UE, bħas-suq intern, l-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja (SLSĠ), il-kultura u l-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK);

J.      billi hemm ħtieġa urġenti li nikkoordinaw aħjar il-ġlieda kontra l-kummerċ illegali ta' prodotti kulturali u naħdmu mill-qrib flimkien sabiex nippromwovu s-sensibilizzazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni, u biex jinkiseb tisħiħ tal-oqfsa legali; ifakkar, f'dan il-kuntest, li fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Diċembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda fil-konfront tal-kriminalità rigward beni kulturali rrakkomandat, inter alia, li l-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni bejn uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, awtoritajiet kulturali u organizzazzjonijiet privati;

K.     billi, f'Ottubru 2012, riżoluzzjoni tal-Kunsill ħolqot netwerk informali ta' awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ta' kompetenza esperta fil-qasam ta' oġġetti kulturali (EU-CULTNET), li l-objettivi prinċipali tiegħu huma li jtejjeb l-iskambju ta' informazzjoni marbuta mal-prevenzjoni tal-kummerċ illeċitu f'beni kulturali u li jidentifika u jikkondividi informazzjoni dwar netwerks kriminali ssuspettati li huma involuti f'kummerċ illeċitu;

L.     billi, nhar is-Sibt 28 ta' Marzu 2015, id-Direttur Ġenerali tal-UNESCO, Irina Bokova, nediet f'Bagdad il-kampanja #Unite4Heritage, li hija intiża biex timmobilizza l-appoġġ globali għall-protezzjoni tal-wirt kulturali permezz tas-setgħa tan-netwerks soċjali;

1.      Jikkundanna bil-qawwa l-attakki brutali fuq siti arkeoloġiċi, reliġjużi u kulturali fis-Sirja u fl-Iraq imwettqa minn gruppi marbuta ma' ISIS/Da'esh;

2.      Jikkundanna bil-qawwa l-appoġġ (finanzjament, armi, taħriġ, eċċ.) li l-Istati Uniti tal-Amerika, l-UE, in-NATO u l-monarkiji tar-reġjun tal-Golf kienu qed jipprovdu lill-gruppi terroristiċi li qed jeqirdu siti kulturali fis-Sirja u fl-Iraq;

3.      Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex tieħu azzjoni xierqa fil-livell politiku, bi qbil mar-Riżoluzzjoni 2199 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-12 ta' Frar 2015, sabiex jintemm il-kummerċ illegali fi proprjetà kulturali mit-territorji tas-Sirja u tal-Iraq kemm idumu prevalenti f'dawk it-territorji kundizzjonijiet tal-gwerra, biex b'hekk ma jitħallewx jintużaw bħala sors ta' finanzjament għal attivitajiet terroristiċi;

4.      Jistieden lill-VP/RGħ tħaddem id-diplomazija kulturali u d-djalogu interkulturali bħala għodda għar-rikonċiljazzjoni tal-komunitajiet differenti u għar-rikostruzzjoni tas-siti meqruda;

5.      Jissuġġerixxi, f'dan il-kuntest, li l-Kummissjoni tipprevedi li, bi qbil mal-paragrafu 17 tar-Riżoluzzjoni 2199 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-12 ta' Frar 2015, toħloq dipartiment trasversali li jkun responsabbli għall-prevenzjoni tal-kummerċ illeċitu ta' oġġetti kulturali u għall-ġlieda kontra dak il-kummerċ, b'unità ddedikata speċifikament għal oġġetti ta' wirt kulturali mneħħija illegalment mill-Iraq wara s-6 ta' Awissu 1990 u mis-Sirja wara l-15 ta' Marzu 2011 — dan id-dipartiment għandu jfassal approċċ koordinat għall-ġlieda kontra dak il-kummerċ illegali, filwaqt li jaħdem flimkien ma' dawk responsabbli fil-livell nazzjonali fis-servizzi ta' investigazzjoni u f'kooperazzjoni mill-qrib mal-UNESCO u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra bħall-Kunsill Internazzjonali tal-Mużewijiet (ICOM), il-Kumitat Internazzjonali għat-Tarka l-Blu tal-ICOM (International Committee of the Blue Shield, ICBS), l-Europol, l-Interpol, Unidroit (l-Istitut Internazzjonali għall-Unifikazzjoni tad-Dritt Privat) u d-WCO (l-Organizzazzjoni Doganali Dinjija);

6.      Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi skambju rapidu u sigur ta' informazzjoni u kondiviżjoni tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri biex issir ġlieda effikaċi kontra l-kummerċ illeċitu f'oġġetti kulturali mneħħija illegalment mill-Iraq u mis-Sirja, u tikkunsidra li timplimenta programmi Ewropej ta' taħriġ għal imħallfin, uffiċjali tal-pulizija u tad-dwana, amministrazzjonijiet tal-gvern u atturi tas-suq, b'mod aktar ġenerali, b'tali mod li dawk involuti fil-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu fi prodotti kulturali jkunu jistgħu jiżviluppaw u jtejbu l-għarfien espert tagħhom;

7.      Jitlob li l-Kummissjoni tappoġġja l-kampanja #Unite4Heritage tal-UNESCO billi tibda kampanja ta' informazzjoni ffukata fuq l-Iraq u s-Sirja, bil-għan li tqajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-wirt kulturali tagħhom, dwar il-mod kif is-sakkeġġ qed jintuża biex jiffinanzja l-attivitajiet terroristiċi, u dwar il-pieni possibbli assoċjati mal-importazzjoni illegali ta' oġġetti kulturali li ġejjin minn dawn il-pajjiżi, jew minn pajjiżi terzi oħra;

8.      Jitlob li l-Kummissjoni tirrevedi r-Regolament tal-Kunsill 116/2009 dwar l-esportazzjoni ta' oġġetti kulturali sabiex jinkiseb livell ogħla ta' effiċjenza u biex tipprevedi l-ħolqien ta' strument li jikkontrolla l-importazzjoni ta' oġġetti kulturali fl-UE;

9.      Jistieden lill-Unjoni Ewropea tieħu l-passi meħtieġa, f'kollaborazzjoni mal-UNESCO u mal-Qorti Kriminali Internazzjonali, biex il-kategorija tad-dritt internazzjonali ta' delitti kontra l-umanità tiġi estiża biex tħaddan atti intenzjonati li jagħmlu ħsara jew jeqirdu l-wirt kulturali tal-umanità fuq skala kbira;

10.    Jistieden lill-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan biex jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Mezzi ta' Projbizzjoni u Prevenzjoni tal-Importazzjoni, Esportazzjoni u Trasferiment Illegali tas-Sjieda tal-Proprjetà Kulturali tal-1970 u l-Konvenzjoni tal-UNIDROIT tal-1995;

11.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta ' Sigurtà, lid-Direttur Ġenerali tal-UNESCO, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, tas-Sirja u tal-Iraq.

 

[1] ĠU L 39, 10.02.2009, p. 1.
[2] ĠU L 169, 8.7.2003, p. 6.
[3] ĠU L 335, 14.12.2013, p. 3-7.
[4] ĠU L 16, 19.1.2012, p. 1.
[5] ĠU L 335, 14.12.2013, p. 50-51.
[6] ĠU L 200, 25.7.2001, p. 5-11.
[7] ĠU L 297, 13.11.2009, p. 18.
[8] http://www.un.org/en/ga/search/view_doc.asp?symbol=S/RES/2199%20%282015%29
[9] Testi adottati, P8_TA(2015)0076
[10] http://www.unesco.org/new/en/media-services/single-view/news/conference_report_heritage_and_cultural_diversity_at_risk_in_iraq_and_syria/
[11] It-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-Jugoslavja, Kordić & Čerkez, is-26 ta' Frar 2001, IT-95-14/2; paragrafi 207-8.
[12] Id-Dikjarazzjoni tal-UNESCO dwar il-Qerda Intenzjonata tal-Wirt Kulturali, 2003.
[13] http://www.africa-eu-partnership.org/newsroom/all-news/morocco-africa-eu-workshop-fight-against-illegal-trafficking-cultural-goods