Dokument ta' sessjoni

 

13.5.2015                                                                                                                B8‑0450/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8‑0117/2015

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar l-emerġenza tal-Xylella

( 2015/2652(RSP) )

Rosa D'Amato

f'isem il-grupp EFDD

Eleonora Forenza, Marisa Matias, Curzio Maltese, Kateřina Konečná, Lidia Senra Rodríguez, Ángela Vallina, Paloma López Bermejo, Neoklis Sylikiotis, Takis Hadjigeorgiou, Jean-Luc Mélenchon, Emmanouil Glezos, Kostadinka Kuneva, Dimitrios Papadimoulis, Miguel Viegas, João Ferreira, Inês Cristina Zuber

f'isem il-grupp GUE/NGL

 

B8‑0450/205

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-emerġenza tal-Xylella

( 2015/2652(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-2015 fir-rigward ta' miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid tal-Xylella fastidiosa fl-Unjoni,

–       wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2002/89/KE li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE fuq il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni fil-Komunità ta' organiżmi li huma perikolużi għall-pjanti jew prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom fil-Komunità[1],

–       wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità[2],

–       wara li kkunsidra l-protokolli ta' dijanjożi għall-pesti regolati stabbiliti mill-Organizzazzjoni Ewropea u Mediterranja għall-Protezzjoni tal-Pjanti (EPPO),

–       wara li kkunsidra l-linji gwida kontra t-tixrid fil-Komunità tal-Xylella fastidiosa, sottospeċi pauca, razza tal-kumpless ta' tinxif rapidu taż-żebbuġ ("olive rapid decline complex"), ippubblikati fl-2014,

–       wara li kkunsidra l-Pjan tal-Kummissarju Silletti dwar l-emerġenza tal-Xylella, ippubblikat fis-16 ta' Marzu 2015,

–       wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Eżekuttiva Nru 10 tar-Reġjun tal-Pulja dwar il-miżuri li jridu jiġu applikati sabiex jinqered il-batterju X. fastidiosa, inkluż l-użu massiv ta' pestiċidi fuq skala kbira, u li telenka numru ta' pestiċidi li jridu jintużaw,

–       wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/128/KE li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi[3],

–       wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-emerġenza tal-Xylella ( O-000038/2015 – B8-0117/2015 ),

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi, skont l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni msemmija hawn fuq, it-tħawwil ta' pjanti ospitanti fiż-żoni infettati għandu jkun ipprojbit;

B.     billi, hekk kif stabbilit fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni msemmija hawn fuq, fiż-żona demarkata, inklużi ż-żona infettata u ż-żona ta' lqugħ, fi ħdan raġġ ta' 100 m madwar il-pjanti li jkunu ġew ittestjati u li jkunu nstabu infettati mill-organiżmu speċifikat, l-Istat Membru kkonċernat huwa mitlub ineħħi minnufih:

(a)         il-pjanti ospitanti, irrispettivament mill-istatus tas-saħħa tagħhom;

(b)         il-pjanti magħrufin li huma infettati mill-organiżmu speċifikat;

(c)         il-pjanti li juru sintomi li jindikaw infezzjoni possibbli minn dak l-organiżmu jew suspettati li huma infettati minn dak l-organiżmu;

C.     billi f'ħafna partijiet tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni hemm referenzi għal trattamenti fitosanitarji obbligatorji, inkluż qabel it-tneħħija tal-pjanti;

D.     billi, f'opinjoni xjentifika reċenti dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-X. fastidiosa, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) wriet li hemm bosta elementi li jagħmlu l-qerda mhux prattika; billi l-EFSA stqarret, b'mod partikolari, li "ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-għażla tal-qerda tkun ta' suċċess ladarba l-marda tkun stabbilita f'żona u li għalhekk għandha tingħata prijorità għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni tal-marda, filwaqt li għall-istrateġiji ta' trażżin, li ma jibqgħux possibbli meta l-marda tkun infirxet, l-effikaċja tvarja minn negliġibbli għal moderata";

E.     billi, f'opinjoni xjentifika reċenti dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-X. fastidiosa, l-EFSA[4] wriet li "l-użu intensiv ta' trattament b'insettiċidi maħsub biex jillimita t-trażmissjoni tal-mard u li jikkontrolla l-insett vettur jista' jkollu konsegwenzi diretti u indiretti għall-ambjent billi jimmodifika netwerks tal-ikel sħaħ b'konsegwenzi kumulattivi, u b'hekk jaffettwa diversi livelli trofiċi. Pereżempju, l-impatt indirett tal-pestiċidi fuq id-dakkir bħalissa huwa kwistjoni ta' tħassib serju (EFSA, 2013). Barra minn hekk, it-trattament b'insettiċidi fuq skala kbira jirrappreżenta wkoll riskji għas-saħħa tal-bniedem u għal dik tal-annimali";

F.     billi l-mudell agrikolu tal-UE huwa dejjem aktar ibbażat fuq sistemi agrikoli mhux tajbin għas-saħħa u mingħajr reżiljenza, b'attenzjoni limitata ħafna għall-bijodiversità u għar-rotazzjoni tal-uċuħ tar-raba' fil-każ ta' monokulturi ta' għelejjel mhux permanenti, b'nuqqas ta' organiżmi benefiċi, u b'bijodiversità li qed tmur lura b'mod ġenerali, u billi dan qed jagħmilha relattivament faċli għall-pjanti u annimali eżotiċi biex jistabbilixxu ruħhom;

G.     billi r-reżistenza għall-pestiċidi użati bħala insettiċidi hija aċċelerata bis-saħħa tal-użu eċċessiv u inkontrollat ta' dawn il-prodotti, u b'hekk qed tipperikola kwalunkwe suċċess fitosanitarju miksub;

H.     billi l-użu inadegwat u irrazzjonali tal-pestiċidi joffri kundizzjonijiet favorevoli biex batterji reżistenti jinbtu, jinfirxu u jippersistu minħabba l-proprjetajiet antimikrobiċi tagħhom, u jħalli l-ekosistemi agrikoli suxxettibbli għall-mewġa li jmiss ta' attakk minn pesti invażivi;

I.      billi huwa ċar li r-reżistenza għall-insettiċidi tikkostitwixxi fenomenu b'implikazzjonijiet transfruntieri, li wisq probabbli ma jkunux jistgħu jiġu ġestiti bir-riżorsi u bl-għarfien xjentifiku attwali, li ma jistgħux jiġu esklużi u li jaf ikollhom riperkussjonijiet imprevedibbli fil-livell mediku, soċjali u ekonomiku;

J.      billi l-użu ta' pestiċidi, anki fi kwantitajiet żgħar, jhedded it-"tikketta bijoloġika" miżmuma minn għadd ta' produtturi taż-żejt taż-żebbuġa Taljani u Ewropej;

K.     billi għadd ta' organizzazzjonijiet ambjentali u assoċjazzjonijiet kummerċjali Taljani u Ewropej esprimew preokuppazzjonijiet qawwijin dwar il-qerda tas-siġar u dwar l-użu ta' pestiċidi fuq skala kbira;

L.     billi l-Istandard Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji (ISPM) Nru 9 tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-NU (FAO), ikkwotat fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni msemmija hawn fuq, jindika li "waħda mill-ewwel azzjonijiet li għandhom jittieħdu hija t-tħejjija ta' lista tal-aktar tekniki ta' qerda fattibbli. L-ispiża totali u l-proporzjon tal-benefiċċji mqabbla mal-ispejjeż għal kull strateġija għandhom jiġu stmati fuq perjodu qasir u twil. Għandhom jiġu kkunsidrati kemm l-għażla li ma tittieħed l-ebda azzjoni u kemm dik li jiġi adottat approċċ ta' ġestjoni tal-pesti, flimkien ma' għażliet ta' qerda. L-għażliet fattibbli kollha għandhom jiġu deskritti jew diskussi ma' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet. Il-vantaġġi u l-iżvantaġġi antiċipati, inkluż il-proporzjon tal-benefiċċji mqabbla mal-ispejjeż, għandhom jiġu spjegati bl-aktar mod estensiv possibbli. Alternattiva waħda jew aktar għandhom jiġu rrakkomandati, filwaqt li jiġi rikonoxxut li d-deċiżjoni aħħarija teħtieġ li jiġu kkunsidrati l-għażliet tekniċi, il-proporzjon tal-benefiċċji mqabbla mal-ispejjeż, id-disponibbiltà tar-riżorsi, u fatturi politiċi u soċjoekonomiċi";

M.    billi, skont studju intitolat "Evaluation of pathogenity and insect transmission of X. fastidiosa strains to olive plants" ("Evalwazzjoni tal-patoġeniċità u tat-trażmissjoni permezz tal-insetti tar-razez tal-X. fastidiosa għall-pjanti taż-żebbuġ") (Krugner et al., California Olive Committee), analiżi RAPD uriet li l-popolazzjoni tal-X. fastidiosa li tinfetta s-siġar taż-żebbuġ tappartjeni għall-grupp tal-ġenotip A, li huwa magħruf li jikkawża l-marda tat-tixwit tal-weraq ("leaf scorch") fil-lewż iżda ma jikkaġunax il-marda ta' Pierce fid-dwieli;

N.     billi s-settur agroalimentari fil-Pulja jikkostitwixxi waħda mill-aktar industriji importanti tar-reġjun; billi t-trade unions jistmaw li 8 000 ħaddiem fis-settur tal-produzzjoni taż-żebbuġ jinsabu fil-periklu li jitilfu l-impjieg tagħhom;

O.     billi huwa tal-ogħla importanza li jinstabu soluzzjonijiet li jissalvagwardaw il-kompetittività u l-eċċellenza tas-settur taż-żebbuġ fil-Pulja, u li jiġu appoġġati l-livelli ta' impjieg u l-introjtu tal-ħaddiema milquta;

P.     billi bħalissa għaddejja inkjesta tal-pulizija dwar il-ġestjoni tal-emerġenza tal-Xylella u li f'tali kuntest ġew ikkonfiskati dokumenti u kompjuters mis-CNR (Kunsill Nazzjonali tar-Riċerka) u mill-Università "Aldo Moro"; billi l-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lazjo aċċettat l-ilment imressaq minn kooperattiva kontra l-implimentazzjoni ta' miżuri reġjonali kontra l-emerġenza tal-Xylella;

1.      Jesprimi tħassib dwar il-programm attwali ta' qerda fuq skala wiesgħa adottat mill-Kummissjoni minħabba r-riskji ta' deżertifikazzjoni u ta' qerda tal-wirt agrikolu, mingħajr provi xjentifiċi ċari tal-effikaċja tiegħu fil-prevenzjoni tat-tixrid tal-patoġenu; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra soluzzjonijiet alternattivi li jħarsu wkoll is-settur agroalimentari u l-ambjent fir-reġjun;

2.      Jistieden lill-Kummissjoni twettaq analiżi tal-benefiċċji mqabbla mal-ispejjeż sabiex l-istrateġija ta' qerda tkun tista' tiġi stmata fuq perjodu qasira u twil;

3.      Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni msemmija hawn fuq, b'mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 6 dwar ir-raġġ ta' 100 m madwar il-pjanti infettati fejn il-prijorità għandha tingħata lis-sorveljanza u l-iżolament pjuttost milli lill-qerda, u jistedinha wkoll tirrevedi l-Artikolu 5 sabiex tippermetti t-tħawwil ta' pjanti ospitanti potenzjali li jridu jiġu ttestjati sabiex jiġi żgurat li jkunu ħielsa mill-patoġenu u mmonitorjati – dan għandu jiġi kkomplementat bi prattiki agrikoli xierqa (pereżempju t-tneħħija tal-ħaxix ħażin, iż-żbir u l-ġestjoni korretta tat-terren b'rispett sħiħ għall-bilanċ bijoloġiku) u bi trattamenti fitosanitarji adegwati u sostenibbli;

4.      Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-implimentazzjoni ta' miżuri differenti skont l-ambitu tat-tixrid tal-batterju, il-pjanti milquta u r-razza batterika;

5.      Jistieden lill-Kummissjoni tillimita l-użu ta' pestiċidi fuq skala kbira u timplimenta d-Direttiva 2009/128/KE li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi;

6.      Jistieden lill-Kummissjoni biex fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tinkludi wkoll pubblikazzjonijiet u analiżijiet xjentifiċi li juru li r-razza tal-X. fastidiosa inkwistjoni ma tikkaġunax il-marda ta' Pierce fid-dwieli, u b'hekk teskludi l-Vitis mil-lista ta' pjanti magħrufa bħala suxxettibbli għall-iżolati Ewropej u mhux Ewropej tal-X. fastidiosa (Anness 1);;

7.      Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li biżżejjed riżorsi finanzjarji u umani jkunu disponibbli għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji rilevanti, inkluż appoġġ finanzjarju sabiex il-bdiewa jkunu jistgħu japplikaw prattiki agrikoli xierqa għall-ġlieda kontra l-X. fastidiosa u l-vetturi ta' tali batterju, kif ukoll tiżgura kumpens xieraq għat-telf ta' siġar, għajxien u introjtu fil-każ ta' qerda tas-siġar taż-żebbuġ u pjanti ospitanti potenzjali oħra;

8.      Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Gvern Taljan jappoġġaw l-introjtu u l-livelli ta' impjieg tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju milquta mill-marda tal-Xylella;

9.      Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi, pereżempju fil-qafas tal-programm Orizzont 2020, finanzjament xieraq għal riċerka, analiżi u rimedji dwar il-batterju X. fastidiosa u l-vetturi tiegħu;

10.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

 

[1] ĠU L 355, 30.12.2002, p. 45.
[2] ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.
[3] ĠU L 309, 24.11.2009, p. 71.
[4] EFSA Journal 2015; 13(1):3989.