Dokument ta’ sessjoni

 

13.5.2015                                                                                                                B8‑0451/2015

ABBOZZ TA’ MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8‑0451/2015

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta’ Proċedura

dwar it-tifqigħa tal-Xylella fastidiosa, marda li qed tolqot is-siġar taż-żebbuġ

( 2015/2652(RSP) )

Bas Belder, James Nicholson

f’isem il-Grupp ECR

 

B8‑0000/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tifqigħa tal-Xylella fastidiosa, marda li qed tolqot is-siġar taż-żebbuġ

( 2015/0000(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità[1],

–       wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-2015 fir-rigward ta’ miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid tal-Xylella fastidiosa fl-Unjoni (Wells et al.),

–       wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/910/UE tat-12 ta’ Diċembru 2014 dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għall-2014 li tkopri n-nefqa mġarrba mill-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Italja, l-Olanda u l-Awstrija bl-għan li jiġu miġġielda organiżmi ta’ ħsara għall-pjanti jew għall-prodotti tal-pjanti[2],

–       wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/497/UE tat-23 ta’ Lulju 2014 fir-rigward ta’ miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid tal-Xylella fastidiosa fl-Unjoni (Well u Raju)[3],

–       wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/87/UE tat-13 ta’ Frar 2014 fir-rigward ta’ miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid tal-Xylella fastidiosa fl-Unjoni (Well u Raju)[4],

–       wara li kkunsidra l-parir xjentifiku mogħti mill-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza tal-Ikel (EFSA) fis-17 ta’ April, fl-20 ta’ Marzu u fis-6 ta’ Jannar 2015 u fit-22 ta’ Novembru 2013,

–       wara li kkunsidra r-rapporti mill-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju ta’ verifiki mwettqa f’Novembru 2014 u fi Frar 2014,

–       wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar it-tifqigħa tal-Xylella fastidiosa, marda li qed tolqot is-siġar taż-żebbuġ ( O-000038/2015 – B8-0117/2015 )

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.     billi l-batterju tal-Xylella fastidiosa qiegħed jinfetta s-siġar taż-żebbuġ fir-reġjun tal-Pulja fl-Italja; billi s-siġar taż-żebbuġ u l-prodotti tagħhom għandhom livell għoli ta’ valur ekonomiku, soċjali u kulturali għar-reġjun tal-Pulja;

B.     billi l-preżenza tal-organiżmu speċifikat kienet notifikata għall-ewwel darba mill-awtoritajiet Taljani lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra fil-21 ta’ Ottubru 2013;

C.     billi l-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju rrapporta t-tixrid rapidu tal-marda u implimenta b’mod limitat il-miżuri ta’ qerda fl-2014; billi l-marda ntxterdet minn għexieren ta’ eluf ta’ siġar infettati fl-Italja fl-2013 għal aktar minn miljun siġra infettata fl-Italja fl-2015;

D.     billi l-EFSA tistipula fl-opinjoni xjentifika tagħha li d-distribuzzjoni attwali tal-Xylella fastidiosa fl-UE hija ristretta għal razza waħda;

E.     billi r-razza tal-Xylella fastidiosa li qed tinfetta s-siġar taż-żebbuġ fir-reġjun tal-Pulja hi differenti minn dik li tikkawża mard fid-dwieli jew fiċ-ċitru f’partijiet oħra tad-dinja;

F.     billi d-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni jinkludu kontrolli mmirati stretti fuq ċerti importazzjonijiet ta’ pjanti, li huma f’konformità mal-approċċ ibbażat fuq ir-riskju tal-qafas leġiżlattiv tal-Unjoni;

1.      Jistieden lill-Kummissjoni biex twaqqaf it-tixrid tal-Xylella fastidiosa fis-siġar taż-żebbuġ fir-reġjun tal-Pulja permezz tal-implimentazzjoni effettiva ta’ miżuri mmirati għall-prevenzjoni ta’ ħsara ulterjuri; jenfasizza l-ħtieġa tat-tkomplija tar-riċerka, b’mod partikolari dwar l-epidemjoloġija tal-Xylella fastidiosa u dwar miżuri ulterjuri għall-kontroll tal-marda;

2.      Jenfasizza li fit-28 ta’ April 2015, esperti mill-Istati Membri fil-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf approvaw miżuri mġedda proposti mill-Kummissjoni għall-prevenzjoni tad-dħul u t-tixrid tal-batterju Xylella fastidiosa fi ħdan l-Unjoni;

3.      Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li żoni demarkati jkunu stabbiliti u jiġu applikati miżuri ta’ qerda u trażżin mingħajr aktar dewmien, f’konformità mad-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni tagħha;

4.      Jenfasizza li l-qafas leġiżlattiv tal-Unjoni diġà jipprovdi għal aktar kontrolli mmirati fuq pjanti importati f’każ ta’ riskju akbar, u jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli tiżgura approċċ ibbażat fuq ir-riskju fir-rigward tal-importazzjonijiet li jirrispetta l-qafas leġiżlattiv tal-Unjoni;

5.      Jitlob lill-Kummissjoni tieħu azzjoni immedjata f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-miżuri għall-prevenzjoni tad-dħul u t-tixrid tal-Xylella fastidiosa fi ħdan l-Unjoni;

6.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

[1] ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.
[2] ĠU L 359, 16.12.2014, p. 164.
[3] ĠU L 219, 25.7.2014, p. 56.
[4] ĠU L 45, 15.2.2014, p. 29.