Dokument ta' sessjoni
3.6.2015 B8‑0533/2015
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija
( 2015/2700(RSP) )
Marie-Christine Vergiat, Cornelia Ernst, Barbara Spinelli, Marisa Matias, Younous Omarjee, Marina Albiol Guzmán, Lidia Senra Rodríguez, Kostas Chrysogonos, Kostadinka Kuneva
f'isem il-Grupp GUE/NGL
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija
( 2015/2700(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-preambolu tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari t-tieni inċiż u mir-raba' sas-seba' inċiż tiegħu,
– wara li kkunsidra b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3(3), it-tieni inċiż, l-Artikoli 6 u 7 tat-TUE, kif ukoll l-Artikoli tat-TUE u tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea relatati mar-rispett, il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta' Diċembru 2000 (u b'mod partikolari l-Artikoli 1, 2 u 19 tagħha), proklamata fit-12 ta' Diċembru 2007 u li daħlet fis-seħħ mat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), il-Protokoll Nru 13 tagħha, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u l-konvenzjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet, ir-riżoluzzjonijiet u r-rapporti tal-Assemblea Parlamentari, tal-Kumitat tal-Ministri, tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2013 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali: standards u prattiki fl-Ungerija (skont ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2012)[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2012)[2],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Marzu 2014 bit-titolu "Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt" ( COM(2014)0158 ),
– wara li kkunsidra r-rapport tas-16 ta' Diċembru 2014 mill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa wara ż-żjara tiegħu fl-Ungerija bejn l-1 u l-4 ta' Lulju 2014,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2014 dwar l-iżgurar tar-rispett għall-istat tad-dritt,
– wara li kkunsidra s-sessjoni ta' smigħ dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ungerija li saret fit-22 ta' Jannar 2015 mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni mressqa waqt id-dibattitu plenarju li sar fil-Parlament Ewropew fil-11 ta' Frar 2015 dwar qafas tal-UE għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni mressqa fid-dibattitu plenarju li sar fil-Parlament Ewropew fid-19 ta' Mejju 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Unjoni hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, u billi dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f'soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;
B. billi ħadd ma għandu jkun ikkundannat għall-piena tal-mewt jew jiġi ssuġġettat għal eżekuzzjoni, u billi l-piena tal-mewt għandha tiġi pprojbita madwar id-dinja kollha;
C. billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali;
D. billi d-dritt għall-asil huwa garantit bir-rispett dovut tar-regoli tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tat-28 ta' Lulju 1951 u għall-Protokoll tagħha tal-31 ta' Jannar 1967 dwar l-istatus tar-refuġjati u b'konformità mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea;
E. billi l-iżviluppi li seħħew dan l-aħħar fl-Ungerija, u b'mod partikolari matul l-aħħar 12-il xahar, wasslu għal deterjorament serju tas-sitwazzjoni fir-rigward tal-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, il-ġlieda kontra l-intolleranza u d-diskriminazzjoni, id-drittijiet tal-bniedem tal-immigranti, tal-persuni li jfittxu asil u tar-refuġjati, il-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, l-indipendenza ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, id-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi, u l-indipendenza tal-ġudikatura;
F. billi fl-24 ta' April 2015, il-Gvern Ungeriż ħabbar it-tnedija ta' konsultazzjoni nazzjonali dwar l-immigrazzjoni, fejn ippubblika kwestjonarju ta' 12-il punt li kellhom jiġu indirizzati lil kull ċittadin Ungeriż ta' età 'l fuq mit-18-il sena; billi l-biċċa l-kbira tal-mistoqsijiet huma evidentement ta' natura suġġestiva u retorika, u jistabbilixxu rabta preġudikata u diretta bejn il-fenomeni migratorji u t-theddid għas-sigurtà;
G. billi l-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orbán għamel suġġerimenti simili fl-2002 u reġa' ddikjara f'diskors li sar f'Pécs fit-28 ta' April 2015 li l-kwistjoni tal-piena tal-mewt għandha titqiegħed lura fuq l-aġenda fl-Ungerija, u billi huwa tenna dikjarazzjonijiet simili fl-1 ta' Mejju 2015 waqt intervista fuq ir-radju pubbliku nazzjonali, fejn żied li d-deċiżjoni li tiġi introdotta mill-ġdid il-piena tal-mewt għandha taqa' taħt il-kompetenza unika tal-Istati Membri; billi d-dibattitu mibdi dwar il-piena tal-mewt huwa perikoluż u ta' ħsara;
H. billi, apparti minn dikjarazzjonijiet orali u dikjarazzjonijiet lill-istampa u fil-midja soċjali, il-Kummissjoni la ħadet ebda pass jew azzjoni formali fir-rigward tal-iżviluppi l-iktar reċenti fl-Ungerija, u lanqas ma ppubblikat ebda komunikazzjoni uffiċjali b'reazzjoni għall-konsultazzjoni qarrieqa imnedija mill-Gvern Ungeriż jew għad-dikjarazzjonijiet dwar il-piena tal-mewt magħmula mill-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orbán;
I. billi, fl-istqarrija tiegħu mressqa fis-sessjoni plenarja li saret fil-Parlament Ewropew fid-19 ta' Mejju 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija, il-Presidenza tal-Kunsill iddikjarat li l-Kunsill ma kienx iddiskuta s-sitwazzjoni fl-Ungerija u għalhekk ma adotta l-ebda pożizzjoni formali dwar din il-kwistjoni;
J. billi l-isforzi biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni attwali fl-Ungerija ma għandux ikollhom l-għan li jindividwaw Stat Membru jew gvern partikolari iżda li jissodisfaw obbligu kollettiv tal-istituzzjonijiet kollha tal-UE, u b'mod partikolari tal-Kummissjoni bħala l-gwardjan tat-Trattati, sabiex jiżguraw l-applikazzjoni tat-Trattati u tal-Karta u l-konformità mat-Trattati u mal-Karta fl-Unjoni kollha u f'kull Stat Membru;
1. Jinsisti li l-piena tal-mewt hija inkompatibbli mal-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, tal-libertà, tad-demokrazija, tal-ugwaljanza, tal-istat tad-dritt u tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, u li kwalunkwe Stat Membru li jintroduċi mill-ġdid il-piena tal-mewt għaldaqstant ikun qed jikser it-Trattati u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE; ifakkar li ksur serju minn Stat Membru tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE jiskatta l-proċedura stipulata fl-Artikolu 7 tat-TUE;
2. Jikkundanna bil-qawwa d-dikjarazzjonijiet ripetuti magħmula mill-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orbán li jħajru dibattitu dwar il-possibilità ta' introduzzjoni mill-ġdid tal-piena tal-mewt fl-Ungerija, u għaldaqstant jistituzzjonalizzaw u jalimentaw kunċett li jikser b'mod sfaċċat il-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni; jiddeplora l-fatt li kap ta' gvern ta' Stat Membru deliberatament qed jixħet dubju fuq ir-rispett tad-dinjità tal-bniedem u tad-drittijiet tal-bniedem billi jiftaħ tali diskussjoni, li hija prinċipalment motivata minn objettivi ta' politika interna;
3. Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-konsultazzjoni pubblika dwar il-migrazzjoni mibdija mill-Gvern Ungeriż, li tistrieħ fuq kunċetti żbaljati ksenofobiċi, li l-migranti li qed ifittxu asil qed jitqiesu ekwivalenti għal theddid għas-sigurtà, l-istigmatizzazzjoni tal-persuni li jfittxu asil bħala migranti attratti mill-assistenza soċjali u r-rappreżentazzjoni żbaljata deliberata tal-politiki tal-UE dwar l-asil u l-migrazzjoni; jikkundanna l-preġudizzju u l-użu ħażin ta' din il-konsultazzjoni pubblika, organizzata u ffinanzjata mill-gvern, bl-iskop li titferrex retorika ta' mibegħda li hija inkompatibbli mal-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni; jistieden lill-Gvern Ungeriż jikkanċella l-proċess attwali ta' konsultazzjoni b'mod immedjat;
4. Jiddeplora n-nuqqas ta' reazzjoni mill-Kunsill għall-iżviluppi l-aktar reċenti fl-Ungerija u jikkundanna n-nuqqas ta' impenn mill-Istati Membri biex jiżguraw ir-rispett għall-istat tad-dritt kif speċifikat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2014; jitlob lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-Kunsill Ewropew jorganizzaw diskussjoni u jadottaw konklużjonijiet dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija fil-laqgħa tagħhom li jmiss;
5. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tattiva l-ewwel stadju tal-Qafas tal-UE biex jissaħħaħ l-istat tad-dritt, u għaldaqstant jinbeda minnufih proċess ta' monitoraġġ fil-fond dwar is-sitwazzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-Ungerija, il-valutazzjoni ta' ksur potenzjali sistematiku jew serju tal-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, skont l-Artikolu 2 tat-TUE; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta rapport dwar din il-kwistjoni lill-Parlament u lill-Kunsill qabel Settembru 2015;
6. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva għall-istabbiliment ta' tabella ta' valutazzjoni tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali li tistrieħ fuq indikaturi komuni u oġġettivi u tevalwa fuq bażi annwali s-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-konformità mal-valuri tal-Unjoni kif stipulat fl-Artikolu 2 tat-TUE f'kull Stat Membru, u li tinkorpora mekkaniżmi gradwali xierqa vinkolanti u korrettivi; jistieden lill-Kummissjoni, għal dan il-għan, tipproponi tibdil tal-mandat tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali biex tinkludi l-monitoraġġ tas-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali f'kull Stat Membru kemm fi ħdan kif ukoll lil hinn mill-applikazzjoni tal-liġi tal-UE, filwaqt li tqis il-konklużjonijiet ta' organizzazzjonijiet internazzjonali u tal-qrati;
7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ungerija, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati, lill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.