Dokument ta' sessjoni

 

1.7.2015                                                                                                                  B8‑0659/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni

skont l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura u l-ftehim qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea

dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2016

( 2015/2729(RSP) )

Bas Eickhout, Igor Šoltes

f'isem il-Grupp Verts/ALE

 

B8‑0659/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2016

( 2015/2729(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2015 ( COM(2014)0910 ),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Regolamentazzjoni aħjar għal riżultati aħjar – Aġenda tal-UE" ( COM(2015)0215 ),

–       wara li kkunsidra r-‘Rapport tal-Ħames Presidenti” tat-22 ta’ Ġunju 2015 bit-titolu “L-Ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja Ewropea",

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Qafas eżistenti dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni u, b'mod partikolari, l-Anness 4 tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi fil-kuntest tal-kriżi attwali, l-Unjoni Ewropea teħtieġ proposti kuraġġużi għal leġittimità politika msaħħa, fiduċja msaħħa taċ-ċittadini u kooperazzjoni aktar mill-qrib dwar il-politiki soċjali, ekonomiċi u monetarji;

B.     billi l-President tal-Kummissjoni kien ġustifikat li jikkunsidra li l-eżitu tal-aħħar elezzjonijiet Ewropej kien sejħa miċ-ċittadini għal bidla u li kien jinħtieġ bidu ġdid;

C.     billi l-Komunikazzjoni dwar il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall- 2015 kienet strutturata tabilħaqq bħal xi programm politiku, madwar għadd żgħir ta’ għanijiet politiċi mmirati, li fil-fatt jgħin biex jinftiehem it-tfassil ta’ politika Ewropew u jikkontribwixxi għal kunsiderazzjoni aktar politika tal-azzjoni tal-Kummissjoni;

D.     billi dan il-programm, flimkien mal-attività tal-Kulleġġ fl-ewwel sena tiegħu, juri b’mod ċar il-preġudizzju neoliberali qawwi f’ħafna oqsma ewlenin tal-politika (il-kummerċ, l-impjiegi, l-agrikoltura, eċċ.) anki meta joffri xi passi inizjali siewja f’oqsma urġenti u sinifikanti (reġistru tal-lobbies, tassazzjoni, effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, eċċ.);

E.     billi l-istruttura, l-intestatura u l-kliem tal-prijoritajiet tal-Kummissjoni jinjoraw l-effetti diżastrużi tal-politiki ta’ awsterità, u jnaqqsu b’mod ċar l-importanza ta’ kwistjonijiet soċjali u ambjentali bħala preokkupazzjonijiet żgħar, filwaqt li dawn kollha huma subordinati għar-ritorn ipotetiku tat-tkabbir, bla ma jitqiesu xejn id-danni kkaġunati lis-soċjetà u liċ-ċittadini biż-żieda fl-inugwaljanzi u mill-kriżi ambjentali;

F.     billi dan il-fokus kważi esklużiv fuq politiki skaduti u ekonomiji tal-provvista jitfu kompletament l-istanzi fejn jissemmew il-ġustizzja soċjali u l-inugwaljanzi, is-saħħa pubblika, l-edukazzjoni, il-kultura u ħafna oqsma li huma daqstant kruċjali għat-tnedija mill-ġdid tal-attività daqs kemm huma għall-qofol u l-qalba tas-soċjetajiet Ewropej;

G.     billi l-Kummissjoni hija l-gwardjan tat-Trattati tal-UE il fihom huma mħarsa l-iżvilupp sostenibbli, il-ġustizzja soċjali, is-solidarjetà u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini Ewropej għal ambjent nadif u livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali;

H.     billi t-tħassib dwar l-ispirtu tal-aġenda ta' “Regolamentazzjoni aħjar” tal-Kummissjoni, speċjalment fir-rigward tal elementi essenzjali ta’ leġiżlazzjoni ambjentali u soċjali, huma ġustifikati, minħabba l-pożizzjonijiet tal-Kummissjoni, b’mod partikolari dawk tal-ewwel Viċi President tagħha Timmermanns;

I.      billi x-xewqa li jitnaqqsu l-piżijiet leġiżlattivi meta dawn ma jkunux meħtieġa jew ikunu antikwati hija kondiviża b’mod wiesa’ iżda diversi rakkomandazzjonijiet juru b’mod ċar għan deregolatorju, li jeqred drittijiet u/jew standards Ewropej importanti;

J.      billi t-tnaqqis tal-ispejjeż globali tar-regolamentazzjoni fuq in-negozju ma jistax isir askapitu tas-saħħa, is-sikurezza u l-ħarsien tal-ambjent li dawn ir-regolamenti jagħtu liċ-ċittadini, lill-ħaddiema u lill-konsumaturi Ewropej;

Il-prijoritajiet għall-2016: Is-sostenibbiltà, il-ġustizzja soċjali u ekonomika, id-drittijiet fundamentali u dawk taċ-ċittadini, u mezzi mtejba għall-azzjoni tal-UE

1.      Jikkondividi t-tħassib tal-Kummissjoni rigward l-istat gravi tal-Unjoni llum il-ġurnata, u l-ħtieġa urġenti għal investiment serju biex tintemm ix-xejra ta’ staġnar attwali; minkejja dan, jiddispjaċih li l-‘bidu ġdid’ tal-Kummissjoni jirrifletti l-aktar il-prijoritajiet tal-Ewropa ta’ qabel il-kriżi, u jagħżel li jżomm il-qafas ortodoss tal-politiki ekonomiċi li wasslu għall-kriżi, u naqas milli jagħraf għalkollox dak li verament teħtieġ l-Ewropa tas-seklu 21 u dak li l-Ewropej tassew qed jitolbu; jenfasizza, f’dan il-kuntest, il-ħtieġa għal strateġija industrijali ġdida bħar-RISE (Rinaxximent tal-Industrija għal Ewropa sostenibbli) li tgħaqqad is-sostenibbiltà u l-kompetittività permezz ta’, fost l-oħrajn, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u r-riżorsi;

Is-sostenibbiltà

2.      Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqiegħed is-sostenibbiltà fiċ-ċentru ta’ kull politika ekonomika soda, orjentata lejn il-futur u li ssolvi l-kriżi, u biex tagħtiha sostanza f’dan il-programm ta’ ħidma u fi programmi futuri permezz ta’ intestatura dedikata li tiffoka fuq l-implimentazzjoni komprensiva u rapida tas-7 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali u t-tħejjijiet għal Strateġija tal-UE għal Żvilupp Sostenibbli; iqis li l-proġetti magħżula mill-fond ta’ garanzija li jirfdu l-hekk imsejjaħ “Pjan Juncker” jeħtieġ iwieġbu għal prijoritajiet tali; jenfasizza li tinħtieġ strateġija industrijali sostenibbli ambizzjuża u komprensiva ġdida peress li ingħatat ftit wisq attenzjoni għal dan il-qasam kritiku ta’ politika, speċjalment fir-rigward tal-pakkett dwar l-ekonomija ċirkolari; jinsisti li l-investimenti pubbliċi jridu jiffukaw fuq it-tranżizzjoni tal-enerġija, SMEs ekoinnovattivi, ir-riċerka u l-edukazzjoni; jopponi li l-fondi għall-programmi tal-UE diġà ppjanati, bħall-Orizzont 2020 — Finanzjament għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, jiġu ddevjati lejn proġetti ta' kwalità inferjuri jew li ma jkunux sostenibbli;

3.      Jistenna li l-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni fl- 2015 skont il-proċedura ordinarja sabiex timplimenta l-qafas tal-klima u l-enerġija għall- 2030 u jistieden lill-Kummissjoni tippreżentaha bħala pakkett (ETS, Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi, Direttiva dwar il-Kwalità tal-Fjuwils, u leġiżlazzjoni li tkopri l-emissjonijiet mill-agrikoltura, il-foresti u minn użu ieħor tal-art); itenni l-ħtieġa li jiġu ċċarati l-impatti tal-gassijiet b’effett ta’ serra tad-diversi użi tal-bijomassa forestali għall-enerġija u li jiġu identifikati l-użi li jistgħu jiksbu l-akbar benefiċċji ta’ mitigazzjoni fi ħdan kalendarji ta’ żmien rilevanti għall-politika, u biex tressaq proposti għal kriterji ta’ sostenibilità għall-użu tal-bijomassa għall-enerġija;

4.      Jistenna li l-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni fil-mument opportun skont il-proċedura ordinarja sabiex tistabbilixxi l-Unjoni tal-Enerġija, inkluża l-implimentazzjoni ta’ qafas għall-klima u l-enerġija għall- 2030; itenni l-oppożizzjoni tiegħu għall-finanzjament għall-fjuwils fossili u nukleari;

5.      Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva 2009/28/KE dwar l-Enerġija Rinnovabbli, flimkien ma’ proposti għal regolamentazzjoni effettiva, inkluż mill-Parlament, sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-objettivi ambizzjużi u vinkolanti għall-enerġija rinnovabbli għall-2030;

6.      Jistieden lill-Kummissjoni, f’konformità mal-impenji stabbiliti fis-7 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali, biex tagħmel proposti sabiex testendi r-rekwiżiti relatati mal-ispezzjonijiet u testendi l-kriterji vinkolanti għall-ispezzjonijiet u għas-sorveljanza effettivi tal-Istati Membri għall-ġabra usa’ tal-liġi ambjentali tal-Unjoni, u biex jiġi żgurat li jkun hemm aċċess effettiv għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali sabiex timplimenta bis-sħiħ il-Konvenzjoni ta’ Aarhus;

7.      Jappella sabiex l-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija u d-Direttiva dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (EPBD) tiġi konkluża malajr kemm jista’ jkun, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa ta’ din il-leġiżlazzjoni u tagħmel proposti biex jiġu emendati permezz tal-proċedura ordinarja sal-aħħar tal-2016; ifakkar, f’dan il-kuntest, il-wegħda li għamel il-President Juncker ta’ objettiv minimu vinkolanti tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija ta' 30 % sal-2030 u jinsisti mal-Kummissjoni biex, meta tkun qed tirrevedi dawn id-direttivi, tikkunsidra bis-sħiħ il-pożizzjonijiet tal-Parlament dwar din il-kwistjoni u l-ewwel prinċipju tal-effiċjenza enerġetika;

8.      Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta qafas speċifiku biex tindirizza l-impatt tat-trasport fuq it-tibdil tal-klima, bħala kwistjoni ta’ urġenza; jistieden lill-Kummissjoni tlesti r-rieżami tagħha dwar ir-regolamentazzjoni tal-emissjonijiet tad-CO2 mill-karozzi, u biex tressaq proposta ambizzjuża li jkun fiha objettiv għall-2025; jistieden barra minn hekk lill-Kummissjoni tindirizza l-emissjonijiet minn vetturi heavy-duty;

9.      Jistenna li l-Kummissjoni, fl- 2016, abbażi tal-komunikazzjoni konsultattiva tagħha fl- 2015, tipproponi leġiżlazzjoni ġdida skont il-proċedura ordinarja dwar l-istruttura tas-swieq globali tal-enerġija, is-suq bl-imnut u l-awtokonsum;

10.    Jinsab ferm iddiżappuntat dwar il-proposta ppreżentata fit- 22 ta’ April 2015 li temenda r- Regolament (KE) Nru 1829/2003 fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu ta’ ikel u għalf ġenetikament modifikati fit-territorju tagħhom, li ma tindirizzax id-defiċit demokratiku rikonoxxut fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni għall-OĠM, għalkemm il-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall- 2015 kien iddispona rieżami tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-OĠM; jistenna li l-Kummissjoni taħdem b’mod kostruttiv mal-koleġislaturi, sabiex tinkiseb demokratizzazzjoni vera tal-proċess ta’ awtorizzazzjoni, inklużi għall-applikazzjonijiet għall-kultivazzjoni ta’ OĠM;

11.    Jistenna li l-Kummissjoni taħdem b’mod kostruttiv mal-Parlament dwar il-proposta dwar l-ikklonar ta' Diċembru 2013, sabiex jilħqu ftehim li jqis l-aspettattivi tal-konsumaturi u t-tħassib dwar il-benessri tal-annimali u li b’hekk jipprovdi għal regoli stretti dwar ikel miksub minn dixxendenti ta’ annimali kklonati;

12.    Jappella għat-tisħiħ u l-espansjoni tar-rekwiżiti dwar l-ekodisinn fil-leġiżlazzjoni tal-prodotti bħala parti minn proposta ta’ ekonomija ċirkolari aktar ambizzjuża, sabiex tiżdied l-effiċjenza tar-riżorsi fuq in-naħa tal-prodott taċ-ċirku;

Il-ġustizzja ekonomika u soċjali

13.    Jilqa' l-attenzjoni mogħtija lill-impjiegi ħodor, lill-ekoinnovazzjoni, lill-ekoindustriji, lill-pakkett ta' mobbiltà tax-xogħol u l-pakkett dwar l-impjegabbiltà b'segwitu għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ, iżda jitlob ukoll li jittieħdu azzjonijiet konkreti; huwa preokkupat li l-'prijorità' ddikjarata dwar il-ħolqien tal-impjiegi mhijiex fil-kompetenza tad-DĠ Impjiegi iżda qed tiġi żviluppata minn atturi tal-Kummissjoni mingħajr esperjenza rigward l-impjiegi u l-ħolqien tal-impjiegi, meta jitqies il-fatt li l-ħolqien tal-impjiegi huwa tassew is-sinsla tal-politiki dwar l-impjieg; jiddubita, għalhekk, l-impenn tal-Kummissjoni favur il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità u li tassew ikunu ‘ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini’, u pjuttost jibża’ li jkun hemm attiviżmu favur l-investiment mingħajr il-potenzjal tal-ħolqien ta’ impjiegi;

14.    Jiddeplora n-nuqqas persistenti ta’ proposti speċifiċi biex jindirizzaw l-inugwaljanzi li qed jiżdiedu, u l-urġenza soċjali kkawżata mill-politiki ta’ awsterità, speċjalment fil-pajjiżi tal-programm tat-Trojka ; jistieden lill-Kummissjoni taħdem lejn “Bażi ta’ Protezzjoni Soċjali”, sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini Ewropej igawdu minn livell minimu ta’ protezzjoni soċjali tul ħajjithom (aċċess għal akkomodazzjoni bi prezzijiet raġonevoli, aċċess għal kura adegwata tas-saħħa, id-dritt għal kura tat-tfal, standards minimi ta’ sigurtà ta’ dħul, inklużi l-pensjonijiet, jew il-minimu ekwivalenti ta' protezzjoni soċjali, eċċ.);

15.    Jinnota l-proposta għal UEM aktar profonda u ekwa; jistenna, madankollu, proposti aktar ambizzjużi u inklużivi, inkluż pjan direzzjonali lejn kapaċità fiskali sinifikanti u kontraċiklika għall-UEM, li jkunu jindirizzaw ukoll ix-xokkijiet asimmetriċi, kif ukoll aktar proposti mmirati sabiex il-miri ambjentali u soċjali Ewropej isiru objettivi baġitarji vinkolanti, riveduti u li jiffavorixxu l-investimenti;

16.    Jinnota l-attenzjoni dejjem akbar mogħtija lill-kunċett tal-bużżieqa tal-karbonju mill-Bank Ċentrali Ewropew u l-Bord ta’ Stabbiltà Finanzjarja; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi din il-kwistjoni fl-Unjoni tas-Swieq Kapitali tagħha u jiddeplora l-fatt li ma kinitx inkluża fil-Green Paper rispettiva; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi rekwiżiti ta' trasparenza fir-rigward tal-impronta tad-CO2 tal-investimenti finanzjarji, pereżempju, fid-Direttiva dwar ir-Rappurtar mhux Finanzjarju;

17.    Jilqa’ l-ewwel pass lejn ġustizzja fiskali mtejba kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa persistenti, li jċaħħad lill-Ewropa mir-riżorsi baġitarji leġittimi u meħtieġa tagħha, permezz tal-obbligu fuq l-Istati Membri li jiskambjaw informazzjoni rigward deċiżjonijiet dwar it-taxxa; madankollu iqis li huwa importanti ħafna li jiġu proposti emendi għad-Direttiva dwar il-kumpaniji prinċipali u sussidjarji kif ukoll dwar l-imgħax u r-royalties sabiex jingħalqu l-lakuni eżistenti;

18.    Jilqa’ b’sodisfazzjon il-qawmien mill-ġdid tal-Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) filwaqt li jiġu solvuti, bħala l-ewwel prijorità, l-akbar lakuni fid-Direttiva dwar il-Kumpaniji Prinċipali u Sussidjarji u d-Direttiva dwar l-Imgħax u r-Royalties;

19.    Jitlob lill-Kummissjoni tagħmel użu mil-liġi tal-kumpaniji tal-UE biex timponi taxxa ta’ trasparenza fuq il-kumpaniji multinazzjonali kollha, u timponi rekwiżiti stretti fuq il-kumpaniji tal-isem bil-għan li jiġu pprojbiti b’mod effettiv;

20.    Jistenna bil-ħerqa li jikkontribwixxi għall-“istrateġija għal approċċ imġedded u integrat għas-suq uniku tal-prodotti u s-servizzi”, b’mod partikolari ffokata fuq setturi fejn hemm l-akbar potenzjal ekonomiku; jitlob lill-Kummissjoni tibni din l-istrateġija fuq livelli għolja ta’ sikurezza, sigurtà u ħarsien tal-konsumatur, u biex tiżgura li jkun hemm traspożizzjoni f’waqtha u implimentazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni eżistenti qabel ma tipproponi leġiżlazzjoni ġdida jew riveduta qabel iż-żmien;

21.    Jistenna bil-ħerqa li l-Kummissjoni ssegwi l-wegħdiet li saru fl-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa, b’mod partikolari r-riformi fil-jeddijiet tal-awtur, l-ibblukkar ġeografiku u r-reviżjoni tad-Direttiva Servizz Universali u d-Direttiva dwar il-privatezza elettronika; iwissi kontra r-riskju li l-kundizzjonijiet soċjali u tax-xogħol jiġu pperikolati fl-isforz biex titnaqqas l-ispiża tal-konsenja tal-pakketti u jfakkar li s-servizzi ta’ konsenja kosteffettivi għandhom jinkludu l-kwalità kemm għal dawk li jipprovdu kif ukoll dawk li jirċievu dawn is-servizzi; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm bilanċ bejn il-libertà tal-espressjoni, u s-sorveljanza ġudizzjarja u r-responsabbiltà meta jiġi ttrattat kontenut illegali fuq l-internet, filwaqt li, fl-infurzar tad-dispożizzjonijiet, jintuża l-prinċipju "segwi l-flus";

22.    Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra b’mod iktar serju kif id-diġitalizzazzjoni tista' tixpruna t-trasformazzjoni ekoloġika u soċjali tal-ekonomija u l-konsegwenzi tagħha;

23.    Huwa ferm imħasseb biż-żieda fl-inugwaljanzi reġjonali fl-Ewropa mill-bidu tal-kriżi, u għaldaqstant jiddispjaċih li l-EFSI mhux se jkollu fil-mira tiegħu r-reġjuni tal-UE l-aktar milquta minn din id-diverġenza fl-investiment u minn livell għoli ta’ qgħad; jistenna li l-Kummissjoni tiċċara l-pożizzjoni tagħha dwar il-futur tad-dimensjoni urbana, fuq l-aġenda territorjali/koeżjoni territorjali u li teżamina r-relazzjoni bejn l-EFSI u l-politika ta’ koeżjoni billi tevalwa fi stadju bikri l-funzjonament u l-użu tal-garanzija tal-UE;

Id-drittijiet fundamentali u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini

24.    Jilqa’ l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, adottata fit-13 ta’ Mejju 2015, li tiffoka fuq firxa ta’ inizjattivi biex tiżviluppa approċċ aktar olistiku għall-migrazzjoni; jopponi ħafna l-assoċjazzjoni dubjuża u qarrieqa bejn il-migrazzjoni u l-kwistjonijiet ta’ sigurtà, kif saret fl-inizjattiva mir-Rappreżentant Għoli li tittieħed azzjoni militari fil-ġlieda kontra l-kuntrabandu tal-bnedmin;

25.    Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-rilokazzjoni tar-refuġjati mill-Italja u l-Greċja, iżda jħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa strumenti vinkolanti għal approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem għal persuni li jkunu qed ifittxu l-protezzjoni fl-UE mill-gwerer u l-persekuzzjoni billi toħloq mezzi effettivi ta’ dħul legali għar-rifuġjati; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi l-kondiviżjoni tal-piżijiet u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni, bħala kwistjoni ta’ urġenza, biex tippreżenta wkoll, bħala parti mill-aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni pjan għall-iżvilupp ta’ rotot legali għall-migrazzjoni tax-xogħol;

26.    Jinnota li l-mekkaniżmu tal-istat tad-dritt propost mill-Kummissjoni f’Mejju 2014 mhuwiex biżżejjed biex jindirizza l-ksur tal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għall-istabbiliment ta’ mekkaniżmu effikaċi tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, filwaqt li tibbaża ruħha fuq indikaturi komuni u oġġettivi biex twettaq valutazzjoni annwali imparzjali dwar is-sitwazzjoni fl-Istati Membri kollha, li tinvolvi evalwazzjoni mill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, flimkien ma’ mekkaniżmi vinkolanti u korrettivi xierqa, bħal proċeduri ta’ ksur u l-proċedura tal-Artikolu 7 TUE, sabiex timla l-lakuni eżistenti u tippermetti rispons awtomatiku u gradwali għall-ksur tal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fil-livell tal-Istati Membri;

27.    Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi inizjattivi leġiżlattivi dwar il-ġlieda kontra l-forom kollha tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru; jistieden lill-Kummissjoni tibda l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika (Konvenzjoni ta’ Istanbul), kif mitlub ripetutament mill-Parlament;

28.    Jappoġġa bil-qawwa l-inizjattiva għal reġistru ta’ trasparenza mandatorju, iżda jesprimi tħassib kbir li dan ikun ibbażat fuq ftehim interistituzzjonali u bħala tali r-reġistru mhuwiex vinkolanti għal-lobbyists, u għaldaqstant mhuwiex mandatorju; itenni, għalhekk, it-talba tal-Parlament għal proposta leġiżlattiva; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ aktar l-azzjoni tagħha fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u tiffoka, b’mod aktar speċifiku, fuq it-trattament tal-użu ħażin tal-fondi tal-UE u l-frodi fiskali fl-Unjoni;

29.    Ifaħħar l-inizjattiva ta’ trasparenza tal-Kummissjoni li tinkludi l-pubblikazzjoni ta’ kuntatti bejn il-Kummissarji, il-kabinetti, id-diretturi-ġenerali u l-lobbyists; jinsab imħasseb dwar in-numru kbir ta’ eżenzjonijiet mill-pubblikazzjoni; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tibda tippubblika dawn il-laqgħat f’sit ċentralizzat pjuttost milli fuq 89 website individwali;

30.    Iqis li reviżjoni tar-regolamenti tal-ECI hija urġenti sabiex jitħaffew ir-rekwiżiti amministrattivi u tekniċi, biex jitfasslu mill-ġdid is-sistemi ta’ ġbir ta’ firem onlajn sabiex ikunu aktar faċli jintużaw u aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità, biex jiġi armonizzat il-mekkaniżmu għall-verifika tal-appoġġi f’kull Stat Membru, biex tingħata protezzjoni legali aħjar lill-kumitati taċ-ċittadini, biex jiġi kkunsidrat il-finanzjament tal-ECIs permezz tal-baġit tal-UE, sabiex ikun hemm segwitu xieraq għal ECI b’suċċess u biex ir-residenti Ewropej mhux nazzjonali jitħallew jiffirmaw fil-pajjiż ospitanti, peress li l-proċessi amministrattivi tant qed isiru kumplikati u arkani, li qegħdin biss iżidu l-ostilità lejn il-proġett Ewropew;

31.    Jilqa’ l-appoġġ tal-Kummissjoni għall-inizjattiva mill-Ministri tal-Edukazzjoni tal-Istati Membri (fis-17 ta’ Marzu 2015, f'Pariġi) dwar il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki dwar l-edukazzjoni, iċ-ċittadinanza u l-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssegwi u tieħu l-passi neċessarji biex timplimenta din id-dikjarazzjoni billi timmonitorja l-azzjonijiet meħuda fil-livell tal-Istati Membri, u billi tagħti attenzjoni speċjali lill-proġetti tal-Iskola Ewropea ta’ Erasmus+, li s’issa kienu traskurati fi ħdan il-qafas il-ġdid;

32.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja aħjar u b'aktar mezzi l-programm “L-Ewropa għaċ-ċittadini”, peress li dan huwa l-uniku programm li żamm kuntatt dirett mal-NGOs u maċ-ċittadini involuti fil-kwistjonijiet u suġġetti tas-soċjetà tal-UE;

Mezzi mtejba għall-azzjoni tal-UE

33.    Jitlob reviżjoni postelettorali sħiħa tal-QFP, u mhux biss reviżjoni teknika, bħala mezz biex jiġi mobilizzat il-baġit tal-UE u b’hekk jingħata kontribut għall-irkupru tal-ekonomija Ewropea, u jiġi żgurat is-suċċess tal-istrateġija UE 2020, jiġu appoġġati l-impenji internazzjonali tal-UE għal wara l-2015 u, b’mod strutturali, tiġi indirizzata l-problema tal-pagament li dejjem qed tikber;

34.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tadotta l-programmi operazzjonali kollha għall-perjodu ta’ finanzjament 2014-2020 u, fil-każ ta’ adozzjonijiet pendenti, iħeġġiġha biex timmobilizza r-riżorsi kollha tagħha biex tgħin lill-Istati Membri kkonċernati;

L-irtirar, ir-REFIT u “l-aġenda għal regolamentazzjoni aħjar”

35.    Jesprimi tħassib serju fir-rigward tal-programm dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni (REFIT) b’mod ġenerali, li l-ħidma ta’ simplifikazzjoni regolatorja tintuża bħala pretest biex jitbaxxa l-livell ta’ ambizzjoni dwar kwistjonijiet ta’ importanza ewlenija għas-sigurtà u l-benessri tal-impjegati, tal-konsumaturi, jew dwar il-protezzjoni tal-ambjent; jemmen li s-simplifikazzjoni tirrigwarda l-kwalità u topponi kwalunkwe tip ta’ mira kwantitattiva f’din il-kwistjoni;

36.    Iqis li l-valutazzjonijiet tal-impatt m’għandhom qatt jieħdu post id-deċiżjonijiet politiċi jew jikkawżaw dewmien fil-proċess leġiżlattiv u m’għandhomx jiffokaw biss fuq l-ispejjeż u l-kompetittività tal-prezzijiet u t-telliefa potenzjali fis-suq, iżda wkoll fuq il-benefiċċji pubbliċi, l-innovazzjoni, ir-rebbieħa potenzjali fis-suq u d-drittijiet fundamentali;

37.    Jopponi bil-qawwa l-idea ta’ trattament prijoritarju fil-proċess leġiżlattiv għas-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piż regolatorju, minħabba li l-liġijiet li għandhom l-għan li jżidu l-livell ta’ drittijiet politiċi u soċjali taċ-ċittadini u jtejbu s-saħħa u l-ambjent għandhom jitqiesu bħala prijoritajiet;

38.    Jinnota li d-Direttiva dwar l-Għasafar u d-Direttiva dwar il-Ħabitats huma inklużi fil-kontroll tal-idoneità li għandu jintemm fl-2016; Jenfasizza, b’mod ġenerali, li dan il-proċess ma jistax jitqies bħala pretest biex jitbaxxa l-livell ta’ ambizzjoni dwar kwistjonijiet ta’ importanza vitali għall-ħarsien tal-ambjent u, jissottolinja b’mod partikolari li dawn id-direttivi huma l-bażi tal-isforzi tal-Ewropa biex twaqqaf it-telf tal-bijodiversità u tirrestawra l-ekosistemi degradati, u li l-qafas regolatorju tagħhom huwa kemm flessibbli kif ukoll modern u huwa qafas li fih in-negozji jkunu jistgħu jadattaw u jaħdmu b’suċċess; ma jaqbilx, għaldaqstant, li d-direttivi jiġu sottoposti għal reviżjoni;

39.    Jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tinsab lesta li tikkunsidra l-impatt tal-pakkett dwar il-klima u l-enerġija tal-2030 f’dak li għandu x’jaqsam mad-Direttiva dwar il-Livelli Nazzjonali Massimi tal-Emissjonijiet (NEC); iqis, madankollu, li proposta modifikata mhijiex meħtieġa, għalkemm il-kwistjoni tal-allinjament tal-politiki dwar il-klima u l-enerġija għandha tiġi indirizzata fil-kuntest tan-negozjati interistituzzjonali futuri; ifakkar li r-rieżami tad-Direttiva dwar il-Livelli Nazzjonali Massimi tal-Emissjonijiet kellu jsir aktar minn 10 snin ilu u li kwalunkwe dewmien ieħor iservi biss biex idgħajjef il-livell ta’ ħarsien taċ-ċittadini u tal-ambjent;

40.    Jitlob biex l-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Fjuwl u t-tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi tax-xogħol ħafif tiġi konkluża mill-aktar fis possibbli, bil-għan li l-Kummissjoni tkun tista’ tagħmel proposti biex jiġu emendati fl-2015; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintegra aħjar il-miri tal-UE dwar il-ħarsien tal-klima u l-konsum tal-enerġija fil-politika tagħha dwar it-trasport, partikolarment fis-settur tat-toroq, tal-inġenji tal-ajru u tal-baħar;

41.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħti spinta lill-ħidma tagħha dwar leġiżlazzjoni u infurzar aħjar fuq id-drittijiet tal-passiġġieri, abbażi ta' kompetizzjoni ġusta bejn il-mezzi ta’ trasport, u jħeġġiġha wkoll tinkludi qafas koerenti ta’ kriterji biex tistabbilixxi prezzijiet tajbin u tinternalizza l-ispejjeż esterni fil-proposti tagħha dwar il-pakkett tat-triq kif ukoll tintensifika l-miżuri tagħha fit-tnaqqis tal-imwiet u tal-korrimenti gravi f’konformità mal-miri tal-UE għas-sikurezza fit-toroq; jitlob lill-Kummissjoni biex, meta tħejji r-rieżami tagħha tal-White Paper dwar it-Trasport, tevalwa l-ħidma tagħha fuq l-objettivi u l-40 inizjattiva tal-White Paper tal-2011;

42.    Jikkritika bil-qawwa t-tħabbira tal-Kummissjoni li tirtira l-proposta tagħha għar-reviżjoni tad-Direttiva 92/85/KEE dwar il-ħaddiema nisa tqal u l-leave tal-maternità, u l-intenzjoni tagħha li ċċedi għad-domandi tal-impriżi; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi riveduta d-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE bil-għan li jinkisbu standards minimi fl-UE kollha għad-drittijiet tal-leave tal-maternità u tal-paternità u, għaldaqstant, bil-għan li jitjiebu s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema nisa tqal jew ħaddiema li welldu reċentement jew li qed ireddgħu, biex b’hekk jingħelbu l-isfidi demografiċi filwaqt li jitnaqqsu l-inugwaljanzi bejn l-irġiel u n-nisa; jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (Kawża C-409/13) tal-14 ta' April 2015 dwar id-dritt tal-Kummissjoni li tirtira proposta, li terġa' tafferma l-kundizzjonijiet speċifiċi li l-Kummissjoni jeħtiġilha tissodisfa, inter alia dik li taqdi l-obbligu tagħha li tiddikjara r-raġunijiet għall-irtirar lill-Parlament u lill-Kunsill u li tirrispeta l-prinċipji tal-għoti tal-kompetenzi, tal-bilanċ istituzzjonali u tal-kooperazzjoni leali, kif stabbiliti fit-TUE; jipprevedi, fuq din il-bażi, azzjoni min-naħa tal-Parlament kontra l-Kunsill u l-Kummissjoni skont l-Artikolu 263 tat-TFUE;

43.    Jappoġġa bil-qawwa lill-Kummissjoni fl-objettiv tagħha li tirrevedi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 dwar l-esportazzjoni ta’ teknoloġiji b’użu doppju; jilqa’ l-ħidma li għaddejja tal-Kummissjoni u l-intenzjoni tagħha li tippreżenta proposta leġiżlattiva ġdida fl-ewwel nofs tal-2016; ifakkar fil-ħtieġa urġenti li tiġi rregolata l-esportazzjoni kummerċjali tat-teknoloġiji b’użu doppju u li tiġi indirizzata l-esportazzjoni potenzjalment dannuża ta’ prodotti u servizzi tal-ICT lejn pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi salvagwardji effikaċi sabiex tipprevjeni dawn il-kontrolli tal-esportazzjoni milli jagħmlu ħsara fuq ir-riċerka, inkluża riċerka xjentifika u tas-sigurtà tal-IT mingħajr intenzjoni kriminali;

44.    Iqis li d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol laħqet il-limiti tagħha u jeħtieġ li tiġi aġġornata, kif ikkonferma dan l-aħħar il-Kumitat FEMM fir-rapport Záborská; jistieden lill-Kummissjoni tħejji l-proposta leġiżlattiva li tissostitwixxi l-leġiżlazzjoni eżistenti, li mhijiex effikaċi u ma tistax tiġi infurzata peress li, minkejja l-għadd kbir ta’ kampanji, objettivi u miżuri fis-snin reċenti, id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa għadha kbira ħafna;

45.    Jitlob li l-proposta dwar is-sigrieti kummerċjali, li attwalment qed tiġi nnegozjata fil-Kumitat JURI, tiġi rtirata minħabba l-fatt li l-impatt tagħha fuq id-drittijiet fundamentali u l-impatt potenzjalment antikompetittiv, speċjalment fil-konfront tal-SMEs, għadu ma ġiex analizzat; jenfasizza, barra minn hekk, li l-proposta attwali toħloq inċertezza legali fir-rigward tad-dritt għall-aċċess għall-informazzjoni u l-mobilità tal-ħaddiema, u li l-lakuni u n-nuqqas ta’ ċarezza li jikkaratterizzawha jistgħu jintużaw ħażin biex l-informazzjoni kummerċjali tiġi protetta żżejjed kontra l-interess ġenerali;

46.    Iqis li rieżami komprensiv tal-istrateġija għall-politika kummerċjali tal-UE għandu jikkunsidra l-kontribuzzjoni netta reali għall-impjiegi u t-tkabbir, u għandu jtejjeb il-koerenza tiegħu mal-għanijiet tal-UE fir-rigward tal-iżvilupp, il-miri fil-qasam tal-klima, il-prijoritajiet ambjentali u l-istandards tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ, barra minn hekk, lill-Kummissjoni biex tibdel l-prattiki tagħha fir-rigward tal-iżvelar demokratiku sħiħ tad-dokumentazzjoni li tappoġġa l-proċess ta' negozjar;

47.    Jilqa’ l-approċċ ibbażat fuq l-inċentivi fil-konfront tal-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), li huwa msejjes fuq il-merti u d-differenzazzjoni, u jistieden lill-Kummissjoni biex, f’dan ir-rigward, tistabbilixxi l-mekkaniżmi għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ‘aktar għal aktar’, li jimplika wkoll ‘anqas għal anqas’ fil-konfront ta’ dawk il-pajjiżi li ma juru ebda rieda li jinvolvu ruħhom b’mod kostruttiv mal-UE, biex b’hekk tiddefinixxi b’mod ċar il-punti ta’ riferiment, l-indikaturi u l-kriterji rilevanti;

48.    Jiddispjaċih li l-President tal-Kummissjoni, Jean-Claude Juncker, ippromwova l-idea li tul dawn il-ħames snin li ġejjin mhux se jseħħ tkabbir ulterjuri; jemmen li tali dikjarazzjoni tista’ timmina l-kredibbiltà tal-UE fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent, toħloq preċedent perikoluż u, mil-lat strateġiku, iddgħajjef il-perċezzjoni tal-Unjoni f’dinja dejjem aktar instabbli fil-Viċinat tal-Lvant; ifakkar fid-deċiżjoni meħuda min-naħa tal-kapijiet tal-istati u tal-gvernijiet tal-UE fil-Kunsill Ewropew fl-2003 (Salonka) li tiddikjara li l-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent għandhom prospett kontinwu li jsiru Stati Membri tal-UE; ifakkar li huwa biss prospett bħal dan li jista’ jagħti motivazzjoni lill-pajjiżi kkonċernati, li huma mdawra ġeografikament mill-Istati Membri tal-UE, biex iwettqu r-riformi meħtieġa u jilħqu l-konformità mal-acquis tal-UE;

49.    Jistieden lill-Kummissjoni żżid l-assistenza, il-koordinazzjoni, il-monitoraġġ u l-iskambju tal-esperjenzi u l-prattiki tajba bejn il-Ġeorġja, il-Moldova u l-Ukraina bil-ħsieb li titħaffef l-implimentazzjoni effikaċi tal-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni u tissaħħaħ l-integrazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi fil-politiki tal-UE;

50.    Jitlob li l-Kummissjoni tipprevjeni l-użu tal-fondi baġitarji tal-UE għad-difiża jew ir-riċerka b’użu doppju, kif attwalment qed jiġi ppjanat fil-kuntest tal-proġett pilota dwar riċerka relatata mal-PSDK; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiddefendi n-natura purament ċivili tal-fondi rilevanti tal-UE, bħal Orizzont 2020 u l-fondi soċjali, reġjonali u strutturali; ifakkar fil-ħtieġa li jitnaqqsu b’mod sinifikanti l-kapaċitajiet żejda, il-ġestjoni ħażina, il-korruzzjoni, il-frammentazzjoni u l-livelli baxxi ta’ trasparenza fis-setturi Ewropej tad-difiża; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tagħmel pressjoni fuq l-Istati Membri bil-ħsieb li d-Direttiva 2009/81/KE dwar l-akkwist pubbliku tiġi implimentata tajjeb, u jitlob għal aktar miżuri fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ regoli stretti fis-suq intern;

Inizjattivi neqsin

51.    Jieħu nota tal-fatt li m’hemm l-ebda komunikazzjoni definita b’mod ċar dwar il-Programm ta’ Ħidma għall-2016; jesprimi, madankollu, tħassib serju għall-fatt li, fis-sitwazzjoni attwali, xi oqsma ewlenin u inizjattivi importanti jitħallew barra; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni biex tqis mill-ġdid u tinkludi l-proposti li ġejjin:

–    ‘dritt għal veto soċjali’, jew kwalunkwe mekkaniżmu li jista' jwaqqaf leġiżlazzjoni tal-UE li tkun ta' ħsara għall-ifqar persuni, li żżid l-inugwaljanza jew li tnaqqas id-drittijiet soċjali, milli tidħol fis-seħħ;

–    reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol, sabiex titneħħa l-klawżola ta' esklużjoni fakultattiva rigward ‘il-ġimgħa tax-xogħol medja ta' 48 siegħa’;

–    proposta għal direttiva dwar l-aċċess għall-informazzjoni pubblika fl-Istati Membri;

–    proposta għal regolament dwar is-sigurtà ta’ prodotti u servizzi tat-teknoloġija tal-informatika fis-suq tal-UE;

–    aġġustament tar-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku sabiex il-kodiċi sors ta’ kull prodott jew servizz tat-teknoloġija tal-informazzjoni jkun disponibbli għall-awtoritajiet rispettivi;

–    proposta biex tiġi kkompletata l-unjoni bankarja, li tinkludi pjan direzzjonali lejn qafas komuni ta’ garanzija tad-depożiti;

–    proposta leġiżlattiva intiża biex tintegra l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-ispejjeż kapitali għal kull unità fi proċedura mtejba u riveduta għall-iżbilanċi makroekonomiċi li hi aktar simmetrika u effikaċi;

–    reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Awditjar biex il-kumpaniji tal-awditjar ma jitħallewx jagħtu pariri dwar it-taxxa;

–    reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Kontabilità biex l-obbligi fiskali fuq il-kumpaniji pajjiż pajjiż jiġu estiżi għas-setturi kollha, u barra minn hekk biex il-kumpaniji jiġu obbligati jippubblikaw id-deċiżjonijiet dwar it-taxxa mogħtija lilhom minn Stati Membri u pajjiżi terzi;

–    proposta leġiżlattiva ġdida għal aċċess għal kwistjonijiet ambjentali u ta' ġustizzja, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Aarhus fl-Unjoni;

–    proposta leġiżlattiva dwar l-ispezzjonijiet ambjentali bħala għodda ewlenija biex jingħata kontribut għall-implimentazzjoni sħiħa ta' leġiżlazzjoni dwar l-ambjent fl-Unjoni;

–    qafas ġuridiku armonizzat u vinkolanti fir-rigward tal-esplorazzjoni u l-isfruttament tal-karburanti mhux konvenzjonali permezz tal-fratturazzjoni idrawlika bħala segwitu għall-evalwazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni rispettivi;

–    il-komunikazzjoni bit-titolu 'Nibnu Sistema Alimentari Ewropea Sostenibbli', kif miftiehem mill-Kummissarji tad-DĠ AGRI, ENVI u SANCO f'April 2014;

–    kriterji orizzonatli bbażati fuq ix-xjenza għall-interferenti endokrinali, biex b’hekk jiġu ssodisfati, mingħajr aktar dewmien, l-obbligi legali tal-Kummissjoni li jmisshom diġà ġew issodisfati;

–    liġi qafas ġdida għall-benesseri tal-annimali, li tistabbilixxi standards minimi tal-UE għall-benesseri għall-kategoriji kollha ta' annimali;

–    pjan direzzjonali tal-UE għaċ-ċikliżmu, flimkien ma’ miżuri ta’ akkumpanjament u promozzjoni;

–    proposta leġiżlattiva għal tipi differenti ta' leave (tal-paternità, għall-adozzjoni, għall-kura u għall-persuni dipendenti) għall-fini ta' rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali, tal-familja u privata, li fl-istess ħin jista' jiżblokka l-impass rigward il-proposta dwar il-leave tal-maternità fil-Kunsill;

–    reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar paga indaqs għall-irġiel u għan-nisa, peress li dik attwali mhijiex effikaċi u ma tistax tiġi infurzata u li, minkejja bosta kampanji, miri u miżuri fis-snin reċenti, id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa għadha wiesgħa wisq;

–    reazzjoni Ewropea komprensiva għall-problema tad-drittijiet fundamentali tal-persuni LGBTI, fis-sura ta' strateġija/pjan direzzjonali tal-UE kontra l-omofobija u d-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' orjentazzjoni sesswali u identità tal-ġeneru, kif mitlub ripetutament mill-Parlament u l-Istati Membri;

–    proposta leġiżlattiva li tintroduċi regoli vinkolanti dwar imġiba kummerċjali responsabbli għall-kumpaniji tal-UE li joperaw f’pajjiżi terzi, bil-għan li jkun hemm trasparenza sħiħa tal-ktajjen tal-provvista, regoli li jiffokaw b’attenzjoni partikolari fuq is-settur tat-tessuti;

–    azzjoni ta’ segwitu biex jiġi żgurat li l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Infurzar tal-Liġi, Tmexxija u Kummerċ fis-Settur Forestali (FLEGT) jibqa’ rilevanti, u li jittratta l-kwistjoni tal-fatturi mexxejja l-ġodda li qed jirriżultaw fil-qtugħ illegali tas-siġar, li huma marbuta mal-konverżjoni tal-foresti f’żoni ta’ tħawwil agrikolu, inkluża proposta għal Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-deforestazzjoni;

–    il-konverżjoni tal-Kodiċi ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba attwali f’regolament vinkolanti bil-għan li jissaħħaħ id-dritt fundamentali tal-UE għal amministrazzjoni tajba fis-servizz pubbliku pprovdut fi ħdan l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tagħha;

–    inizjattiva biex jiġu stabbiliti l-parametri tal-ftuħ għall-Kapitoli 23 u 24 bil-ħsieb li jitħejja l-ftuħ ta’ dawn il-kapitoli fil-kuntest tan-negozjati ta’ adeżjoni mat-Turkija;

–    proposta għal pożizzjoni komuni fir-rigward tar-ratifika rapida, min-naħa tal-Istati Membri kollha, tal-emendi ta’ Kampala għall-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali li jiddefinixxu r-reat ta’ aggressjoni;

–    proposta leġiżlattiva għall-protezzjoni tal-informaturi fl-Ewropa kollha li jkunu żvelaw irregolaritajiet li għandhom impatt fuq il-leġiżlazzjoni Ewropea u/jew iċ-ċittadini Ewropej;

Kelma dwar il-metodu ta’ ħidma

52.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tindika b’mod ċar l-intenzjoni tagħha li tirrispetta r-rwol ugwali taż-żewġ istituzzjonijiet koleġiżlattivi, speċjalment fid-dawl tal-fatt li l-Parlament qed jikkontribwixxi biex itaffi l-piż amministrattiv, bħal fil-każ tal-materjal riproduttiv tal-pjanti (COM/2013/0262 – 2013/0137 (COD) ; u jagħti parir lill-Kummissjoni biex ma tużax l-impass possibbli tal-Kunsill biex tinjora l-pożizzjoni tal-Parlament;

53.    Jenfasizza l-oppożizzjoni tiegħu għal kwalunkwe ftehim interistituzzjonali ġdid li jikkomprometti r-rwol tal-Parlament skont it-Trattat, li jimponi l-aġenda tal-Kummissjoni fuq il-Parlament u l-Kunsill, jissottometti lil-leġiżlaturi għal valutazzjoni “esperta” fl-istadji kollha u jnaqqas l-importanza ta’ deċiżjonijiet politiċi meħuda b'mod demokratiku filwaqt li jagħti importanza lil prijoritajiet oħra, bħas-simplifikazzjoni amministrattiva jew it-tnaqqis tal-piż regolatorju;

54.    Iqis li l-linji gwida politiċi tal-Kummissjoni ma jistgħux ikunu l-unika bażi għall-istabbiliment tal-prijoritajiet pluriennali, b’tali mod li l-leġiżlaturi ma jkollhomx jimxu skont aġenda ddettata esklużivament mill-Kulleġġ;

55.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintensifika l-isforzi tagħha fil-monitoraġġ tat-traspożizzjoni u r-rispett tad-dritt tal-UE min-naħa tal-Istati Membri, speċjalment fil-kuntest ta’ aġenda leġiżlattiva iqsar; jitlob li jkun hemm inklużjoni aħjar u aktar sistematika tal-parlamenti nazzjonali;

56.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.