Dokument ta' sessjoni
1.7.2015 B8‑0660/2015
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura u l-ftehim qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea
dwar il-prijoritajiet tal-Parlament Ewropew għall-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2016
( 2015/2729(RSP) )
Nigel Farage, David Borrelli, Rolandas Paksas
f'isem il-Grupp EFDD
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-prijoritajiet tal-Parlament Ewropew għall-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2016
( 2015/2729(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2016,
– wara li kkunsidra l-ftehim qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Anness IV tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-UE qed tħabbat wiċċha mal-agħar kriżi ekonomika, soċjali u politika mindu ġiet imwaqqfa;
B. billi l-kriżijiet ekonomiċi u tad-dejn enfasizzaw aktar il-ħtieġa għal approċċ ġdid, li fih l-Istati Membri jkunu jistgħu jimplimentaw il-politiki fiskali u ekonomiċi tagħhom;
C. billi huwa assolutament meħtieġ li tinħoloq strateġija ta' ħruġ miż-żona tal-euro li tagħti ċ-ċans lill-Istati Membri jiddeċiedu;
D. billi l-kriżi globali wasslet għal staġnar u reċessjoni, bir-riżultat ta' livelli għoljin ta’ dejn pubbliku u qgħad, tkabbir bil-mod u nuqqas serju ta’ kompetittività fis-suq globali;
E. billi tlifna l-kontroll tal-baġit tal-UE, u billi għadu essenzjali li niffrankaw kull fejn hu possibbli;
F. billi l-instabbiltà reġjonali fiż-żoni ġirien ta' kunflitti qed ikollha impatt fuq l-influss qawwi ta' migranti u l-flussi ta' persuni spostati u, għalhekk, fuq l-għadd ta' individwi li qegħdin jippruvaw jaslu fl-UE;
G. billi f'perjodu ta' limitazzjonijiet ekonomiċi, huwa speċjalment importanti li nnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi tal-UE;
H. billi jeħtieġ li jingħata iktar appoġġ lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, b’fokus speċifiku fuq it-tneħħija tal-burokrazija tal-piżijiet u l-ispejjeż amministrattivi tal-UE;
I. billi l-politiki tal-UE huma severament nieqsa mit-trasparenza, speċjalment fil-każ ta’ negozjati dwar is-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP), li wriet li ma tagħtix attenzjoni għall-inizjattivi taċ-ċittadini;
J. billi l-politiki ta' awsterità imposti mill-UE ma tawx il-frott u rriżulta li kienu dannużi;
K. billi xi tip ta' demokrazija diretta li fiha ċ-ċittadini jagħmlu deċiżjonijiet diretti tagħti aktar leġittimità lill-proċess ta' teħid tad-deċiżjonijiet u tista' tgħin biex tiżdied il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini;
L. billi kull trattat ġdid jew kwalunkwe tibdil għat-trattati eżistenti għandhom jiġu sottomessi għall-votazzjoni tal-poplu permezz ta' referenda nazzjonali ħielsa u ġusti fl-Istati Membri;
Prijoritajiet ewlenin
1. Jindika li huwa assolutament neċessarju li jinbidel kompletament l-approċċ attwali, u li l-Istati Membri jingħataw il-possibilità jimplimentaw il-politiki fiskali u ekonomiċi tagħhom mingħajr restrizzjonijiet; iħeġġeġ li l-governanza ekonomika timxi minn politiki ta’ awsterità imposti mill-UE lejn aktar libertà ta’ azzjoni għall-Istati Membri; jemmen li l-indikaturi ekonomiċi u tal-istatistika relatati kollha juru xejra perikoluża u mifruxa ta' reċessjoni fl-Unjoni Ewropea, minħabba r-restrizzjonijiet ekonomiċi imposti fil-livell tal-UE;
2. Jinnota li l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistipula li Stat Membru jista' jħalli l-Unjoni, iżda ma fihx dispożizzjonijiet rigward il-possibilità li Stat Membru jabbanduna l-munita unika; jenfasizza, għalhekk, l-importanza li l-Istati Membri jingħataw din l-għażla;
3. Jinsisti li huwa fundamentali li l-flus tal-kontribwenti tat-taxxa jintużaw aħjar; jenfasizza l-importanza li jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi tal-UE, speċjalment f'perjodu ta' limitazzjonijiet ekonomiċi; jindika li mhux aċċettabbli li jkollna baġit tal-UE bla kontroll, u jinsisti li jeħtieġ li jsir iffrankar kull fejn ikun possibbli, u li dan għandu jibda mill-ispejjeż eċċessivi tal-burokrazija tal-UE;
4. Jitlob kontroll u awditjar ħafna akbar tal-baġit tal-UE; jesiġiġ li l-Kummissjoni tikseb, bħala rekwiżit mandatorju, dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni pożittiva mill-Qorti tal-Awdituri fi żmien sentejn; jenfasizza l-importanza ta’ trasparenza akbar fl-infiq tal-UE u jitlob li tiġi ppubblikata kull informazzjoni dwar l-infiq mill-fondi Ewropej;
5. Jiddispjaċih għall-imwiet traġiċi u ripetuti fil-Mediterran; jikkundanna l-politiki intervenzjonistiċi bl-addoċċ li kkontribwew għall-instabilità soċjopolitika f’dawn il-pajjiżi ta’ oriġini u intensifikaw it-tranżitu tal-immigranti billi saħħew il-kunflitti u t-taqlib; jenfasizza l-ħtieġa urġenti għal analiżi fil-fond ta’ kif jintefqu l-fondi tal-UE, li għandha tiddenunzja kwalunkwe abbuż marbut mal-ġestjoni tagħhom; din l-analiżi għandha tkopri l-finanzjament kollu użat biex jiġu ffinanzjati azzjonijiet fil-qasam tal-migrazzjoni u l-ażil, il-kontroll tal-fruntieri, il-ġlieda kontra l-kuntrabandu u t-traffikar illegali, u r-ritorn, kif ukoll il-fondi relatati mal-politika barranija u ta’ żvilupp tal-UE;
6. Jinsab ferm imħasseb dwar ir-rata allarmanti tal-qgħad; jikkundanna kull leġiżlazzjoni tal-UE li timponi piżijiet amministrattivi fuq l-SMEs — li huma sors ewlieni ta’ impjiegi u ta’ tkabbir — u li tagħmilhom soġġetti għal aktar ostakoli burokratiċi; jenfasizza li għandu jingħata aktar appoġġ lill-SMEs, bl-enfasi prinċipali tkun fuq it-tnaqqis tal-burokrazija u l-ispejjeż tal-UE;
7. Jitlob trasparenza akbar fin-negozjati internazzjonali u kummerċjali kollha;
8. Jitlob li n-negozjati dwar it-TTIP ikunu sospiżi; jiddispjaċih ħafna li l-Kummissjoni biss għandha d-dritt li tinnegozja ftehimiet ta’ kummerċ, u mhux il-gvernijiet nazzjonali eletti u responsabbli; jiddispjaċih għar-rifjut tal-Kummissjoni li tirreġistra l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej “Stop TTIP”; jopponi l-inklużjoni ta’ soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat (ISDS) fit-TTIP; jopponi kwalunkwe inklużjoni tas-servizzi pubbliċi fit-TTIP; jitlob żvelar sħiħ dwar it-TTIP u li aġġornamenti regolari dwar l-aħħar żviluppi jsiru pubbliċi u jiġu ppreżentati b’mod newtrali;
9. Jikkundanna n-natura anti-demokratika tal-liġijiet tal-UE; iqis li huwa deplorevoli li ċ-ċittadini ma jkunux jistgħu jivvutaw demokratikament, la direttament u lanqas permezz ta’ elezzjonijiet għal Parlament fi kwalunkwe livell, biex tinbeda leġiżlazzjoni ġdida, iniedu tibdil għal dawk eżistenti jew jagħtu bidu għar-revoka tagħhom; jemmen li xi tip ta’ demokrazija diretta żżid il-parteċipazzjoni u r-responsabbiltà; itenni l-fehma tiegħu li tali miżuri huma assolutament neċessarji f'soċjetà demokratika, u jippermettu li jiġu ppreservati l-ġustizzja, il-libertà u l-parteċipazzjoni;
10. Jenfasizza l-importanza li t-trattati ġodda jew kwalunkwe tibdil għat-trattati eżistenti jiġu sottomessi għall-votazzjoni tal-poplu permezz ta' referendums nazzjonali ħielsa u ġusti fl-Istati Membri;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.