Dokument ta' sessjoni

 

1.7.2015                                                                                                                  B8‑0662/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni

skont l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura u l-ftehim qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea

dwar il-prijoritajiet tal-Parlament Ewropew għall-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2016

( 2015/2729(RSP) )

Sophia in ‘t Veld

f'isem il-Grupp ALDE

 

B8‑0662/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-prijoritajiet tal-Parlament Ewropew għall-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2016

( 2015/2729(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni, b'mod partikolari l-Anness 4 tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-Ewropa jeħtieġ tirrispondi b'viżjoni ċara, direzzjoni, tmexxija, ambizzjoni u kuraġġ għall-isfidi li qed inħabbtu wiċċna magħhom, kemm internament kif ukoll esternament, biex turi li hija kapaċi tilħaq l-aspettattivi taċ-ċittadini tagħna, filwaqt li toffrilhom prospetti u toħloq il-fiduċja, billi tagħmel lill-UE unjoni politika verament demokratika, demokrazija parlamentari u arena fejn iċ-ċittadini jistgħu jixprunaw u jsawru l-kontinent tagħhom fl-interess tal-preservazzjoni u l-konsolidazzjoni tal-livell ta' għajxien tagħhom;

B.     billi r-rwol tal-Kummissjoni huwa li tippromwovi l-interessi ġenerali tal-Unjoni, li tieħu inizjattivi xierqa għal dan il-għan, li tiżgura l-applikazzjoni tat-Trattati, li tissorvelja l-implimentazzjoni u l-infurzar tad-dritt tal-Unjoni, li teżerċita funzjonijiet eżekuttivi, ta' koordinazzjoni u ta' ġestjoni, u li tipproponi l-leġiżlazzjoni;

C.     billi l-Ewropa teħtieġ Kummissjoni b'saħħitha bi Programm ta' Ħidma ffukat tajjeb u ambizzjuż li bih tkun tista' tindirizza l-ħtiġijiet reali li l-UE u ċ-ċittadini tagħha qed iħabbtu wiċċhom magħhom;

D.     billi l-UE esperjenzat kriżi ekonomika twila, b’livell ta’ tkabbir baxx u nuqqas ta' ħolqien ta' impjiegi u ta’ investiment, li mhux se tingħeleb mingħajr aktar approfondiment sinifikanti tal-integrazzjoni Ewropea kulfejn dan ikun iġġustifikat, b'mod partikolari fis-suq intern u fil-kuntest tal-unjoni ekonomika u monetarja, b'kontroll demokratiku u responsabbiltà msaħħa;

E.     billi s-sostenibbiltà u t-tkabbir ekonomiku huma kompatibbli u jistgħu jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku, u billi l-Kummissjoni hija mħeġġa tagħmel is-sostenibbiltà pedament tal-aġenda tagħha għall-impjiegi u t-tkabbir;

F.     billi t-telf tal-kompetittività Ewropea fl-ekonomija globali, ir-rata għolja tal-qgħad u b’mod partikolari r-rata għolja inaċċettabbli ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ, it-tibdil demografiku u partikolarment il-popolazzjoni li qiegħda dejjem tixjieħ, jippreżentaw sfidi mingħajr preċedent għall-UE;

G.     billi l-għażliet baġitarji magħmula fil-livell tal-UE għandhom jirriflettu l-prijoritajiet politiċi tal-UE, mhux biss f’termini ta’ ammonti, iżda wkoll fir-rigward tal-flessibilità u l-bilanċ, mhux l-inqas fir-rigward tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) u l-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2014-2020, li jipprevedi sett ta’ mekkaniżmi ta’ flessibbiltà, inkluż klawżola ta’ reviżjoni, sabiex il-baġit tal-UE jadatta għal ċirkostanzi mhux previsti;

L-EWWEL PARTI

1.      Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża d-dritt ta' inizjattiva tagħha kollu kemm hu sabiex tagħti lill-Unjoni tmexxija politika ċara, tinsisti li l-kapijiet tal-gvern jikkonformaw mad-deċiżjonijiet li ħadu fil-Kunsill Ewropew, u b'mod partikolari li twettaq it-tkomplija tas-suq uniku flimkien mal-pjan strateġiku għal unjoni fiskali, unjoni ekonomika, unjoni politika, u azzjoni esterna; jistieden lill-Kummissjoni ssegwi aġenda ta' riforma kuraġġuża tal-istruttura tal-unjoni monetarja, u tfakkar li l-Kummissjoni għandha d-dritt skont l-Artikolu 48 tat-TUE li tagħmel proposti għal modifiki tat-Trattati;

2.      Jilqa’ r-rapport tal-‘ħames presidenti” u l-proposti li saru bil-għan li tkompli tissaħħaħ iż-żona tal-euro, b’mod partikolari l-ħolqien ta’ teżor taż-żona tal-euro tat-Teżor, iżda jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ ambizzjoni tal-qafas ta’ żmien issuġġerit; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-kriżi Griega, biex tressaq proposta malajr kemm jista’ jkun;

3.      Jilqa' l-enfasi tal-Kummissjoni fuq "temi ewlenin" u t-tendenza tagħha lejn regolamentazzjoni aħjar, iżda jinsisti li l-identifikazzjoni ta' temi kbar għandha tkun suġġetta għal konsultazzjoni prevja mal-Parlament, li l-irtirar ta' fajls leġislattivi jissodisfa kriterji oġġettivi u jkun appoġġat minn valutazzjoni tal-impatt korrispondenti, u li l-irtirar ta’ proposti leġiżlattivi minħabba li l-Istati Membri jonqsu milli jassumu r-responsabilità u jilħqu kunsens m'għandhiex fir-realtà tagħti funzjoni ta' veto lill-wieħed mill-koleġiżlaturi billi jieqaf; ifakkar li regolamentazzjoni aħjar ma tfissirx irtirar goff iżda pjuttost aktar regolamentazzjoni fejn ikun meħtieġ u inqas fejn mhuwiex, u li leġiżlazzjoni aħjar għandha x’taqsam kemm mar-riżultati kif ukoll mal-proċess, li jeħtieġ li jkun kompletament demokratiku u trasparenti; jistieden lill-President u lill-Ewwel Viċi President jiżguraw li l-istruttura ta' raggruppament fi ħdan il-Kulleġġ tal-Kummissarji tkun effiċjenti;

4.      Jilqa’ l-ftuħ tan-negozjati għal ftehim interistituzzjonali ġdid dwar regolamentazzjoni aqwa; huwa tal-fehma li dan għandu jwassal għal titjib fil-kwalità tal-abbozzar leġiżlattiv tal-Kummissjoni, tisħiħ tal-valutazzjoni tal-impatt tagħha tal-abbozz ta’ liġijiet, u fejn ikun possibbli, l-użu ta’ regolamenti aktar milli direttivi u l-inklużjoni ta’ klawżoli ta’ estinzjoni (sunset clauses) biex ikun żgurat li l-liġijiet tal-UE jkunu rieżaminati perjodikament, u b’hekk tiġi evitata r-regolamentazzjoni żejda; jappella lill-Kummissjoni tistabbilixxi tabella ta’ valutazzjoni tal-UE f’dan ir-rigward, sabiex jiġu identifikati dispożizzjonijiet miżjuda fil-livell nazzjonali, u biex tippubblika r-regoli żejda;

5.      Jilqa’ l-prassi ġdida li l-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istati Membri, f’każijiet debitament ġustifikati, li jinkludu dokumenti ta’ spjegazzjoni meta jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom, f’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni; itenni, madankollu, it-talba tiegħu għal tabelli ta’ korrelazzjoni obbligatorji dwar it-traspożizzjoni ta’ direttivi;

6.      Jilqa’ l-Aġenda Ewropea tal-Kummissjoni dwar il-Migrazzjoni u l-proposti leġiżlattivi korrispondenti u l-proposti relatati għal aġġustamenti baġitarji fl-2015 u l-2016, biex jiġi żgurat li l-għanijiet stabbiliti fl-Aġenda dwar il-Migrazzjoni jiġu implimentati kif suppost, iżda jfakkar l-importanza li jingħata biżżejjed appoġġ baġitarju għar-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi ta’ oriġini u l-pajjiżi ta’ transitu;

7.      Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta li tindirizza n-nuqqasijiet u l-lakuni attwali fl-applikazzjoni tal-Artikolu 2 tat-TUE, u l-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, li fuqhom hija msejsa l-UE, inkluż strument vinkolanti b’sett ta' indikaturi oġġettivi u li jippermetti rispons awtomatiku u gradwali għal ksur tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri; ifakkar li, bħala konsegwenza ta' dan, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem se jkollu jiġi implimentat b'mod effettiv permezz tal-konformità mad-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat, b'mod partikolari dik li hi magħrufa bħala “l-klawżola demokratika”;

8.      Jistieden lill-Kummissjoni ssegwi approċċ aktar integrat bejn l-aġenziji u transsettorjali;

9.      Jitlob lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri biex ittejjeb l-iskambju ta’ informazzjoni u żżid il-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-Istati Membri u l-aġenziji tal-UE, u, b’mod partikolari, biex tippreżenta malajr proposta leġiżlattiva biex temenda r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) bil-ħsieb li jiġu armonizzati l-kriterji ta’ twissija u biex isir obbligatorju li jinħarġu allerti fir-rigward ta’ persuni misjuba ħatja jew issuspettati b’terroriżmu;

10.    Jistieden lill-Kummissjoni biex timmobilizza riżorsi tekniċi u finanzjarji sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni fil-livell tal-UE u skambji tal-aħjar prattiki fil-ġlieda kontra l-propaganda terroristika, in-netwerks radikali u r-reklutaġġ tat-terroristi bl-Internet; jitlob b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, li l-Europol jingħata l-mezzi kollha meħtieġ biex imexxi ċ-Ċentru Kontra t-Terroriżmu u l-Unità tal-Indikazzjoni ta' Kontenut fuq l-Internet;

11.    Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina u tipproponi mandat estiż għall-Prosekutur Pubbliku Ewropew li tkopri ċerti forom gravi ta’ kriminalità transfruntiera, bħat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata;

12.    Jitlob lill-Kummissjoni biex tenfasizza t-tkabbir u l-impjiegi bħala pedament tal-ekonomija tas-suq soċjali Ewropew u tal-Istrateġija tal-UE għall-iżvilupp sostenibbli, u jitlob ukoll għal enfasi akbar fuq il-finanzjament u l-faċilitazzjoni tal-mobilità taż-żgħażagħ, b’mod partikolari permezz ta’ apprendistati, b’mod li jitlaqqgħu kemm jista’ jkun il-ħiliet disponibbli mal-impjiegi offruti fis-suq uniku;

13.    Jitlob li tingħata spinta mġedda għal pjan direzzjonali għal trasparenza u aċċess għal dokumenti, li jiżgura unjoni politika, ibbażata fuq demokrazija parlamentari li titwettaq fi trasparenza u mar-responsabbiltà fl-UE u l-Istati Membri, u għall-ħatra ta' uffiċjal tat-trasparenza inkarigat biex jissorvelja din il-ħidma; ifakkar, f'dan il-kuntest, it-talbiet tal-Parlament li jintroduċi liġi amministrattiva għall-UE;

14.    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-leġiżlazzjoni futura kollha hija suġġetta għal verifika tad-drittijiet fundamentali, u biex twettaq verifika ex ante tal-leġiżlazzjoni eżistenti kollha, applikabbli b’mod partikolari għall-iskemi kollha tal-UE għall-ġbir, l-ipproċessar, it-trasferiment u l-ħażna tad-data fuq skala kbira; jinsisti, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni twettaq valutazzjoni legali sħiħa u dettaljata tal-impatt tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi Konġunti C-293/12 u C-594/12 li jinvalidaw id-Direttiva dwar iż-Żamma ta’ Data;

15.    Jemmen li hi ħasra li, minkejja li l-linji gwida politiċi tal-President Juncker politiki jipprevedu "proposta għal rappreżentanza esterna aktar effiċjenti tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tagħna" li għandha tittieħed "matul l-ewwel sena tal-mandat", il-Programm ta' Ħidma ma jagħtix dettalji dwar dan, u jitlob li din tiġi inkluża għall-2016; jistieden lill-Kummissjoni tuża d-dritt ta' inizjattiva tagħha skont l-Artikolu 138(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u tipproponi "miżuri xierqa ħalli tkun żgurata rappreżentanza unifikata taż-żona tal-euro mal-istituzzjonijiet u l-konferenzi finanzjarji internazzjonali";

16.    Jenfasizza li l-ħolqien ta' impjiegi u t-tkabbir jeħtieġ ukoll li jkun uffaċilitati permezz ta' aġenda għall-kummerċ ambizzjuża għall-ftuħ tas-swieq ta' pajjiżi terzi u d-diversifikazzjoni tal-esportazzjonijiet;

17.    Jenfasizza l-ħtieġa għal preżenza solida tal-UE fid-dinja permezz ta' politika barranija effiċjenti li jkollha l-ħila twieġeb għall-isfidi l-ġodda li qed inħabbtu wiċċna magħhom illum;

18.    Jistieden lill-Kummissjoni biex timmira lejn strateġija tal-politika barranija u tas-sigurtà ambizzjuża u koerenti, bid-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-qalba tagħha, biex jissaħħaħ ir-rwol tal-UE fid-dinja fir-rigward tal-iżvilupp, l-istabbiliment u l-konsolidazzjoni tal-paċi, l-għajnuna umanitarja u l-promozzjoni mad-dinja kollha tad-drittijiet tal-bniedem;

19.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni temenda l-leġiżlazzjoni fiskali, b'mod partikolari wara ir-rivelazzjonijiet "LUX leaks", u li jittieħdu passi ambizzjużi 'l quddiem bħall-introduzzjoni ta’ bażi fiskali korporattiva komuni u kkonsolidata, aktar milli sempliċiment tirrikjedi trasparenza fir-rigward tad-deċiżjonijiet tat-taxxa, u jistieden lill-President Juncker jippreżenta mingħajr dewmien proposti għat-twettiq għalkollox tas-Suq Uniku u tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja;

20.    Itenni t-tħassib serju tiegħu dwar id-dewmien akkumulat fil-ħlasijiet; jilqa’ l-adozzjoni ta’ dikjarazzjoni konġunta mill-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar pjan ta’ pagament għall-2015-2016 bil-għan li jitnaqqas dan dewmien fil-ħlasijiet għal livell sostenibbli ta’ madwar EUR 2 biljun fl-2016; ifakkar lill-Kummissjoni fl-impenn tagħha li tiskrutinizza mill-qrib l-implimentazzjoni tal-programmi tas-snin 2014-2020, li tistabbilixxi sistema ta’ twissija bikrija u li tipprovdi tbassir b’ċiklu kontinwu tal-pagamenti skont l-intestatura, inkluża l-evoluzzjoni ta’ kontijiet mhux imħallsa u impenji pendenti;

21.    Jilqa' l-Ftehim dwar il-FEIS, filwaqt li jfakkar li dan jiddependi fuq għadd ta' kundizzjonijiet ewlenin, b’mod partikolari li l-Istati Membri jimplimentaw riformi strutturali, fosthom fis-swieq tax-xogħol, is-sistemi tal-pensjonijiet u l-kura tas-saħħa, li l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir ma jiddgħajjifx, li jkun hemm qabża sinifikanti 'l quddiem fil-liberalizzazzjoni, il-ftuħ u l-unifikazzjoni tas-swieq tal-ġejjieni li għadhom taħt il-kontroll nazzjonali, bħas-swieq tal-enerġija, is-swieq tat-telekomunikazzjonijiet, is-suq diġitali u s-swieq kapitali, u li proġetti magħżula jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-prijoritajiet it-tajba; iħeġġeġ l-involviment kruċjali ta' sħab privati u investituri privati; jenfasizza l-potenzjal tal-ħolqien ta' impjiegi f'dawn is-setturi; jitlob, fl-istess ħin, li jkun hemm kontroll demokratiku sħiħ fil-livell tal-UE tal-FEIS; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe finanzjament ddevjat mill-Orizzont 2020 u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa jwassal għal ammont indaqs jew akbar ta’ investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni, l-infrastruttura diġitali, it-trasport u l-enerġija, rispettivament, u jistieden lill-Kummissjoni taħtaf l-opportunità li ngħatatilha permezz tal-eżerċizzju ta’ rieżami mandatorju tal-2016 biex tħejji kumpens għal dawn iż-żewġ programmi matul ir-rieżami tal-QFP;

22.    Jilqa’ l-adozzjoni tal-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali u jappella li l-implimentazzjoni tagħha tkun saħansitra aktar ambizzjuża; jinsab konvint li l-Ewropa tipprovdi valur miżjud ċar permezz tat-trawwim tal-intraprenditorija u l-ekonomija tal-għarfien u t-tneħħija ta’ ostakli żejda; ifakkar li kwalunkwe azzjoni leġiżlattiva f’dan is-settur jeħtieġ li tkun tħares ’il quddiem u msejsa fuq internet miftuħ; huwa tal-fehma li għandha wkoll tkun immirata lejn it-trawwim tal-innovazzjoni u l-ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda għaċ-ċittadini, in-negozji u l-konsumaturi tal-UE, u għaldaqstant lejn il-ħolqien tal-impjiegi; jenfasizza li l-progress f'dan il-qasam se jkollu impatt dirett fuq iċ-ċittadini;

23.    Jitlob li dawn ir-riformi jiġu kkomplementati permezz tal-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, infrastrutturi aqwa u proġetti b'valur miżjud Ewropew fis-setturi tat-trasport, l-enerġija u t-telekomunikazzjonijiet li huma essenzjali għall-funzjonament tas-suq uniku;

24.    Itenni li s-Seba’ Programm ta' Azzjoni Ambjentali huwa att legalment vinkolanti, li jobbliga lill-Kummissjoni tieħu azzjoni xierqa sabiex jinkisbu l-għanijiet prijoritarji miftiehma tiegħu, jiġifieri l-protezzjoni u t-tisħiħ tal-kapital naturali tal-Ewropa, li l-Unjoni ssir ekonomija effiċjenti fir-riżorsi, ekoloġika u kompetittiva, b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, u s-salvagwardja taċ-ċittadini minn pressjonijiet relatati mal-ambjent u riskji għas-saħħa u l-benesseri; jistenna li l-Kummissjoni biex tirrifletti dawn l-objettivi b’mod sħiħ fil-prijoritajiet tagħha u biex ma tipposponi l-ebda azzjoni meħtieġa biex dawn jintlaħqu;

25.    Jistieden lill-Kummissjoni tieħu nota debitament tal-pożizzjonijiet speċifiċi għas-setturi tal-Parlament kif stipulati fit-Tieni Parti ta’ din ir-riżoluzzjoni;

IT-TIENI PARTI

L-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment

26.    Jitlob li jkun hemm politika industrijali Ewropea li mhux biss tikkontribwixxi għat-tkabbir u l-impjiegi, iżda wkoll tkun prerekwiżit għall-aqwa riċerka, żvilupp u innovazzjoni Ewropej filwaqt li jippromwovu l-ICT bħala teknoloġija abilitanti, bil-għan li l-problemi ekonomiċi, soċjali u ambjentali jinbidlu f’vantaġġi kompetittivi;

27.    Jilqa’ l-introduzzjoni ta’ pakkett ta’ miżuri bil-għan li jinstabu impjiegi għaż-żgħażagħ u għall-persuni li ilhom qiegħda, iżda jenfasizza li biex ikun hemm tkabbir sostenibbli huma meħtieġa soluzzjonijiet u riformi strutturali; jilqa’ l-prefinanzjament disponibbli għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, jistenna r-rapport ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din l-inizjattiva, li għandha l-għan li żgħażagħ qiegħda jibdew jaħdmu, u jinkoraġġixxi enfasi fuq l-għeluq tad-distakk bejn il-ħiliet u l-impjiegi, anke permezz ta’ aktar mobilità; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-infiq tal-fondi tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ li jkun fadal u li tiżgura li l-Istati Membri jużaw il-Fond Soċjali Ewropew fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni ta’ EUR 350 biljun għall-perjodu 2014-2020, bil-għan li jitnaqqsu d-disparitajiet ekonomiċi, soċjali u territorjali fost ir-reġjuni Ewropej, tingħata spinta lill-kompetittività tagħhom u jiġu indirizzati t-tibdil fil-klima u d-dipendenza fuq l-enerġija;

28.    Jindika li li l-FSIE jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti biex tingħata spinta lit-tkabbir, l-impjiegi u l-investiment; jitlob, għalhekk, li jkun hemm il-koerenza u l-koordinazzjoni meħtieġa bejn l-FEIS (il-Pjan Juncker) u l-programmi oħra ffinanzjati mill-UE;

29.    Jenfasizza l-importanza li l-appoġġ li l-politika ta’ koeżjoni tagħti lill-SMEs bħala s-sinsla tat-tkabbir u l-impjiegi tal-UE, u jappella għall-istabbiliment ta’ sinerġiji bejn il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, il-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs (COSME) u l-programm Orizzont 2020;

30.    Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lill-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex isaħħu r-rwol tagħhom fl-iżvilupp ta’ miżuri komprensivi, li jqisu r-responsabbiltajiet tagħhom u l-ispeċifiċitajiet tal-pajjiżi, bil-għan li joħolqu tkabbir ekonomiku u impjiegi sostenibbli;

31.    Jilqa’ l-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni, u l-impenn tagħha, favur l-Aġenda Urbana, u jitlob li din tiġi implimentata aktar, għax id-dimensjoni urbana hija fil-qalba tal-politiki tal-UE fir-rigward tat-tkabbir, l-impjiegi u s-sostenibbiltà tal-UE;

32.    Jemmen li l-EUR 110 biljun allokati għall-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni għas-snin 2014-2020 għall-investiment fir-riċerka, l-innovazzjoni, l-ICT, il-kompetittività tal-SMEs u l-bidla lejn ekonomija b’użu baxx tal-karbonju huma essenzjali sabiex jiġu attirati l-investimenti li jgħinu lill-pajjiżi u r-reġjuni jiżblokkaw il-potenzjal ġdid għal tkabbir ġdid u jżidu l-produttività u l-kompetittività tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tiżgura l-implimentazzjoni konsistenti ta’ strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti;

33.    Jitlob għall-promozzjoni ta’ investiment ekoloġiku, inkluż permezz tal-pjan ta’ investiment strateġiku, u għal qafas tal-politika fit-tul u stabbli għall-promozzjoni ta’ ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, li jissaħħu l-objettivi tal-UE għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ CO2, li jiżdied is-sehem tal-għejun ta’ enerġija rinnovabbli u li titjieb l-effiċjenza tal-enerġija, li jinvolvi investiment fi grilja tal-elettriku pan-Ewropea u enfasi fuq il-bini b’mod aktar sħiħ dwar sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;

34.    Jesprimi d-diżappunt tiegħu għall-irtirar tal-pakkett tal-iskart mill-programm ta’ ħidma 2015, u jappella għall-adozzjoni b’ħeffa tal-elementi kollha tal-pakkett il-ġdid tal-ekonomija ċirkolari li għandu jiġi ppreżentat sat-tmiem l-2015; ifakkar li skont il-Kummissjoni, dan il-pakkett hu mistenni li jkun aktar ambizzjuż minn dak tal-proposta preċedenti, u għandu jinkludi miri fir-rigward tal-iskart kif ukoll miżuri tal-politika fir-rigward tal-prodotti;

35.    Jitlob li jkun hemm segwitu komprensiv għar-rieżami ta’ nofs it-term tal-Istrateġija tal-Bijodiversità tal-UE u r-rapport tal-Kummissjoni bit-titolu ‘L-Istat tan-Natura fl-Unjoni Ewropea”, sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet u tkun żgurata implimentazzjoni sħiħa tal-istrateġija; jenfasizza, f’dan il-kuntest, li l-kontroll tal-idoneità ppjanat għad-Direttivi dwar l-Għasafar u dwar il-Ħabitats, li huma l-pedament tal-politika tal-bijodiversità tal-Ewropa, jeħtieġ li jsir b’mod li jsaħħaħ il-protezzjoni tan-natura fl-Ewropa u li jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-miri tal-bijodiversità tal-UE;

36.    Jappella għal proposti biex jiġi żviluppat il-potenzjal tas-settur kulturali u kreattiv bħala sors ta’ impjiegi u tkabbir; jenfasizza, f’dan ir-rigward, l-importanza tal-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (DPI) u jħeġġeġ lill-Kummissjoni ssegwi l-pjan ta’ azzjoni tagħha għall-ġlieda kontra l-ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, inkluż rieżami tad-Direttiva dwar l-Infurzar tad-Drittijiet ta’ Proprjetà Intellettwali, li hija inadegwata għall-era diġitali u insuffiċjenti biex tiġġieled kontra l-ksur onlajn, u biex tkompli wkoll il-ħidma fuq il-Green Paper dwar il-ħlas lura (chargeback) u skemi relatati bħal d-dritt potenzjalment fl-UE kollha li jiġu rkuprati flus li jkunu ntużaw, intortament, għax-xiri ta’ oġġetti ffalsifikati; jistieden lill-Kummissjoni biex issaħħaħ aktar il-mandat tal-Osservatorju tal-UE dwar il-Ksur tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali, u jilqa’ l-ħolqien mill-Kummissjoni ta’ grupp ta’ esperti dwar l-infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali;

37.    Itenni li l-impjiegi u t-tkabbir għandhom jiġu stimulati wkoll permezz tal-kummerċ billi jitneħħewl-ostakli żejda, jinfetħu swieq barranin u jiġu diversifikati l-esportazzjonijiet tal-UE;

38.    Jistieden lill-Kummissjoni tressaq Green Paper dwar l-inugwaljanza u kif din qed ixekkel l-irkupru ekonomiku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tanalizza u tivvaluta din il-kwistjoni bħala l-ewwel pass biex tipproponi soluzzjonijiet politiċi, u biex tieħu azzjoni immedjata biex treġġa’ lura din it-tendenza;

39.    Jistieden lill-Kummissjoni tneħħi l-ostakli fis-suq uniku sabiex jitjieb l-finanzjament tal-kumpaniji, b’mod partikolari l-SMEs, u jinħoloq ambjent regolatorju mtejjeb li jiffavorixxi l-investiment; hu tal-fehma li għandha tingħata attenzjoni speċjali lit-titjib fl-ambjent għall-istart-ups (negozji ġodda), kemm f’termini regolatorji kif ukoll f’termini ta’ aċċess għall-kapital;

40.    Jitlob li jkun hemm adozzjoni rapida ta’ kriterji xjentifiċi għall-identifikazzjoni ta’ sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali, skont il-leġiżlazzjoni adottata tal-UE;

41.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq pjan ta’ azzjoni tal-UE – b’riżultati u skedi ta’ żmien ċari ­­– kontra l-kriminalità u t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi; jenfasizza li l-kriminalità relatata mal-organiżmi selvaġġi hija r-raba’ l-ikbar attività illegali fid-dinja, wara t-traffikar tad-droga, il-falsifikazzjoni u t-traffikar tal-bnedmin, u li l-UE hija destinazzjoni ta’ tranżitu ewlenija għall-prodotti tal-organiżmi selvaġġi illegali;

42.    Jappella għal proposti biex jiġi żviluppat il-potenzjal tas-settur kulturali u kreattiv; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa gwida tal-aħjar prattiki għall-implimentazzjoni ta’ proġetti tal-wirt kulturali fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni, permezz ta’ atti delegati;

43.    Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni sabiex tippromwovi l-edukazzjoni multikulturali, nondiskriminatorja u inklużiva u l-valuri taċ-ċittadinanza Ewropea fil-kurrikula tal-iskejjel u l-universitajiet, bħala mezz ta’ ħarsien kontra kwalunkwe żieda fil-popoliżmu, l-ewroxettiċiżmu u l-estremiżmu fost iż-żgħażagħ (bħalma ftehmu l-ministri tal-edukazzjoni Ewropej fid-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi), filwaqt li jfakkar li l-edukazzjoni u ċ-ċittadinanza jerġgħu jgħaqqdu lill-Ewropa maċ-ċittadini tagħha u japprofondixxu r-rwol tal-valuri komuni Ewropej;

Suq Uniku Diġitali Konness

44.    Iqis li l-prijorità ewlenija tal-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali għandha tkun li l-kumpaniji jkunu jistgħu jgawdu l-benefiċċji tad-daqs ta’ suq ta’ aktar minn 500 miljun ruħ minn dakinhar li jinħolqu, u jitlob lill-Kummissjoni tiftakar dan meta tipproponi inizjattivi ġodda;

45.    Jemmen li l-Kummissjoni għandha tmur saħansitra lil hinn mill-istrateġija tagħha tas-Suq Uniku Diġitali u tipproponi regolatur uniku Ewropew tat-telekomunikazzjonijiet fir-rieżami tagħha li jmiss tar-regoli tat-telekomunikazzjonijiet, flimkien mal-iżvilupp ta’ suq uniku tat-telekomunikazzjonijiet, li għandu jtemm it-tariffi għar-roaming, iħaddan in-newtralità tan-net fil-liġi u jieħdu passi sinifikanti lejn politika tal-ispettru aktar armonizzata;

46.    Jinsisti fuq l-importanza ta’ aċċess għan-netwerks u jenfasizza li, f’dan il-kuntest, il-kapaċità suffiċjenti, il-konnessjonijiet broadband u l-ispettru huma kwistjonijiet li jeħtieġ jiġu indirizzati malajr, mhux biss permezz ta’ investimenti fit-tul iżda wkoll permezz ta’ koordinazzjoni aħjar u valur miżjud tal-UE;

47.    Jemmen li kemm il-protezzjoni tal-konsumaturi kif ukoll il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali huma vitali sabiex l-Ewropej ikollhom fiduċja fis-Suq Uniku Diġitali bħala parti mid-diġitizzazzjoni tal-ħajja tagħhom ta' kuljum;

48.    Jemmen li l-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali jeħtieġ li tkun immirata lejn il-ħolqien ta' opportunitajiet għaċ-ċittadini, il-konsumaturi, in-negozji u l-awtoritajiet pubbliċi, kif ukoll lejn it-trawwim tal-innovazzjoni; jenfasizza, f’dan ir-rigward, li s-settur kulturali u kreattiv jammonta għal sa 4.5% tal-PDG tal-UE u sa 8.5 miljuni ta’ impjiegi, u għaldaqstant mhux biss hu essenzjali għad-diversità kulturali iżda wkoll jikkontribwixxi b’mod sinjifikanti għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku fl-UE kollha;

49.    Jitlob li jkun hemm aktar armonizzazzjoni tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur u ġestjoni mtejba tad-dritt tal-awtur sabiex ikun faċilitat l-aċċess transfruntiera għal kontenut kreattiv, biex b’hekk tinħoloq iċ-ċertezza legali filwaqt li jiġu mħarsa d-drittijiet tal-awturi u tal-artisti li jinterpretaw; jistieden lill-Kummissjoni tibbaża kwalunkwe inizjattiva leġiżlattiva biex timmodernizza d-drittijiet tal-awtur fuq evidenza indipendenti dwar l-impatt fuq it-tkabbir u l-impjiegi, b’mod partikolari fir-rigward tal-SMEs f’dan is-settur, l-aċċess għall-għarfien u l-kultura, u l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali;

50.    Jistieden lill-Kummissjoni biex mhux biss tiżviluppa l-opportunitajiet offruti minn Suq Uniku Diġitali ambizzjuż, iżda biex bl-istess mod tiżviluppa u ssaħħaħ il-valur pubbliku tal-internet miftuħ u biex taħtaf opportunitajiet ġodda ta’ aċċess għall-informazzjoni, l-edukazzjoni, ir-riċerka, il-kultura, l-espressjoni libera, l-innovazzjoni u benefiċċji soċjali oħra; jilqa’ t-tħabbir ta’ inizjattiva Ewropea ta’ ''fluss ħieles tad-data'', li jeħtiġilha tneħħi l-ostakli eżistenti għas-suq uniku għad-data;

51.    Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta għall-kumpaniji li joperaw fis-Suq Uniku Diġitali, sabiex dawn ikunu jistgħu jikkompetu; jenfasizza l-importanza li fid-dinja online, il-kumpaniji u l-konsumaturi jingħataw l-istess protezzjoni li jgawdu fis-swieq tradizzjonali tagħhom;

52.    Jenfasizza l-urġenza li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ewlenin indirizzati f’din l-istrateġija, b’mod partikolari fir-rigward:

•       tal-kuntratti diġitali, kemm jekk huma kuntratti għal oġġetti tanġibbli jew intanġibbli, fejn hu meħtieġ li jkun hemm approċċ ambizzjuż biex il-konsumaturi jkollhom l-istess sett ta’ regoli li jgħoddu għall-Ewropa kollha, u mhux 28 approċċ differenti;

•       tal-cloud computing, bil-għan li jitħeġġeġ l-użu, ikun prevenut l-imblukkar tal-konsumaturi u jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tal-portabbiltà tad-data, in-nuqqas ta’ responsabbiltà tal-fornituri ta’ servizzi u l-inkonsistenza tal-liġijiet transnazzjonali;

•       tad-diskriminazzjoni kontra l-konsumaturi online, speċjalment prattiki diskriminatorji bbażati fuq in-nazzjonalità jew il-post ta' residenza li jirriżultaw f'ħafna oqsma differenti tad-dritt tal-UE,

•       taċ-ċibersigurtà, minħabba li l-istituzzjonijiet pubbliċi u n-negozji Ewropej huma dejjem aktar esposti għaċ-ċiberkriminalità, filwaqt li u l-Istati Membri naqsu milli jaslu għal approċċ unifikat għal din il-kwistjoni urġenti;

•       tar-restrizzjonijiet u l-ostakli rigward il-pagamenti elettroniċi u l-awtentikazzjoni elettronika, b’mod partikolari fir-rigward tal-pagamenti bil-mobiles;

•       tal-konsenja tal-pakketti;

•       tal-internet tal-oġġetti, inkluż il-ħarsien integrat tal-ħajja privata (privacy by design), il-protezzjoni tad-data u s-sjieda tad-data;

•       ta’ aċċess ġust għall-pjattaformi tal-internet u l-komunikazzjonijiet elettroniċi;

53.    Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex trawwem ambjent kompetittiv għad-detenturi tad-drittijiet u għall-intermedjarji, b’mod partikolari sabiex jiżguraw remunerazzjoni ġusta;

54.    Jitlob li jkun hemm strateġija Ewropea biex tingħata spinta lill-industrija tal-ICT tal-UE, li tiżgura kompetizzjoni libera u ġusta u tippermetti lill-kumpaniji Ewropej jisfruttaw il-vantaġġ kompetittiv offrut permezz tal-ħarsien tal-privatezza tal-UE, u jitlob li jkun hemm strateġija Ewropea għall-governanza demokratika tal-internet u li n-newtralità tal-internet tkun inkorporata fid-dritt tal-UE;

55.    Jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni tikkoopera mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex ikun żgurat li l-UE tuża l-piż ekonomiku u politiku tagħha biex tmexxi ’l quddiem l-internet miftuħ u d-drittijiet fundamentali online fil-fora tal-governanza tal-internet;

Unjoni tal-Enerġija u l-politika dwar it-tibdil fil-klima

56.    Jenfasizza li s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, id-dekarbonizzazzjoni, is-sostenibbiltà fit-tul u prezzijiet tal-enerġija kompetittivi u bi prezzijiet li jistgħu jintlaħqu, jikkostitwixxu l-objettivi ewlenin tal-Unjoni tal-Enerġija, li jistgħu jinkisbu permezz ta' azzjoni msaħħa tal-UE fl-oqsma li ġejjin:

suq intern tal-enerġija kompetittiv, żieda fl-effiċjenza enerġetika, li s-swieq u l-grilji tal-enerġija jkunu aktar adattati għas-sorsi ta' enerġija rinovabbli, sistema b'saħħitha ta' governanza Ewropea, il-promozzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni, li jiġu żgurati investimenti ġodda, u pożizzjonijiet unifikati ta' negozjar tal-UE fil-konfront ta' pajjiżi terzi;

57.    Jenfasizza l-urġenza u l-importanza li tittieħed azzjoni kontra t-theddida li dejjem qiegħda tikber tar-reżistenza antimikrobika, peress li żieda fir-reżistenza antimikrobika jkollha impatt enormi fuq il-baġits tas-saħħa tal-Istati Membri u fuq il-kumpaniji fir-rigward tal-ispejjeż tal-assenza minħabba mard;

58.    Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għal pjan ta' azzjoni tal-UE dwar kif għandu jiġi implimentat fl-Unjoni l-Pjan ta' Azzjoni Globali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar ir-Reżistenza Antimikrobika;

59.    Jappella għal proposti leġiżlattivi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-qafas għall-klima u l-enerġija għall-2030, fir-rigward ta' dawk is-setturi li ma jaqgħux taħt l-ETS; jinnota li dan jinkludi, b'mod partikolari, reviżjoni tad-deċiżjoni dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi u proposta dwar l-użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF) u dwar l-indirizzar tal-emissjonijiet mill-agrikoltura; jissottolinja l-bżonn għal qafas komprensiv dwar id-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport, inkluż l-istabbiliment ta' mira għal wara l-2020 għal karozzi u għall-promozzjoni ta' bijokarburanti avvanzati sostenibbli u vetturi elettriċi;

60.    Jistieden lill-Kummissjoni tiddisinnja mill-ġdid il-mekkaniżmi tas-sussidji sabiex tiffaċilita l-integrazzjoni tas-suq tal-enerġija u t-tneħħija gradwali ta' sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent, b'mod partikolari għall-karburanti fossili;

61.    Jappella għall-Ewropizzazzjoni tal-infrastruttura tal-enerġija tal-UE, inkluż fir-rigward ta' standards, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u għal programm speċifiku ta' investiment, li jkun ibbażat fuq fondi pubbliċi u privati, għal grilja enerġetika intelliġenti;

62.    Jissottolinja l-importanza tal-effiċjenza enerġetika sabiex tiżdied is-sigurtà tal-enerġija u jintlaħqu l-miri tal-klima tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti leġiżlattivi dwar l-effiċjenza enerġetika fil-kuntest tal-qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija għall-2030, u biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-leġiżlazzjoni tal-Ekodisinn tal-UE;

63.    Iqis li għandha tingħata prijorità lil soluzzjonijiet ibbażati fuq is-suq għal sfidi komuni, bħal pereżempju ż-żieda fl-effiċjenza enerġetika billi jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, jiġi żviluppat settur tal-agrikoltura u tal-forestrija verament sostenibbli permezz ta' investiment fir-riċerka u l-iżvilupp, u jinħoloq qafas intelliġenti u favorevoli ta' regolamentazzjoni għat-tnedija ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli, biex b'hekk l-UE tkun fuq quddiem nett fid-dinja f'dan is-settur importanti tal-ekonomija;

Settur tat-trasport integrat u effiċjenti

64.    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura monitoraġġ aħjar u implimentazzjoni korretta tal-politika tat-TEN-T, mill-ippjanar sal-implimentazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tipprepara rapport ta' implimentazzjoni komprensiv u previżjoni qabel ir-rieżami tal-politika tat-TEN-T;

65.    Jappella għal prezzijiet ġusti u effiċjenti għat-trasport sostenibbli u għal reviżjoni tad-Direttiva Eurovignette u l-qafas assoċjat sabiex tippromwovi l-ġbir elettroniku tal-pedaġġ fuq livell Ewropew, inkluż il-pedaġġi tat-toroq bbażati fuq id-distanza, bħala parti mill-Pakkett tal-Kummissjoni dwar it-Toroq ;

66.    Jappella għal reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 fir-rigward tal-ħinijiet ta' sewqan u ta' mistrieħ għas-sewwieqa tat-trakkijiet u tal-karozzi tal-linja, sabiex jiġu adattati r-regoli attwali u jiġi armonizzat l-infurzar ta' dan ir-Regolament fl-Istati Membri differenti, bħala parti mill-Pakkett tal-Kummissjoni dwar it-Toroq;

67.    Jappella għal miżuri konkreti li jiżguraw l-aċċessibbiltà ta' trasport pubbliku effiċjenti, jiżviluppaw soluzzjonijiet intelliġenti u innovattivi, u jimmobilizzaw riżorsi finanzjarji għal infrastrutturi ta' sistemi sostenibbli u interkonnessi ta' trasport urban;

68.    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-adozzjoni tal-Pakkett tal-Avjazzjoni, inklużi strateġija tal-kompetittività tal-avjazzjoni, reviżjoni tar-Regolament dwar l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni ((KE) Nru 216/2008) u reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 868/2004 dwar prezzijiet inġusti fl-avjazzjoni, u l-ftuħ tas-suq tal-avjazzjoni għal sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod (RPAS) b'mod sikur u sostenibbli, u sabiex taħdem għall-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali;

69.    Jappella għal miżuri li jiffaċilitaw il-formalitajiet għal bastimenti li joperaw bejn il-portijiet tal-UE u li jiżviluppaw il-potenzjal ta' awtostradi tal-baħar, li jagħtu prijorità għall-istabbiliment ta' Spazju tat-Trasport Marittimu Ewropew mingħajr Ostakli ("Ċinturin Blu");

Politiki fil-qasam tal-agrikoltura u tas-sajd

70.    Jenfasizza r-rwol importanti li setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija sostenibbli jista' jkollhom sabiex jixprunaw it-tkabbir, jipprovdu postijiet tax-xogħol u għat-titjib tal-istandards ambjentali; jistieden lill-Kummissjoni tissimplifika l-implimentazzjoni tal-PAK u tnaqqas il-burokrazija, sabiex tiżdied l-effiċjenza tagħha, jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-imprendituri agrikoli u jingħata lok għal innovazzjonijiet li huma indispensabbli għal settur agrikolu Ewropew kompetittiv, li jħares 'l quddiem u li jipproduċi aktar b'inqas kontributi;

71.    Itenni li, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni fil-pront u korretta tal-politika komuni tas-sajd il-ġdida, il-Kummissjoni għandha tressaq, b' urġenza, proposti leġiżlattivi għall-adozzjoni ta' pjanijiet mġedda għall-ġestjoni pluriennali tal-istokkijiet tal-ħut, u għall-istabbiliment ta' qafas ġdid ta' miżuri tekniċi;

72.    Iqis li s-sajd illegali, mhux irregolat u mhux irrappurtat (sajd IUU) jikkostitwixxi kriminalità organizzata tal-ibħra, b'impatti ambjentali u soċjoekonomiċi diżastrużi madwar id-dinja kollha; jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-azzjoni kollha meħtieġa kontra pajjiżi li ma jikkooperawx u l-organizzazzjonijiet kollha li jikkontribwixxu għas-sajd IUU;

Suq uniku b'mobilità tax-xogħol imsaħħa

73.    Iqis li l-Istrateġija tal-Kummissjoni dwar is-Suq Uniku għall-oġġetti u servizzi għandha tiżgura li s-suq uniku huwa adattat għall-bżonnijiet ta' dawk li jikkontribwixxu l-aktar għall-ekonomija tal-UE, jiġifieri l-SMEs u dawk li jaħdmu għal rashom; iqis li, meta direttivi u regolamenti ma jkunux adatti għal kumpaniji żgħar, jew meta ma jitwettaqx it-"test tal-SME" waqt l-adozzjoni tagħhom, jista' jkun li jeħtieġ li jiġu rieżaminati;

74.    Jistenna r-riżultati tar-rieżami mmirat tal-implimentazzjoni u l-impatt tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta' Ħaddiema; jenfasizza l-importanza li jiġi rikonċiljat l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi transfruntiera b'ħarsien xieraq tad-drittijiet tal-ħaddiema stazzjonati temporanjament barra minn pajjiżhom; jenfasizza l-importanza tal-ħaddiema stazzjonati għall-ekonomija tal-UE f'termini li jimtlew in-nuqqasijiet tal-ħiliet u tal-ħaddiema; iqis, madankollu, li d-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta' Ħaddiema għandha tkun distinta minn miżuri nazzjonali li jistabbilixxu paga minima għall-impriżi minn Stati Membri oħra; jenfasizza li tali miżuri nazzjonali m'għandhomx imorru kontra l-libertà ta' moviment ta' persuni, merkanzija u servizzi;

75.    Jitlob lill-Kummissjoni tkompli l-ħidma tagħha lejn is-simplifikazzjoni tal-ħlas ta' taxxi fuq it-tranżazzjonijiet transfruntiera, kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozji, bl-użu akbar ta' formoli standardizzati Ewropej għall-VAT u tariffi oħra u permezz ta' aktar diġitizzazzjoni għar-rekwiżiti ta' ppreżentar;

Lejn ambjent tax-xogħol sikur u san permezz ta' regolamentazzjoni aħjar

76.    Jilqa' r-rieżami li jmiss tal-qafas strateġiku attwali dwar is-sikurezza u s-saħħa okkupazzjonali fl-2016; jinnota, madankollu, li l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni eżistenti tibqa' sfida fl-Istati Membri, b'mod partikolari għall-SMEs, li għandhom diffikultà biex jikkonformaw ma' ċerti rekwiżiti regolatorji; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-konformità mal-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali, b'mod partikolari għall-SMEs, sabiex tiżgura infurzar aħjar tal-leġiżlazzjoni mill-Istati Membri u tissimplifika l-leġiżlazzjoni eżistenti;

L-Unjoni ekonomika u monetarja

77.    Jappella għal proposta dwar ir-rappreżentanza esterna unika taż-żona tal-euro f'istituzzjonijiet u fora internazzjonali;

78.    Jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri biex ittejjeb l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, u tħaffef u tinforza l-implimentazzjoni ta' riformi strutturali mmirati biex jimmodernizzaw l-ekonomija tal-UE, bl-użu tal-għodod previsti fis-"Six-Pack" u fit-"Two-Pack";

79.    Jappella għall-istabbiliment ta' fond Ewropew ta' tifdija tad-dejn ibbażat fuq il-kondizzjonalità;

80.    Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti għal proċedura ta' insolvenza Ewropea għal Stati sovrani sabiex tiġi salvagwardjata d-dixxiplina tas-suq, u għall-introduzzjoni ta' limiti ta' skoperatura u għall-ponderazzjoni tar-riskju fuq id-dejn sovran, li ma jistax jibqa' jitqies bħala mingħajr riskju;

81.    Jistieden lill-Kummissjoni tħaffef il-ħidma tagħha fuq it-tgħaqqid tas-swieq tal-kapital tal-UE, u jħeġġiġha tistabbilixxi unjoni tas-swieq kapitali vera u proprja sal-2019;

Ftehim ta' kummerċ ħieles mal-Istati Uniti tal-Amerka

82.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tinsisti għall-konklużjoni tan-negozjati għal Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment sabiex jinkiseb aċċess akbar għas-suq u aktar trattament ġust għall-kumpaniji Ewropej, tiġi żgurata kooperazzjoni regolatorja biex b'hekk il-kummerċ trans-Atlantiku jkun aktar faċli, irħas, u inqas burokratiku għall-industriji u n-negozji tal-UE, b'mod partikolari għall-SMEs, u li jiġu żgurati t-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-leġittimità ta' arbitraġġ internazzjonali; jitlob ulterjorment lill-Kummissjoni tkompli, b'mod parallel, il-ħidma tagħha lejn ftehimiet ta' kummerċ ħieles ġodda u riveduti ma' pajjiżi terzi oħra u lejn kummerċ ħieles globali usa' b'mod ġenerali, speċjalment fi ħdan il-qafas tal-Organizzazzjoni Dinija tal-Kummerċ;

Żona ta' ġustizzja, sigurtà u drittijiet fundamentali

83.    Jinsisti li l-finalizzazzjoni ta' ftehim komprensiv u eżawrjenti dwar il-protezzjoni tad-data bejn l-UE u l-Istati Uniti u r-reviżjoni tal-prinċipji li jipprovdu livell ta' protezzjoni xieraq (Safe Harbour) għandhom ikunu konformi u m'għandhom jippermettu l-ebda lakuna legali, bis-saħħa ta' pakkett ambizzjuż dwar il-protezzjoni tad-data tal-UE li jistabbilixxi qafas leġiżlattiv ġdid fil-livell tal-UE għall-protezzjoni ta' data personali;

84.    Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel kull sforz biex tiżblokka l-proposta għal direttiva orizzontali kontra d-diskriminazzjoni u tiżviluppa rispons Ewropew komprensiv għall-problemi relatati mad-drittijiet fundamentali ta' persuni LGBTI, fil-forma ta' pjan direzzjonali tal-UE kontra l-omofobija u d-diskriminazzjoni abbażi ta' orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru;

85.    Jistieden lill-Kummissjoni ssegwi u tintensifika l-isforzi tagħha sabiex itejjeb il-proċeduri għall-identifikazzjoni u protezzjoni aħjar tal-minuri kontra l-ċiberpredaturi;

86.    Jistieden lill-Kummissjoni tirrieżamina r-Regolament Brussell IIA dwar kwistjonijiet dwar il-kunflitt ta' liġijiet fid-dritt tal-familja bejn l-Istati Membri, b'mod partikolari rigward il-kustodja tat-tfal u s-sekwestru internazzjonali tat-tfal;

87.    Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva dwar l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni amministrattiva tal-UE;

88.    Jistieden lill-Kummissjoni tissostitwixxi l-proposta rtirata dwar il-Liġi Ewropea dwar il-Bejgħ bi proposta ġdida dwar dan is-suġġett;

89.    Jilqa' l-adozzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà għall-perijodu 2015-2020 u l-prijoritajiet stabbiliti fl-oqsma tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata transfruntiera u ċ-ċiberkriminalità; itenni l-appell tiegħu għal evalwazzjoni dettaljata ffukata fuq l-effikaċja operattiva tal-istrumenti tal-UE eżistenti rilevanti u n-nuqqasijiet li fadal f'dan il-qasam, qabel il-preżentazzjoni ta' proposti ġodda leġiżlattivi bħala parti mill-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà;

90.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tagħmel progress lejn l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, filwaqt li tqis l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni u tindirizza l-sfidi ġuridiċi li għad fadal;

91.    Jappella għal strateġija b'saħħitha u awtonoma dwar id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi biex tissostitwixxi l-istrateġija 2010-2015 għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa;

92.    Jistieden lill-Kummissjoni tieħu approċċ aktar proattiv fl-appoġġ ta' politika ta' integrazzjoni adegwata min-naħa tal-Istati Membri, b'rispett dovut għall-valuri Ewropej, il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni politika minn residenti għal żmien twil, speċjalment fil-kuntest ta' elezzjonijiet Ewropej u lokali, u l-eliminazzjoni tal-apolidija fl-UE;

Politika Ewropea dwar l-asil u l-migrazzjoni

93.    Itenni t-talba tiegħu għal approċċ komprensiv għall-politika tal-asil u l-migrazzjoni sabiex jiġu stabbiliti rotot sikuri u legali lejn l-UE għal dawk li jfittxu asil u biex l-UE ssir destinazzjoni attraenti għal migranti barranin kemm għal dawk bi kwalifiki kif ukoll għal dawk mingħajr kwalifiki, u għal approċċ koerenti, inkluż fil-politika tal-iżvilupp tal-UE, biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni irregolari u jiġu miġġielda l-kuntrabandisti tal-bnedmin;

94.    Jappella għal preżentazzjoni ta' proposta riveduta tal-Karta Blu għal migranti barranin bi kwalifiki u dawk mingħajr kwalifiki, kif stabbilit fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni;

95.    Jappella għal riformulazzjoni tar-Regolament tal-Frontex li tinkludi kontribuzzjonijiet mandatorji minn Stati Membri u mandat akbar abbażi ta' tfittxija u salvataġġ umanitarju; jappella għal rieżami u estensjoni tal-mandat attwali tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) biex jinkludi rwol aktar operattiv fl-eżami tal-applikazzjonijiet għall-asil;

96.    Jistieden lill-Kummissjoni tissostitwixxi s-Sistema ta' Dublin u tipproponi bażi ġuridika għal sistema Ewropea ġdida ta' rilokazzjoni li tirriloka r-refuġjati bejn l-Istati Membri u li tkun ikkoordinata minn EASO msaħħaħ;

97.    Jistieden lill-Kummissjoni tfassal proposta ġdida bbilanċjata u intelliġenti għal pakkett dwar fruntieri intelliġenti li jissostitwixxi l-proposta rtirata;

Strateġija li tindirizza t-tibdil demografiku

98.    Jappella għal strateġija tal-UE strutturata u fit-tul li tindirizza l-isfidi li jirriżultaw mill-bidla demografika, peress li l-Istati Membri kollha qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' popolazzjoni li qiegħda dejjem tixjieħ; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, teżamina b'mod estensiv in-nuqqasijiet u l-iskwilibriji futuri fis-suq tax-xogħol tal-UE, u teżamina f'aktar dettall kif dawn il-problemi jistgħu jiġu indirizzati madwar l-UE, fost oħrajn permezz ta' antiċipazzjoni immirata tal-bżonnijiet tal-ħiliet futuri, u b'bilanċ aħjar bejn il-ħiliet u l-impjiegi disponibbli fis-suq tax-xogħol u aktar tisħiħ tal-mobilità tax-xogħol;

Attur globali aktar b'saħħtu

99.    Jistieden lill-Kummissjoni tieħu approċċ proattiv biex tippromwovi l-paċi u l-istabbiltà fid-dawl tal-għadd li qiegħed jiżdied ta' kriżijiet u kunflitti vjolenti madwar id-dinja, b'mod partikolari fil-pajjiżi ġirien tal-UE; jilqa' r-rieżami li għaddej bħalissa tal-politika tal-viċinat, li għandu l-għan li jssaħħaħ il-kapaċità tal-UE biex tittratta sfidi ġeopolitiċi u ta' sigurtà li qegħdin inħabbtu wiċċna magħhom; jenfasizza li l-kummerċ, ir-rabtiet ekonomiċi, il-mobilità, il-migrazzjoni u s-sigurtà tal-enerġija huma biss ftit mill-bosta kwistjonijiet transsettorjali li politika tal-viċinat ġdida u msaħħa għandha tindirizza, u li l-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, id-dritt internazzjonali u l-libertajiet fundamentali għandhom ikunu denominatur komuni ċentrali fiha;

100.  Jappella għal involviment rinforzat mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent sabiex il-proċess ta' riforma mmotivat mill-adeżjoni jibqa' fl-attenzjoni; jenfasizza l-bżonn li jingħata aktar appoġġ tekniku lill-Istati Membri u dawk il-pajjiżi ġirien bi ftehimiet ta' kummerċ ħieles profondi u komprensivi sabiex jiġi żgurat li dawn jiġu implimentati bis-sħiħ u malajr u jkunu rispettati mill-partijiet kollha; jenfasizza l-importanza ta' implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u jissottolinja l-bżonn għal aktar riformi politiċi u ekonomiċi f'dawn il-pajjiżi;

101.  Jenfasizza li biex tkun attur kredibbli fix-xena dinjija, l-UE għandha tappoġġa s-setgħa ta' persważjoni konsiderevoli tagħha b'setgħa ta' koerċizzjoni, b'komplementarjetà man-NATO, u li għalhekk hija meħtieġa aġenda ambizzjuża sabiex tiżdied l-integrazzjoni u l-kompatibbiltà tal-korpi militari Ewropej, speċjalment minħabba li din tista' tnaqqas l-ispejjeż b'mod sostanzjali sabiex l-UE tkun tista' tibqa' fil-limiti baġitarji, filwaqt li jiġi rrispettat l-impenn tan-NATO li jintefaq 2 % tal-PDG sabiex tinbena u tkun sostnuta forza militari Ewropea b'saħħitha ħafna; jistieden lill-Kummissjoni tieħu sehem b'mod attiv fl-iżvilupp ta' strateġija ġdida tal-UE dwar l-affarijiet barranin u ta' sigurtà; jistieden lill-Kummissjoni toħroġ bi proposti għal aktar integrazzjoni tas-swieq tad-difiża Ewropea f'kapaċitajiet ta' difiża Ewropej;

102.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni terġa' tafferma l-proċess tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp, li jipprovdi fehim komuni u viżjoni tal-politika tal-iżvilupp tal-Unjoni u l-istituzzjonijiet tagħha u l-Istati Membri;

103.  Jirrimarka li l-kriżi tal-Ebola enfasizzat l-urġenza li tiġi stabbilita strateġija fit-tul sabiex titpoġġa fil-prattika l-Komunikazzjoni tal-2010 intitolata, "Ir-rwol tal-UE fis-saħħa globali", u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tniedi l-Programm għall-Azzjoni dwar is-Saħħa Globali, b'kont meħud ta' epidemiji bħall-Ebola; jitlob lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tieħu inizjattivi biex jitjib l-aċċess għall-mediċini għall-pajjiżi l-anqas żviluppati;

104.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija komprensiva u pjan ta' azzjoni biex tindirizza l-kwistjoni ta' flussi ta' kapital illeċiti u l-korruzzjoni endemika f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, li hija prijorità fil-qafas ta' wara l-2015;

Unjoni ta' bidla demokratika

105.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintensifika u ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u tlesti r-riforma li ġiet posposta tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi;

Reviżjoni tal-QFP

106.  Ifakkar lill-Kummissjoni dwar l-obbligu legali tagħha li tippreżenta rieżami tal-funzjonament tal-QFP sal-aħħar tal-2016, u jtenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex takkumpanja dan ir-rieżami baġitarju bi proposta leġiżlattiva għar-reviżjoni tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-QFP għall-perjodu 2014-2020;

Komunikazzjoni aħjar

107.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq rieżami fil-fond tal-politika tal-komunikazzjoni tagħha bil-għan li tiżgura li, fil-ġejjieni, il-pubbliku jingħata l-informazzjoni b'mod dirett minflok ma jiġi mistenni li huwa stess imur ifittixha permezz ta' mezzi speċjalizzati ta' informazzjoni Ewropea; iqis, barra minn hekk, li r-Regolament dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini huwa kruċjali għall-iżvilupp tad-demokrazija parteċipattiva diretta Ewropea, u għalhekk jixtieq jara lill-Kummissjoni tieħu rwol attiv fl-iffaċilitar ta' dan il-proċess u ttejjeb xi ftit jew wisq il-proċeduri burokratiċi u twal tiegħu;

 

_____________________

 

108.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.