Dokument ta' sessjoni
1.7.2015 B8‑0663/2015
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura u l-ftehim qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea
dwar il-prijoritajiet tal-Parlament Ewropew għall-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2016
( 2015/2729(RSP) )
Enrique Guerrero Salom
f'isem il-Grupp S&D
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-prijoritajiet tal-Parlament Ewropew għall-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2016
( 2015/2729(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu ''Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2015 – Bidu Ġdid'' ( COM(2014)0910 ) u l-Annessi 1 sa 4 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-qgħad għoli, l-inugwaljanza, il-faqar u standards soċjali baxxi għadhom il-problemi ewlenin li ċ-ċittadini Ewropej qed jiffaċċjaw;
B. billi l-istrateġija Ewropa 2020 tibqa' bażi valida biex toħloq tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv fl-Ewropa u l-miri tagħha huma mistennija li jiġu kkonfermati qabel tmiem l-2015, iżda l-istrumenti li jwasslu għal riżultati konkreti jeħtiġilhom li jiġu aġġornati u msaħħin;
C. billi Programmi ta' Ħidma tal-Kummissjoni fil-futur għandhom jindirizzaw l-isfidi determinanti tas-seklu 21, bħat-tibdil fil-klima, l-indipendenza tal-enerġija, l-effiċjenza fir-riżorsi, it-transizzjoni lejn soċjetà diġitali, il-kompetizzjoni globali, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-inugwaljanza li qed tiżdied, filwaqt li jqisu l-konsegwenzi tan-non-Ewropa;
D. billi l-Unjoni Ewropea, bħala kunċett politiku, tinsab f'mument kruċjali fl-istorja tagħha, u billi l-kriżi ekonomika u finanzjarja tefgħet lill-UE fi kriżi politika bil-qawmien tal-estremiżmu fi kważi l-Istati Membri kollha;
1. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, meta wieħed iqis li l-isfida prinċipali li qed tiffaċċja l-UE tibqa' dik li terġa' tikseb il-fiduċja taċ-ċittadini tagħha u li għandha titqies bħala sors ta' tama u magna għat-tkabbir sostenibbli, l-impjiegi u koeżjoni soċjali akbar, biex tuża s-setgħat kollha tagħha sabiex taġixxi bħala forza li tkun fuq quddiem biex ikun hemm integrazzjoni Ewropea iktar profonda, u tfassal aġenda biex tiżgura li l-Ewropa ssaħħaħ l-irkupru ekonomiku tagħha f'suq uniku aktar ġust u inklużiv, b'aktar ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u tnaqqis fl-inugwaljanzi soċjali;
Il-konverġenza soċjali u ekonomika fi ħdan l-UE, bl-appoġġ tal-ħolqien ta' tkabbir u impjiegi sostenibbli
2. Jenfasizza l-fatt li l-livell tal-qgħad għadu indebitament għoli wisq, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ u n-nisa u li l-irkupru ekonomiku tal-UE għadu fraġli; jilqa' l-eżitu tan-negozjati dwar il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) u jħeġġeġ l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu; jistenna li l-BEI u l-Istati Membri jagħmlu ħilithom kollha biex japprovaw malajr kemm jista' jkun firxa ta' proġetti ta' investiment aktar riskjużi li jikkontribwixxu għal irkupru ġenwin u robust u tkabbir ibbilanċjat u sostenibbli, li jsaħħaħ il-konverġenza ekonomika u l-integrazzjoni tas-suq uniku, l-impjiegi u l-koeżjoni soċjali u l-ugwaljanza bejn is-sessi mal-UE kollha; jenfasizza t-talbiet tiegħu, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mat-trasparenza, ir-responsabilità demokratika u l-konformità mal-linji gwida għall-investiment; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza, b'mod partikolari, l-impatt tal-FEIS fuq il-konverġenza soċjali u reġjonali fl-UE u l-kundizzjonijiet, skont il-limitazzjonijiet tas-''six-pack'' u ''two-pack'', għall-pajjiżi li l-aktar jeħtieġu investiment sabiex ikollhom aċċess għal dan l-istrument; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-impatt baġitarju tal-FEIS wara l-adozzjoni tiegħu;
3. Jesprimi ruħu bil-qawwa favur ibbilanċjar mill-ġdid tal-proċess tas-Semestru Ewropew fl-2016 biex jiġi żgurat li jintuża bis-sħiħ għall-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi patt soċjali ġdid, inkluża l-applikazzjoni aktar effettiva ta' indikaturi ewlenin soċjali u tal-impjiegi meta jiġu fformulati rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, sett ta' standards soċjali minimi li jgħinu biex il-konverġenza strutturali tissaħħaħ, u t-tnedija mill-ġdid ta' skambji ta' fehmiet tripartitiċi dwar l-iżviluppi fil-pagi; jistieden lill-Kummissjoni terġa' tintroduċi r-rapport dwar l-integrazzjoni tas-suq uniku, li għandu jkun ibbażat fuq indikaturi speċifiċi għas-settur, biex tintroduċi pilastru speċifiku għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u biex iddaħħal dimensjoni dwar is-sessi fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi;
4. Itenni t-talba tiegħu għal perjodu ta' żmien konkret u pjan ta' azzjoni li għandhom jiġu stabbiliti bil-għan li tissaħħaħ il-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali u dik privata, b'miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi bħal direttiva dwar il-liv tal-paternità ta' mill-inqas għaxart ijiem, ir-rieżami tal-Direttiva tal-2010 dwar il-Liv tal-Ġenituri u miżuri mhux leġiżlattivi għall-promozzjoni ta' arranġamenti dwar il-ħin tax-xogħol; jiddeplora l-fatt li d-direttiva proposta dwar il-liv tal-maternità tista' tiġi rtirata u, jekk fl-aħħar mill-aħħar dan ikun il-każ, jitlob inizjattiva leġiżlattiva mmirata lejn ir-reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tadotta strateġija separata ġdida dwar id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-Ewropa għall-2015-2020, immirati, fost prijoritajiet oħra, lejn il-ħolqien ta' opportunitajiet ugwali, l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni, il-ħolqien tal-impjiegi, it-tnaqqis fid-differenza tal-pagi bejn is-sessi, il-faqar u l-lakuni fil-pensjonijiet, il-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa permezz tar-ratifika tal-Konvenzjoni ta' Istanbul, u l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet u l-intraprenditorija;
5. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssegwi ''r-rapport tal-ħames Presidenti'' u tippreżenta rapport ta' azzjoni ambizzjuż li jressaq il-miżuri kollha meħtieġa biex l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) ssir aktar reżiljenti u tinbidel f'qafas għal koordinazzjoni aħjar, konverġenza strutturali u solidarjetà, li tkun kapaċi tilħaq l-objettivi stabbiliti fl- Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), inkluż kapaċità fiskali fil-livell tal-UEM u r-realizzazzjoni tal-Unjoni Bankarja; jitlob l-implimentazzjoni rapida tar-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-governanza ekonomika, billi wieħed jibda bis-simplifikazzjoni tas-Semestru Ewropew u n-negozjar ta' ftehim interistituzzjonali; jilqa', f’dan ir-rigward, inizjattivi riċenti biex l-UEM tiġi kkompletata u bbilanċjata mill-ġdid; jitlob l-adozzjoni tal-metodu Komunitarju fil-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbilità (MES), is-sostituzzjoni tat-''troika'' bi struttura ta' monitoraġġ ibbażati fuq il-Komunità, il-ġestjoni tad-dejn sovran wara l-approvazzjoni tat-''two-pack'', u l-approfondiment tal-kunċett ta’ riforma strutturali, il-mezzi ta' finanzjament ta' tali miżuri u l-integrazzjoni tagħhom fi ħdan is-Semestru; jitlob ukoll dibattitu dwar il-fatturi dinamiċi li qed iżidu d-distakk bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-UE u, b'mod partikolari, fl-unjoni monetarja, kif ukoll l-ostakoli għat-tkabbir ekonomiku fl-Ewropa;
6. Jilqa' l-pubblikazzjoni ta' pakkett ġdid tal-politika tat-taxxa u jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta pakkett ambizzjuż ta' proposti leġiżlattivi li jippruvaw jiżguraw sistema ġusta tat-tassazzjoni, ibbażata fuq il-prinċipju li t-taxxi jitħallsu fil-pajjiż fejn jiġu ġġenerati l-profitti, filwaqt li jiġu evitati distorsjonijiet tas-suq intern u kompetizzjoni inġusta; iqis li tali aġenda għandha tinkludi proposti leġiżlattivi għal rappurtar pajjiż b'pajjiż minn kumpaniji multinazzjonali, Numru ta' Identifikazzjoni tat-Taxxa Ewropew (TIN), id-definizzjoni ta' rifuġji fiskali u t-tfassil ta' lista sewda tal-UE bil-għan tal-eliminazzjoni tagħhom, u l-proposti meħtieġa biex jersqu lejn ftehim leġiżlattiv dwar Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva; iqis li l-aġenda tal-UE għall-iżvilupp u l-kooperazzjoni għandha wkoll tiġi adattata u l-kundizzjonalità mtejba biex jiġu miġġielda b'mod effettiv l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa; jistieden lill-Kummissjoni tagħti segwitu għar-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Parlament fir-rapport ta' inizjattiva leġiżlattiva tiegħu u r-rapport ta' inizjattiva proprja tal-Kumitat TAXE biex tiġi żgurata ġustizzja fiskali;
7. Itenni t-talba tiegħu għal proposta dwar l-Erbatax-il Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji dwar it-trasferiment transkonfinali tas-sedi tal-kumpaniji, li għandha tiżgura li t-taxxi jitħallsu fl-Istat Membru fejn il-profitti jiġu ġġenerati u li d-drittijiet ta' parteċipazzjoni tal-impjegati jiġu ppreservati;
8. Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa mill-ġdid u ssaħħaħ il-mekkaniżmi u r-riżorsi tal-politika tal-kompetizzjoni u tal-għajnuna tal-istat f'oqsma bħall-Unjoni Bankarja, il-politika ta' tassazzjoni fl-UE u l-politika reġjonali;
9. Jappoġġja l-iżvilupp ta' unjoni tas-swieq kapitali, filwaqt li jiġbed l-attenzjoni lejn il-bżonn li jiġi żgurat li r-riskji finanzjarji sistemiċi ma jiżdidux u li din tkun mogħnija bl-infrastruttura neċessarja sabiex tingħata spinta lill-kreditu mhux bankarju u ssir promozzjoni tal-investiment fit-tul b'appoġġ għall-ekonomija reali, b'mod partikolari f’dawk l-Istati Membri fejn huwa l-aktar meħtieġ; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi aktar appoġġ għall-implimentazzjoni tat-Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji mwettqa fil-qafas tal-kooperazzjoni msaħħa; jitlob it-tisħiħ tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, inklużi l-mezzi għad-dispożizzjoni tagħhom, li għandhom ikunu proporzjonali għall-kompiti tagħhom li dejjem qed jiżdiedu; jistenna r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-adegwatezza, u l-possibilità ta' appoġġ, aġenzija Ewropea tal-klassifikazzjoni tal-kreditu; jistenna miżuri leġiżlattivi biex titjieb it-trasparenza tad-derivattivi OTC;
10. Jistenna li l-Kummissjoni tagħti bidu għal reviżjoni sostanzjali u komprensiva tal-qafas finanzjarju multiannwali 2014-2020, kmieni fl-2016, u timplimenta l-pjan ta' ħlas, li għadu qed jiġi negozjat, sabiex jiġu indirizzati l-problemi attwali u rikorrenti dwar l-akkumulazzjoni ta' kontijiet pendenti mhux imħallsa; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tislet it-tagħlimiet l-aktar ambizzjużi mill-konklużjonijiet mistennija tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar Riżorsi Proprji, li huwa mistenni jlesti l-ħidma tiegħu fil-bidu tal-2016, u li jagħmel proposti konkreti matul it-terminu tiegħu;
11. Jistenna li l-Kummissjoni twettaq rieżami tal-ftehimiet dwar it-tabakk; huwa tal-fehma li l-proposta għal Kontrollur ta' Garanziji Proċedurali għall-Uffiċċju kontra l-Frodi, l-OLAF (2014/00173) għandha tinżamm peress li tista' titqies bħala waħda mill-elementi kostitwenti fit-tħejjija għall-istabbiliment ta' Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew;
12. Itenni s-sejħa tiegħu għal reviżjoni komprensiva tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema; jemmen, barra minn hekk, li l-ġlieda kontra l-impjieg prekarju għandha tkun prijorità ewlenija; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex taħdem fuq id-direttivi dwar xogħol atipiku u r-ristrutturar; jenfasizza bil-qawwa d-deterjorament tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fi ħdan is-settur tat-trasport, b'mod partikolari fis-settur tat-toroq u tal-avjazzjoni, u jitlob lill-Kummissjoni biex tindirizzahom mingħajr dewmien; jittama li l-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, inkluż l-appoġġ mill-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, tibda tħalli l-frott, u jesprimi r-rieda tiegħu li jappoġġja kull inizjattiva, inkluża kwalunkwe inizjattiva finanzjarja, biex issaħħaħ dan il-programm tal-UE; Jistieden lill-Kummissjoni tressaq ''Garanzija tat-Tfal'' (simili għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ) biex jiġi żgurat li l-ebda tifel jew tifla ma jitħallew lura u li kull tifel u tifla fil-faqar ikollhom aċċess għall-kura tas-saħħa b'xejn, edukazzjoni b'xejn, akkomodazzjoni deċenti u n-nutrizzjoni adegwata; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tfassal proposta għal Pjattaformi ta' Protezzjoni Soċjali, filwaqt li tiżgura livell deċenti ta' protezzjoni soċjali matul il-ħajja ta' persuna, b'mod partikolari permezz ta' skemi ta' introjtu bażiku, aċċess għall-edukazzjoni u għall-akkomodazzjoni bi prezz raġonevoli, aċċess universali għall-kura tas-saħħa adegwata u aċċess universali għall-kura tat-tfal ta' kwalità tajba u bi prezz raġonevoli; jinsisti fuq il-ħtieġa li ssir reviżjoni tad-direttiva eżistenti dwar il-liv tal-maternità;
13. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-edukazzjoni u t-taħriġ jibqgħu fil-quċċata tal-prijoritajiet tagħha, b'attenzjoni partikolari fuq l-aċċess u l-ugwaljanza, il-modernizzazzjoni u l-promozzjoni ta' sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ tal-UE ta' kwalità għolja, b'enfasi fuq l-aktar kwistjonijiet urġenti, bħall-implimentazzjoni tal-miri tal-istrateġija Ewropa 2020 u inizjattivi ewlenin, it-tfassil mill-ġdid tal-ħiliet meħtieġa għas-suq tax-xogħol attwali u futur, il-promozzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-edukazzjoni doppja, l-appoġġ għal traineeships u apprendistati ta' kwalità, il-programm Erasmus+, it-tagħlim tul il-ħajja u l-litteriżmu tal-midja għal kulħadd;
14. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tippromwovi l-industriji kulturali u kreattivi u biex tappoġġja u tippromwovi l-istabbiliment ta' Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali, u jistenna li l-Kummissjoni tressaq ir-reviżjoni tant mistennija tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva;
15. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti konkreti bil-għan li tiġi stabbilita Unjoni tal-Enerġija li ġġib magħha tranżizzjoni tal-enerġija li tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi u tiżgura futur sostenibbli għall-Ewropa; jenfasizza li l-Unjoni tal-Enerġija għandha tkun ibbażata fuq il-promozzjoni tal-effiċjenza enerġetika, sorsi ta' enerġija rinnovabbli u infrastruttura intelliġenti, li jippermetti lill-Unjoni tnaqqas id-dipendenza tal-enerġija fuq l-importazzjoni tal-fjuwils fossili għaljin, iżżid l-indipendenza ġeopolitika tagħna, u fuq perjodu twil ta' żmien tipprovdi għażla orħos f'termini ta' offerti ta' prezzijiet aċċessibbli tal-enerġija għall-unitajiet domestiċi u għall-industrija; iqis li ċ-ċittadini għandhom ikunu fil-qalba tal-Unjoni tal-Enerġija u jistenna li komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-faqar tal-enerġija tkun akkumpanjata minn pjan ta' azzjoni;
16. Jistieden lill-Kummissjoni tibni suq uniku diġitali ġenwin u tipproponi Unjoni Diġitali innovattiva u inklużiva; jitlob lill-Kummissjoni tressaq prijoritajiet ċari u sinerġiji fi ħdan l-istrateġija integrata, b'rakkomandazzjonijiet leġiżlattivi ċari u modi u mezzi finanzjarji, bil-għan li tinħoloq ekonomija diġitali fejn l-Ewropa tista' tkun fuq quddiem fil-livell dinji, in-negozji jistgħu joperaw bejn il-fruntieri, id-drittijiet tal-konsumaturi u ċ-ċittadini jkunu protetti u l-amministrazzjoni pubblika tista' titwassal għall-modernizzazzjoni, l-effiċjenza u l-inklużività; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta' settur diġitali, li jiggarantixxi li kull ċittadin Ewropew ikollu aċċess għal konnessjoni tal-internet veloċi, tiġi mmaniġġjata t-tranżizzjoni diġitali fis-settur industrijali u jiġu pprovduti ħiliet diġitali biex jittieħed vantaġġ minnu; jitlob lill-Kummissjoni, barra minn hekk, terġa’ teżamina l-liġijiet tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur u tippromwovi s-sigurtà tal-komunikazzjoni elettronika u tat-teknoloġija tan-networks, speċjalment għall-SMEs u l-mikrointrapriżi; ifakkar bil-ħeġġa lill-Kummissjoni li Unjoni Diġitali ambizzjuża mhux se jkun possibbli mingħajr mekkaniżmu xieraq li jagħtu spinta qawwija lill-investimenti fuq il-post;
17. Jappella lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposti u miżuri għat-tisħiħ tas-suq intern tal-UE, inter alia: strateġija ġdida għas-suq intern tal-prodotti u s-servizzi; l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi, id-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent tal-Kwalifiki Professjonali u l-pakkett dwar l-Akkwist Pubbliku; analiżi, valutazzjoni u, eventwalment, proposta leġiżlattiva fir-rigward tal-pjattaformi diġitali fis-suq uniku; it-tlestija tas-suq uniku diġitali, inklużi proposti leġiżlattivi rigward kuntratti B2C transkonfinali u l-ekonomija ta' kondiviżjoni; infurzar tad-drittijiet tal-konsumatur, inkluż rieżami tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali u d-Direttiva dwar Reklamar Qarrieqi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa b'mod konsistenti d-dimensjoni esterna tas-suq intern fi ħdan il-politiki kummerċjali tal-UE, bil-ħsieb li ssaħħaħ il-kompetittività u l-ħarsien tal-konsumatur fl-UE waqt li tevita l-kompetizzjoni inġusta minn beni u prodotti li ma jikkonformawx mal-istandards tal-UE fl-oqsma tas-sikurezza, ambjentali u soċjali;
18. Jistenna li jingħata segwitu għall-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-possibilità li tiġi estiża l-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika tal-Unjoni Ewropea għal prodotti mhux agrikoli;
19. Jappella għal politika industrijali ambizzjuża tal-UE, li tkun tippermetti l-iżvilupp ta' prodotti u servizzi ġodda u r-ristrutturar tal-proċessi industrijali permezz tal-innovazzjoni, bil-ħsieb li l-industrija tal-UE tiġi modernizzata u ssir it-tranżizzjoni għal ekonomija bbażata fuq l-għarfien, diġitali, baxxa fil-karbonju u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi;
20. Jissottolinja l-ħtieġa għal proposta ambizzjuża dwar ir-reviżjoni tas-sistema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS 2021/30) bil-għan li l-prezz tal-karbonju jiġi ffissat f'livell xieraq, u l-ħtieġa li tiġi ppreżentata proposta leġiżlattiva għall-implimentazzjoni tal-Qafas għall-Klima u l-Enerġija għall-2030 fis-setturi mhux koperti mill-ETS, u jappella għal pakkett ambizzjuż ta' proposti dwar l-enerġija rinnovabbli;
21. Jappella lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri għat-titjib tal-mobilità urbana u t-trasport sostenibbli b'innovazzjoni teknoloġika u fjuwils alternattivi, bl-intenzjoni li tiżgura l-aċċessibilità għal trasport pubbliku effiċjenti, tiżviluppa soluzzjonijiet intelliġenti u innovattivi u tattiva r-riżorsi finanzjarji għal infrastrutturi għal sistema nadifa ta' trasport urban;
22. Jistenna li l-Kummissjoni tirrifletti dwar l-isfidi attwali fil-oqsma tal-ambjent u tas-saħħa, fejn l-istat tal-ambjent jaffettwa b'mod negattiv is-saħħa tal-bniedem, u tressaq proposti dwar l-istrateġiji ppjanati, b'mod partikolari kriterji orizzontali b'bażi xjentifika għall-interferenti endokrinali, imsemmija fis-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali, biex b'hekk jiġu ssodisfati l-obbligi ġuridiċi tal-Kummissjoni li jmisshom ilhom li twettqu mingħajr aktar dewmien;
23. Jistieden lill-Kummissjoni tlesti r-rieżami dwar ir-regolamentazzjoni tal-emissjonijiet tad-CO2 mill-karozzi, u tressaq proposta ambizzjuża li jkun fiha objettiv għal wara l-2025; jistenna, barra minn hekk, rieżami tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Fjuwil bil-ħsieb li jiġi dekarbonizzat it-trasport ta' fjuwils fil-perjodu wara l-2020, li jkun jinkludi proposti għal kriterji ta' sostenibbiltà relatati mal-bijomassa għall-enerġija;
24. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissorvelja u timplimenta l-Programmi Operattivi u teżamina mill-ġdid l-istrateġija UE 2020; hu tal-fehma li għandhom jittieħdu passi biex jintużaw is-sinerġiji bejn il-FEIS u fondi oħra u li l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u l-FEIS jistgħu jiġu ssemplifikat billi jsaħħu, u mhux idgħajfu, reċiprokament lil xulxin peress li huma mmirati lejn objettivi simili; jappella biex jiġu esplorati sinerġiji bejn il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u l-programm qafas Orizzont 2020;
25. Jitlob lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-għodda għall-ġestjoni tar-riskji f'diversi setturi agrikoli (eż. tal-ħalib) u tressaq proposta għall-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel; jappella wkoll għal rabtiet aktar mill-qrib bejn ir-riċerka, il-bdiewa u l-industrija;
26. Jappella lill-Kummissjoni biex, fil-kuntest tal-politika komuni tas-sajd, tipproponi qafas ġdid għal miżuri tekniċi u pjanijiet għal ġestjoni pluriennali tas-sajd, u tressaq proposta għal reviżjoni tar-Regolament ta' Kontroll;
Approċċ olistiku għall-migrazzjoni u l-asil
27. Jilqa' l-proposti reċenti tal-Kummissjoni bil-għan li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' solidarjetà u għall-kondiviżjoni tal-piżijiet b'mod li jkun hemm reazzjoni xierqa għall-isfidi umanitarji urġenti, u jappoġġa bil-qawwa l-għoti ta' kunsiderazzjoni fil-fond għall-sfidi fuq żmien medju u fuq żmien twil;
28. Jappella lill-Kummissjoni biex tkompli taħdem fuq proposti leġislattivi għal mekkaniżmu ta' risistemazzjoni u mekkanimu ta' rilokazzjoni permanenti b'mod li jkun hemm distribuzzjoni aktar ġusta ta' min ikollu bżonn ċar ta' protezzjoni internazzjonali fi ħdan l-UE; jenfasizza l-importanza ta' konformità mal-politiki dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-politiki dwar ir-ritorn; jistenna, għaldaqstant, evalwazzjoni u, possibilment, reviżjoni tar-Regolament "Dublin III";
29. Jappoġġa lill-Kummissjoni fil-viżjoni globali u ambizzjuża tagħha dwar il-migrazzjoni legali permezz ta' pjan direzzjonali li jindirizza l-isfidi ekonomiċi u demografiċi tal-Unjoni, u d-distakki eżistenti fis-suq tax-xogħol u l-kapaċitajiet; jappella għal pjan direzzjonali fuq l-istess linji bħal dawk tal-aġenda dwar il-migrazzjoni, inklużi proposti leġiżlattivi ġodda dwar il-migrazzjoni tax-xogħol settorjali, bħal pereżempju dwar ħaddiema domestiċi; jappella għal reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Karta Blu;
Insaħħu leħen l-UE fid-dinja
30. Ifakkar fil-fehma tiegħu li, sabiex trendi riżultati, il-Kummissjoni għandha timplimenta politika riveduta dwar il-viċinat, b'approċċ komprensiv u konsistenti bejn l-azzjoni esterna u l-politiki interni; jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-fatt li l-politika dwar l-immigrazzjoni mhijiex sempliċiment kwistjoni ta' kontroll tal-fruntieri, iżda tikkonċerna wkoll il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, is-sigurtà u d-drittijiet tal-bniedem, peress li l-inugwaljanzi soċjali u l-faqar huma spiss il-kawżi li jkunu l-għeruq tal-kunflitti u l-migrazzjoni illegali;
31. Jinsab konvint li t-tkabbir tal-UE għandu jinżamm fuq l-aġenda permezz ta' prijoritizzazzjoni u monitoraġġ oġġettiv tar-riformi fil-pajjiżi kandidati, bil-ħsieb li jinżammu l-motivazzjoni tagħhom u l-kapaċità tal-UE li xxerred il-valuri tagħha;
32. Jevidenzja l-fatt li, matul is-Sena Ewropea għall-Iżvilupp, jeħtieġ li l-Kummissjoni trendi riżultati tanġibbli fl-Afrika, u jappella lill-Kummissjoni biex tiżviluppa u tipprovdi pjan ta' azzjoni bħala segwitu għall-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja bil-ħsieb li tiżgura l-koerenza u t-tkomplija tal-implimentazzjoni konġunta tal-impenn tagħha lejn il-prinċipji umanitarji ta' umanità, imparzjalità, newtralità u indipendenza; jappella biex jiġi adottat Pjan ta' Azzjoni rivedut dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fl-Iżvilupp;
33. Jevidenzja l-importanza tal-pożizzjoni tal-UE fuq quddiem nett tan-negozjati internazzjonali dwar il-klima għal kważi żewġ deċennji u l-ħtieġa li l-UE tieħu rwol qawwi ta' tmexxija fin-negozjati li jmiss, qabel il-COP 21 f'Pariġi u toħloq momentum biex jintlaħaq ftehim robust, universali, ġust u legalment vinkolanti; jappella lill-Kummissjoni biex tiżgura li jingħata segwitu xieraq għal-laqgħa ta' Pariġi u tressaq proposti leġiżlattivi li jiżguraw ratifika f'waqtha tal-Ftehim;
34. Ifakkar fil-fehma tiegħu li lftehimiet ta' kummerċ ibbilanċjati jistgħu jipprovdu regoli għall-globalizzazzjoni; jappella lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tiżgura li l-istandards Ewropej ma jiġux kompromessi u jisħaq fuq il-fatt li l-kummerċ irid jagħmel sehmu fil-ġlieda kontra l-faqar u t-tisħiħ tal-iżvilupp barra mill-UE;
35. Jistenna li l-Kummissjoni se tqis kif dovut il-pożizzjoni tal-Parlament dwar it-TTIP; jappella lill-Kummissjoni biex tantiċipa r-reviżjoni tar-Regolament dwar arranġamenti tranżizzjonali għal trattati bilaterali ta' investiment programmata għall-2020 b'mod li jinħolqu l-istrumenti meħtieġa biex jittieħdu passi addizzjonali fit-tfassil tal-politika tal-UE dwar l-investiment , abbażi tad-dokument kunċettwali "L-Investiment, it-TTIP u lil hinn minnhom";
36. Jevidenzja l-importanza li jiġi rieżaminat ir-Regolament dwar l-Użu Doppju, b'mod partikolari sabiex titqies l-esportazzjoni tat-teknoloġiji ta' sorveljanza li fil-passat għenet fir-ripressjoni ta' drittijiet tal-bniedem, u biex tiġi żblokkata r-riforma ta' strumenti ta' difiża kummerċjali u l-istrument dwar l-akkwist internazzjonali;
UE aktar demokratika, miftuħa u responsabbli
37. Jappella lill-Kummissjoni biex tressaq proposta leġiżlattiva li tistabbilixxi tabella ta' valutazzjoni tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali b'mod li kull sena jiġu vvalutati is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-konformità mal-valuri tal-UE minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE f'kull Stat Membru;
38. Jappella lill-Kummissjoni biex tressaq proposta għal riforma tal-Mandat ta' Arrest Ewropew, li tkun tinkludi verifika tal-proporzjonalità, proċedura ta' konsultazzjoni standardizzata, definizzjonijiet aħjar ta' reati kriminali, raġunijiet obbligatorji għal nuqqas ta' infurzar, rimedji ġuridiċi effikaċi u r-rispett għas-salvagwardji proċedurali;
39. Jistenna li l-Kummissjoni tressaq inizjattivi għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi ta' sess, oriġini razzjali jew etnika, orjentament jew identità sesswali, reliġjon jew twemmin, diżabilità jew età; jitlob, b'mod partikolari, lill-Kummissjoni tqiegħed pressjoni fuq il-Kunsill b'mod li tiġi żblokkata d-direttiva kontra d-diskriminazzjoni, skont l-appell ripetutament li sar; jappella lill-Kummissjoni biex tippreżenta pjan direzzjonali dwar id-drittijiet ta' persuni LGBTI u tressaq proposta leġiżlattiva ġdida dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-integrazzjoni tar-Rom fl-Istati Membri;
40. Ifakkar li r-riforma tal-protezzjoni tad-data trid tkun ibbażata fuq approċċ ta' pakkett, jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill ikomplu jaħdmu fuq il-ftehim li għandu x'jaqsam kemm mad-direttiva kif ukoll mar-regolament, u jtenni t-talba tiegħu biex il-Ftehim dwar Sfera ta' Sikurezza ('Safe Harbour') jitħassar;
41. Jikkonstata l-pubblikazzjoni tal-aġenda l-ġdida tal-Kummissjoni għas-sigurtà iżda jitlob li, qabel ma tiġi implimentata kwalunkwe miżura ta' sigurtà ġdida, issir evalwazzjoni komprensiva tal-użu u l-valur ta' dawk eżistenti;
42. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni taderixxi mal-pjanijiet tagħha u tressaq proposta dwar ir-rikonoxximent tal-kontenut tad-dokumenti pubbliċi b'mod li jiġi promoss il-moviment liberu taċ-ċittadini Ewropej, u kif tħabbar f'okkażjonijiet preċedenti, li jiġi inkluż iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess;
43. Jappella lill-Kummissjoni biex tintensifika l-isforzi tagħha biex tiżgura l-adeżjoni min-naħa tal-UE mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem filwaqt li jitqiesu l-argumenti ġuridiċi li tqajmu dan l-aħħar mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja;
44. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni dwar regolamentazzjoni aħjar, li hija għodda importanti għal deċiżjonijiet politiċi f'waqthom u sodi; jikkondividi l-fehma li leġiferazzjoni aħjar tista' tgħin biex jiġi żgurat li l-miżuri jkunu bbażati fuq l-evidenza u ddisinjati tajjeb, li jrendu benefiċċji tanġibbli u sostenibbli għaċ-ċittadini, l-impriżi u s-soċjetà kollha kemm hi, u li l-objettivi relatati mal-kompetittività, it-tkabbir u l-impjiegi jiġu ssodisfati; jistenna li l-Kummissjoni tittratta ndaqs liż-żewġ fergħat tal-awtorità leġiżlattiva fir-rigward tal-informazzjoni u d-dokumentazzjoni li tipprovdi matul il-proċeduri leġiżlattivi;
45. Ifakkar fil-fehma tiegħu li regolamentazzjoni aħjar m'għandhiex titqies bħala għodda għal deregolamentazzjoni jew deprijoritizzazzjoni ta' oqsma bħall-protezzjoni soċjali u ambjentali u d-drittijiet fundamentali, u li m'għandhiex twassal għall-ħolqien ta' mekkaniżmi kkumplikati jew tippermetti li valutazzjonijiet tekniċi jieħdu prevalenza fuq għażliet politiċi;
46. Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni rrikonoxxiet id-dritt tas-sħab soċjali li jidħlu f'konvenzjonijiet (relazzjonijiet kuntrattwali u ftehim), kif stabbilit fl-Artikolu 155 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li m'għandhomx jiġu soġġetti għal konsultazzjonijiet ma' partijiet interessati jew valutazzjonijiet tal-impatt ulterjuri;
47. Jappella lill-Kummissjoni biex twettaq il-wegħda li għamlet li tirrispondi għal talbiet għal informazzjoni, fir-rigward tal-petizzjonijiet, fi żmien tliet xhur, jew li tipprovdi raġunijiet fejn l-iskadenza ma tkunx tista' tintlaħaq, u biex tinvestiga modi kif tassisti lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament meta jittratta mal-awtoritajiet nazzjonali, b'mod li l-Istati Membri jirreaġixxu aktar malajr u b'mod aktar xieraq għall-petizzjonijiet; jistenna li l-Kummissjoni tieħu miżuri biex tippromwovi l-istrument tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej bil-ħsieb li tagħmlu għodda siewja għad-djalogu politiku;
48. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni.