Dokument ta' sessjoni
6.7.2015 B8‑0679/2015
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara l-mistoqsijiet għal tweġiba orali B8‑0566/2015 u B8‑0567/2015
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà
( 2015/2697(RSP) )
Monika Hohlmeier
f'isem il-Grupp PPE
Helga Stevens
f'isem il-Grupp ECR
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà
( 2015/2697(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 4, 6, 7 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 4, 16, 20, 67, 68, 70 - 73, 75 u 82 - 88tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 6, 7, 8, 10(1), 11, 12, 21, 47-50, 52 u 53 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummisssjoni tat-28 ta' April 2015 dwar l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà ( COM(2015)0185 ),
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Europol dwar is-Sitwazzjoni u t-Tendenzi tat-Terroriżmu fl-UE (TE-SAT) għas-sena 2014,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fl-24 ta' Settembru 2014 dwar theddid għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali kkaważat minn atti terroristiċi (Riżoluzzjoni 2178 (2014)),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 513/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tar-riskji u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/125/ĠAI[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Diċembru 2014 dwar it-tiġdid tal-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna tal-UE[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Frar 2015 dwar miżuri kontra t-terroriżmu[3],,
– wara li kkunsidra d-dibattitu fil-plenarja tiegħu tat-28 ta’ April 2015 dwar -Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà,
– wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-Aġenda Ewropea dwar is-Siġurtà ( O-000064/2015 – B8-0566/2015 u O-000065/2015 – B8-0567/2015 ),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi t-theddidiet lis-sigurtà interna tal-Unjoni saru aktar kumplessi, ibridi, internazzjonali, qed jevolvu rapidament u saru fluwidi fin-natura tagħhom, u jmorru lil hinn mill-kapaċità ta’ kwalunkwe Stat Membru individwali, u għalhekk jeħtieġu iktar minn qatt qabel, reazzjoni koerenti, komprensiva u koordinata tal-UE;
B. billi l-iżgurar tas-sigurtà u l-libertà taċ-ċittadini Ewropej huwa responsabbiltà kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri li titlob sforzi kkoordinati u allinjati mill-Istati Membri, l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi kollha, immirati lejn għanijiet u prijoritajiet komuni u li jimxu fuq prinċipji komuni;
C. billi s-sigurtà nazzjonali tibqa' r-responsabbiltà unika ta' kull Stat Membru kif iddikjarat fl-Artikolu 4 tat-TFUE;
D. billi s-sigurtà hija dritt fundamentali kif stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u billi dan id-dritt fundamentali jinsab taħt theddida partikolari;
E. billi għandha tingħata attenzjoni speċjali lis-sostenn u l-protezzjoni tal-vittmi kollha tal-kriminalità fl-UE kollha bħala parti maġġuri tal-aġenda tas-sigurtà;
F. billi l-iżgurar tal-koerenza bejn l-aspetti interni u esterni tas-sigurtà huwa ta’ importanza kruċjali;
1. Jilqa’ l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà għall-perjodu tal-2015-2020 kif adottata mill-Kummissjoni, u l-prijoritajiet stabbiliti fiha;
2. Iqis li, fid-dawl tal-isfidi li l-UE qed tiffaċċja attwalment, erba’ prijoritajiet immedjati jeħtieġu azzjonijiet koordinati fil-livell nazzjonali, dak tal-UE u dak dinji u attenzjoni sħiħa fl-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà għall-2015-2020, jiġifieri t-terroriżmu, ir-radikalizzazzjoni, iċ-ċiberkriminalità u l-kriminalità organizzata, billi dawn jikkostitwixxu l-aktar theddidiet serji għas-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE;
3. Itenni bl-aktar mod qawwi li l-miżuri ta’ sigurtà għandhom dejjem jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt, u għalhekk jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni li tkompli tibbaża l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà fuq il-prinċipji tar-rispett għad-drittijiet fundamentali, it-trasparenza u s-sorveljanza demokratika;
Il-ġlieda kontra t-terroriżmu
4. Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-miżuri spjegati fl-Aġenda sabiex issir il-ġlieda kontra t-terroriżmu u tiġi pprevenuta r-radikalizzazzjoni; jilqa’ d-dikjarazzjoni magħmula mill-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni, Frans Timmermans, fil-Parlament, li l-Kummissjoni se tallinja r-riżorsi finanzjarji disponibbli mal-prijoritajiet tal-Aġenda; jenfasizza, f’dan ir-rigward, l-importanza li jiġi żgurat li l-aġenziji relevanti tal-UE jkunu mgħammra b’riżorsi umani u finanzjarji biżżejjed biex iwettqu bis-sħiħ il-kompiti eżistenti u addizzjonali tagħhom skont l-Aġenda; bi ħsiebu jiskrutinja mill-qrib u jivvaluta l-ħtiġijiet ġejjiena tal-Fond għas-Sigurtà Interna fil-livell tal-UE u dak nazzjonali;
5. Jenfasizza li l-indirizzar tat-theddida li jirrappreżentaw il-ġellieda barranin u t-terroriżmu b’mod ġenerali jeħtieġ approċċ b’diversi saffi li jinvolvi l-indirizzar komprensiv tal-fatturi sottostanti bħalma huma r-radikalizzazzjoni, l-iżvilupp tal-koeżjoni soċjali u l-inklużività u l-iffaċilitar tar-reintegrazzjoni permezz tal-promozzjoni tat-tolleranza politika u reliġjuża, l-analiżi u l-kontrobilanċ tat-tixwix online għat-twettiq ta’ atti terroristiċi, il-prevenzjoni tat-tluq ta’ persuni biex jingħaqdu ma’ organizzazzjonijiet terroristiċi, il-prevenzjoni u l-waqfien tar-reklutaġġ u l-parteċipazzjoni fil-kunflitti armati, l-interruzzjoni tal-appoġġ finanzjarju lil organizzazzjonijiet terroristiċi u lil individwi li jkollhom il-għan li jingħaqdu magħhom, l-iżgurar ta’ prosekuzzjoni ġuridika soda fejn xieraq u l-għoti tal-għodod xierqa lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi biex dawn iwettqu dmirijiethom b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali;
6. Ifakkar, fid-dawl tal-attakki terroristiċi reċenti fi Brussell, Pariġi, Kopenħagen u Saint-Quentin-Fallavier, il-bżonn urġenti li l-UE tivvaluta aħjar it-theddida għas-sigurtà tal-UE u tiffoka fuq oqsma ta' prijorità immedjata fil-ġlieda kontra t-terroriżmu: it-tisħiħ tas-sigurtà fil-fruntieri tal-UE, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ indikazzjoni ta’ kontenut fuq l-Internet, il-ġlieda kontra t-traffikar illegali ta’ armi tan-nar, u l-intensifikar tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni operattiva bejn is-servizzi nazzjonali tal-infurzar tal-liġi u s-servizzi ta’ intelligence;
7. Jilqa’ t-talba urġenti tal-Kummissjoni li tiġi ffinalizzata l-ħidma fuq l-istabbiliment ta’ Sistema ta’ Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) tal-UE; ifakkar, f’dan ir-rigward, li l-Parlament impenja ruħu li jaħdem favur il-finalizzazzjoni tad-Direttiva dwar PNR tal-UE sa tmiem is-sena; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-korpi rilevanti tal-UE jikkontribwixxu b’mod attiv għal adozzjoni b’suċċess ta’ dan il-fajl bil-għan li l-UE tingħata għodda effettiva u effiċjenti biex tiġġieled kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja;
8. Ifakkar fl-importanza kruċjali tal-intraċċar u l-interruzzjoni tal-flussi finanzjarji fil-ġlieda kontra n-netwerks terroristiċi u l-gruppi ta' kriminalità organizzata, inklużi l-flussi finanzjarji mhux-SWIFT; jilqa' l-isforzi li saru biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ġusta u bbilanċjata fil-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (TFTP), u jtenni l-appoġġ tiegħu għal dan il-programm;
9. Jiddispjaċih minħabba n-nuqqas ta’ miżuri aktar konkreti fl-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà biex tiġi ttratata b’mod determinat aktar effikaċi r-radikalizzazzjoni fl-Ewropa; jistieden b’mod partikolari lill-UE żżid l-isforzi tagħha biex tiġġieled kontra r-radikalizzazzjoni fuq l-Internet u kontra l-użu ta’ siti web tal-Internet u l-midja soċjali biex jinfirxu ideoloġiji radikali fl-Ewropa; jenfasizza, wara l-qtugħ ir-ras atroċi u barbaru ta’ ċittadin Franċiż, it-theddida allarmanti tar-radikalizzazzjoni fl-Ewropa; jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħolqien ta’ Unità ta’ Indikazzjoni ta’ Kontenut fuq l-Internet fl-Europol sabiex l-Istati Membri jiġu appoġġjati fl-identifikazzjoni u t-tneħħija ta’ kontenut estremist vjolenti fuq l-Internet bil-kooperazzjoni tal-industrija, u jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi r-riżorsi addizzjonali meħtieġa għall-funzjonament tagħha;
10. Jenfasizza l-bżonn urġenti li tiġi intensifikata l-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u li jiġu promossi programmi ta' deradikalizzazzjoni bil-għoti tas-setgħa u l-parteċipazzjoni mal-komunitajiet u mas-soċjetajiet ċivili fil-livell nazzjonali u dak lokali sabiex jinġieb fi tmiemu t-tixrid ta’ ideoloġiji estremisti; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ in-Netwerk ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (RAN), li jlaqqa' flimkien l-atturi kollha involuti fl-iżvilupp ta' kampanji kontra r-radikalizzazzjoni u t-twaqqif ta' strutturi u proċessi ta' deradikalizzazzjoni għal dawk il-ġellieda barranin li jirritornaw, u tisfida lill-ideoloġiji estremisti billi tipprovdi alternattivi pożittivi;
11. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi definizzjoni ta’ “ġellieda barranin”, li tiddefinixxi lil dawk l-individwi li jivvjaġġaw lejn żona ta’ konflitt biex jingħaqdu ma’ organizzazzjoni terroristika, abbażi tad-definizzjoni proposta mir-riżoluzzjoni 2178 (2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, sabiex tingħata lill-awtoritajiet ġudizzjarji l-kapaċità li jipproċessaw u jippenalizzaw dan ir-reat fejn ikun xieraq u sabiex dan ikun jista’ jiġi kkwalifikat bħala reat kriminali serju madwar l-UE kollha;
12. Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma ressqitx proposti konkreti, inkluż permezz ta’ programmi mmirati ta’ riċerka, biex jiġu identifikati u analizzati l-istrateġiji użati minn dawk li jirreklutaw il-“ġellieda barranin”, li qed jużaw għodod teknoloġiċi estremament sofistikati, strateġiji ta’ komunikazzjoni u propaganda bi kliem imqiegħed ċar biex iħajru liż-żgħażagħ vulnerabbli u li mhumiex kuntenti, biex ixewxuhom ħalli jingħaqdu ma’ organizzazzjonijiet terroristiċi u li jwettqu reati jew biex jiġbduhom għal ġo proċessi ta’ radikalizzazzjoni;
13. Jappoġġa bis-sħiħ il-prijorità tal-Kummissjoni li tgħin lill-Istati Membri jiżviluppaw aktar il-fiduċja reċiproka, jisfruttaw bis-sħiħ l-għodod eżistenti għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni u jrawmu l-kooperazzjoni operattiva transfruntiera bejn l-awtoritajiet kompetenti; jenfasizza l-importanza ta’ tali kooperazzjoni operattiva transfruntiera, b’mod partikolari fir-reġjuni tal-fruntieri;
14. Jilqa' l-enfasi tal-Kummissjoni fuq il-ġestjoni tal-fruntieri bħala aspett essenzjali tal-prevenzjoni tal-kriminalità transfruntiera u t-terroriżmu; jenfasizza li s-sigurtà tal-fruntieri tal-UE għandha tissaħħaħ permezz ta’ kontrolli sistematiċi kontra bażijiet ta' data eżistenti bħalma hi s-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS), u jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni li tippreżenta l-proposta riveduta tagħha dwar il-Fruntieri Intelliġenti sal-bidu tal-2016;
Iċ-ċiberkriminalità u l-kriminalità ffaċilitata miċ-ċibernetika
15. Jenfasizza li ċ-ċiberkriminalità u l-kriminalità ffaċilitata miċ-ċibernetika jikkostitwixxu theddida maġġuri għaċ-ċittadini tal-UE u għalhekk jeħtieġu approċċ ġdid lejn l-infurzar tal-liġi fl-era diġitali; jissottolinja li s-sigurtà għaċ-ċittadini għandha tiġi żgurata bl-istess livell kemm online kif ukoll offline; ifakkar li l-iżviluppi teknoloġiċi ġodda iżidu l-impatti tal-kriminalità f’dawk li huma skala u ħeffa u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipprovdi lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi il-kapaċitajiet ġuridiċi u tekniċi biex jindirizzaw dawn ir-reati b’mod determinat effettiv b’rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali; jesprimi ruħu favur it-tisħiħ tal-baġit u l-persunal taċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità (EC3) u l-iżvilupp ta’ strumenti ġodda u b’saħħithom fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità;
16. Jilqa’ b’sodisfazzjon ix-xogħol li sar mill-EC3 fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità transnazzjonali serja u l-kriminalità ffaċilitata permezz taċ-ċibernetika; jenfasizza r-rwol ewlieni tal-EC3 fl-appoġġ għall-Istati Membri, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal; ifakkar fit-tħabbiriet magħmula mill-Kummissjoni biex l-EC3 jingħata l-esperti u l-baġit meħtieġa sabiex jingħataw spinta l-oqsma ta’ kooperazzjoni Ewropea li għadhom ma ġewx indirizzati mindu nħoloq fl-2013;
17. Jistieden lill-Kummissjoni tvara kampanja ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ stat ta’ tħejjija adegwata dwar ir-riskji marbuta maċ-ċiberkriminalità serja bil-għan li tittejjeb ir-reżiljenza kontra l-attakki ċibernetiċi;
18. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni sħiħa tal-miżuri eżistenti relatati mal-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal online u tivvaluta jekk għodod leġiżlattivi ulterjuri humiex meħtieġa, u teżamina jekk l-Europol għandux biżżejjed kompetenzi, riżorsi u persunal biex ikun jista' jindirizza b’mod determinat dan id-delitt terribbli;
Il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata
19. Jenfasizza l-gravità tal-kriminalità organizzata, b’mod partikolari f’dawk li huma t-traffikar tal-bnedmin, inklużi l-prostituzzjoni furzata, it-traffikar tal-organi, l-isfruttament sesswali tat-tfal u x-xogħol ta’ skjavitù; ifakkar fil-livelli estremi ta’ vjolenza u brutalità li l-kriminali jeżerċitaw fuq gruppi partikolarment vulnerabbli bħalma huma n-nisa, it-tfal u l-migranti; jilqa’ l-qafas eżistenti u jaqbel li hemm il-ħtieġa ta’ strateġija ta’ wara l-2016 li tinvolvi b’mod sħiħ lill-Europol u lill-Eurojust, minħabba l-kompetenzi tagħhom f’dan il-qasam;
20. Jirrikonoxxi li l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata teħtieġ azzjoni Ewropea qawwija u għalhekk jappoġġja d-determinazzjoni tal-Kummissjoni li tindirizza b'mod determinat din il-kwistjoni; jistieden lill-Kummissjoni b’mod partikolari biex issaħħaħ il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi fl-indirizzar determinat tat-traffikar tal-bnedmin, u b’mod partikolari d-dħul klandestin ta’ migranti, sabiex jiġu evitati traġedji ġodda fil-Mediterran;
21. Jisħaq fuq l-importanza ta’ Skwadri Konġunti ta’ Investigazzjoni (SKI) għall-investigazzjoni ta’ każijiet speċifiċi ta’ natura transfruntiera, u jistieden lill-Istati Membri jużaw din l-għodda ta’ suċċess b’mod aktar regolari u jeżaminaw kif din tista’ tintuża b’mod aktar effettiv, b’mod partikolari f’reġjuni tal-fruntiera, biex jindirizzaw kwistjonijiet bħalma huma t-traffikar tad-droga, il-prostituzzjoni furzata u t-traffikar tal-bnedmin, u l-gangs tal-muturi kriminali;
22. Jiddispjaċih li strumenti bħalma huma l-iffriżar u l-konfiska ta’ assi kriminali għadhom mhux qed jintużaw b’mod sistematiku fil-każijiet transfruntiera xierqa kollha, u jappella għal iżjed sforzi mill-Istati Membri u l-Kummissjoni f’dan il-qasam;
23. Jemmen li, minbarra l-istrumenti tal-UE fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu, Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà għandha tinkludi mekkaniżmi ta’ protezzjoni għall-vittmi ta’ dawn id-delitti serji sabiex tiġi pprevenuta aktar vittimizzazzjoni; jinnota li l-protezzjoni tal-vittmi għandha tiġi meqjusa bħala għodda importanti fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu, minħabba li din tibgħat messaġġ ċar lit-trasgressuri li s-soċjetà mhix se ċċedi għall-vjolenza u li f’kull waqt u ħin se ssalvagwardja l-vittmi u d-dinjità tagħhom;
24. Jenfasizza l-ħtieġa li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jiffukaw fuq l-implimentazzjoni xierqa tal-aġenda għal riżultati effettivi, u jinnota b’sodisfazzjon f’dan ir-rigward l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta lill-Parlament u lill-Kunsill informazzjoni aġġornata u regolari dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda;
25. Jappoġġa l-appell tal-Kummissjoni għal kooperazzjoni interaġenziji aktar konnessa; jilqa’ l-miżuri proposti mill-Kummissjoni għat-titjib tal-iskambju ta’ informazzjoni u żieda fil-kooperazzjoni operattiva bejn l-Istati Membri u mal-aġenziji tal-UE;
26. Jilqa’ l-valutazzjoni mħabbra tal-Kummissjoni tal-ħtieġa u l-valur miżjud potenzjali ta’ Sistema ta’ Indiċi Ewropea tar-Rekords tal-Pulizija (EPRIS) biex jiġi ffaċilitat l-aċċess transfruntier għall-informazzjoni miżmuma fir-rekords tal-pulizija nazzjonali u jappoġġja bis-sħiħ il-varar ta’ proġett pilota ppjanat minn grupp ta' Stati Membri biex jiġu stabbiliti mekkaniżmi għat-tfittxijiet transfruntiera awtomatizzati fl-indiċijiet nazzjonali fuq bażi ta’ sistema “hit”/“no-hit”; jenfasizza l-importanza ta’ aċċess transfruntier għall-informazzjoni, b’mod partikolari fir-reġjuni tal-fruntieri;
27. Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu bl-impenn tal-Kummissjoni li tiżgura li d-dimensjonijiet interni u esterni tal-politika tas-sigurtà jaħdmu id f’id; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu aktar ir-rabtiet u s-sinerġiji bejn dawn it-tnejn; jitlob għal koerenza msaħħa bejn l-istrumenti esterni u interni, speċjalment b’rispons għal kwistjonijiet orizzontali bħalma huma l-ġlieda kontra t-terroriżmu, it-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, il-ġellieda barranin, id-difiża ċibernetika, id-dħul klandestin u t-traffikar tal-bnedmin, u l-migrazzjoni; jappella għal aktar sinerġiji bejn il-politiki tal-UE u kooperazzjoni fir-rigward ta’ pajjiżi terzi (Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna) u l-atturi tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja (Europol, FRONTEX, il-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL)) sabiex tiġi indirizzata n-natura interna u esterna kumplessa tat-theddidiet attwali li qed jiġu ffaċjati;
28. Jilqa’ d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Mejju 2015 li tistieden “ir-Rappreżentant Għoli, f’konsultazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri tal-UE, biex sal-aħħar tal-2015 tippreżenta qafas konġunt bi proposti azzjonabbli li jgħinu biex issir il-ġlieda kontra t-theddidiet ibridi u jrawmu r-reżiljenza tal-UE u tal-Istati Membri tagħha kif ukoll tas-sħab tagħha”; jistieden lill-Kunsill jiżviluppa sinerġiji aktar mill-qrib bejn id-dimensjoni interna u esterna tas-sigurtà tal-UE; jitlob għal kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-korpi u l-aġenziji rilevanti tal-UE kollha, l-Istati Membri u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, b’mod partikolari n-NATO, bil-għan li jiġu żviluppati għarfien sitwazzjonali akbar u mekkaniżmi ta’ twissija bikrija biex issir il-ġlieda kontra t-theddidiet ta’ gwerra ibrida f’oqsma bħalma huma ċ-ċiberdifiża, il-komunikazzjonijiet strateġiċi, is-sigurtà tal-fruntieri u s-sigurtà tal-enerġija, fost oħrajn;
29. Jaqbel mal-Kummissjoni dwar l-importanza li jingħata appoġġ lill-azzjonijiet relatati mat-taħriġ, ir-riċerka u l-innovazzjoni u x-xogħol importanti tas-CEPOL f’dan il-qasam; iqis li l-programmi ta’ taħriġ u skambju għall-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi huma ta’ importanza sinifikanti biex tkompli titrawwem kooperazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi u bejn dawn l-awtoritajiet u l-Europol; jemmen li huwa meħtieġ investiment akbar fir-riċerka u l-innovazzjoni relatati mas-sigurtà;
30. Jirrimarka li s-sitwazzjoni li qed tinbidel rapidament tas-sigurtà titlob approċċ flessibbli u adattabbli u rieżami regolari tal-azzjonijiet ta’ prijorità spjegati fl-Aġenda, u jitlob lill-Kunsill Ewropew iwettaq regolarment valutazzjoni tat-theddidiet għall-UE;
31. Jinnota b’dispjaċir li ma hemmx biżżejjed miżuri konkreti previsti fl-Aġenda biex tiġi msaħħa d-dimensjoni tal-ġustizzja tal-qafas ta’ sigurtà; itenni t-talba tiegħu għal żvilupp ulterjuri tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, inkluż permezz ta’ użu aħjar ta’ strumenti ta’ assistenza legali reċiproka;
32. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.