Dokument ta' sessjoni
6.7.2015 B8‑0680/2015
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen
( 2015/2760(RSP) )
Alyn Smith, Barbara Lochbihler, Michel Reimon, Bodil Valero, Igor Šoltes
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen
( 2015/2760(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 2201 (2015), 2204 (2015) u 2216 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-Jemen, u r-Riżoluzzjoni 2140 (2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li timponi sanzjonijiet,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Panel ta' Esperti tan-NU dwar il-Jemen imfassal skont ir-Riżoluzzjoni 2140 (2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-20 ta' Frar 2015,
– wara li kkunsidra l-iffriżar tal-assi u l-projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar imposti fuq ħames persuni, jiġifieri l-kmandanti militari tal-Houthi, Abd Al-Khaliq Al-Huthi u Abdullah Yahya Al Hakim, il-mexxej tal-Houthi, Abdumalik al-Houthi, u l-ex President tal-Jemen Ali Abdullah Saleh, u ibnu Ahmed Ali Abdullah Saleh,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna tal-20 ta' Marzu, tal-1 ta' April, tas-26 ta' April u tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Jemen tal-20 ta' April 2015,
– wara li kkunsidra l-kummenti dwar il-Jemen mis-Sotto-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-Affarijiet Umanitarji, Stephen O'Brien, fil-25 ta' Ġunju 2015,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-kriżi attwali fil-Jemen hija r-riżultat ta' nuqqas minn gvernijiet suċċessivi li jissodisfaw l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu Jemenit għad-demokrazija, għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali, għall-istabbiltà u s-sigurtà; billi t-tranżizzjoni li ma rnexxietx wara r-riżenja tal-President, li kien ilu fil-kariga, Ali Abdullah Saleh favur il-Viċi President Abd-Rabbu Mansour Hadi, ħolqot il-kundizzjonijiet għat-tfaqqigħ ta' kunflitt vjolenti billi sistematikament injorat il-ħafna tensjonijiet tribali fil-pajjiż, kif ukoll l-insigurtà mifruxa u l-paraliżi ekonomika;
B. billi l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf , appoġġat bir-Riżoluzzjoni 2051 (2012) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, nieda inizjattiva għal Konferenza ta' Djalogu Nazzjonali (KDN) li rat lill-President iddestitwit, Ali Abdullah Saleh, jirriżenja mill-kariga, bi proċess ta' djalogu tranżitorju li beda f'San'a f'Marzu 2013, iżda li ntemm f'Jannar 2014 meta Ahmed Sharif Al-Din, rappreżentant Houthi fil-KDN, inqatel fil-belt kapitali San'a, fi triqtu lejn il-konferenza, billi dan kien it-tieni qtil ta' rappreżentant Houthi, li kabbar it-tensjonijiet bejn il-Houthi u l-forzi allineati mal-gvern;
C. billi l-kunflitt bejn il-parti Houthi tal-popolazzjoni u l-gvern ċentrali tal-Jemen għandu għeruq storiċi, li parti minnu huwa bbażat fuq l-ilmenti tal-Houthi dwar diskriminazzjoni u tentattivi sabiex jinxtered it-tagħlim Wahabi fil-Jemen; billi l-ewwel kunflitt armat imur lura għall-2004, u billi attakki mill-ajru mill-Arabja Sawdija u l-Istati Uniti kienu involuti wkoll sa mill-inqas l-2009;
D. billi l-fallimenti fl-inklużività politika ħolqot il-kondizzjonijiet għal żieda tal-milizzji Houthi, mit-Tramuntana tal-pajjiż, li sfruttaw il-vakwu fil-governanza u fis-sigurtà u wettqu kisbiet kbar madwar il-pajjiż sa mill-qbid ta' San'a f'Settembru 2014; billi b'riżultat ta' dan il-President leġittimu tal-Jemen, Abd–Rabbu Mansour Hadi, ħarab lejn l-Arabja Sawdija u baqa' f'Riyadh sa issa;
E. billi fis-26 ta' Marzu 2015, b'reazzjoni tal-avvanzi tal-Houthi, koalizzjoni ta' Stati Għarab immexxija mill-Arabja Sawdija bdiet l-Operazzjoni "Decisive Storm" fil-Jemen sabiex treġġa' lura l-kisbiet ta' Ansar Allah (il-milizzja dominanti tal-Houthi), tpoġġi lura fil-presidenza lil Abd-Rabbu Mansour Hadi, u ġġib is-sigurtà u l-istabbiltà fil-pajjiż; billi dawn l-objettivi ma ntlaħqux s'issa, minkejja l-attakki mill-ajru intensivi fuq il-pożizzjonijiet tal-Houthi; billi madwar 3 000 persuna nqatlu u aktar minn 10 000 indarbu minn mindu beda l-ġlied;
F. billi għadd kbir ta' vittmi ċivili fil-Jemen kien kkawżat minn gruppi armati tal-Houthi u forzi affiljati, inkluż l-użu ta' munizzjonijiet ta' kontra l-inġenji tal-ajru li jiddetonaw wara l-inżul f'żoni popolati, li joqtlu u jimmankaw nies ċivili; billi f'diversi okkażjonijiet attakki mill-ajru mill-koalizzjoni militari mmexxija mill-Arabja Sawdija fil-Jemen qatlu nies ċivili, bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali, li jirrikjedi li jittieħdu l-passi kollha possibbli sabiex jiġi evitat jew minimizzat li jkun hemm vittmi ċivili;
G. billi, minbarra l-attakki mill-ajru, l-Arabja Sawdija imponiet imblokk navali tal-Jemen li kellu effetti drammatiċi fuq il-popolazzjoni ċivili, bi 22 miljun ruħ – madwar 80 % tal-popolazzjoni – issa huma fi bżonn urġenti ta' provvisti tal-ikel, ilma u mediċini; billi n-NU ddikjarat l-ogħla livell ta' emerġenza umanitarja fil-Jemen u wissiet li l-pajjiż issa jinsab pass 'il bogħod biss mill-karestija, filwaqt li l-Programm Dinji tal-Ikel wissa li madwar 12-il miljun persuna diġà qegħdin ibatu l-ġuħ, li se jikkawża ħsara fiżika u mentali dejjiema għal ġenerazzjoni sħiħa ta' tfal;
H. billi skont l-Istitut Internazzjonali ta' Riċerka dwar il-Paċi ta' Stokkolma (SIPRI), l-Arabja Sawdija hija waħda mill-erba' pajjiżi bl-akbar nefqa militari fid-dinja, b'żieda ta' 17 % fix-xiri fl-2014;
I. billi s-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, talab għal investigazzjoni wara li attakki mill-ajru mmexxija mill-Arabja Sawdija laqtu l-kamp tal-Programm ta' Żvilupp tan-NU f'Saada, li kkawżaw ħsara kbira;
J. billi l-partijiet kollha fil-kunflitt ma wrew l-ebda rispett għall-ħajja umana, u b'mod repetut attakkaw infrastruttura ċivili, inklużi sptarijiet, skejjel, impjanti tal-enerġija u installazzjonijiet tal-ilma;
K. billi s-sistema tal-kura tas-saħħa nazzjonali tal-Jemen laħqet punt ta' ksur, bid-deni dengue li qiegħed jiżdied, nuqqas ta' trattament għal mard kroniku, u provvisti mediċi vitali u l-persunal imblukkati milli jilħqu n-nies fil-mira;
L. billi l-pajjiż qiegħed jispiċċa b'rata mgħaġġla mingħajr karburant, u billi dan diġà qiegħed jirrestrinġi d-distribuzzjoni tal-għajnuna u dalwaqt se jwassal għal nuqqas tal-ilma li jikkawża theddida għall-ħajja, peress li l-Jemen, li hu milqut minn nixfa kbira, għall-provvista tal-ilma tiegħu jiddependi kompletament mill-pompi għall-bjar fondi li jaħdmu bil-karburant;
M. billi l-Al-Qaeda fil-Peniżola Għarbija (AQAP) ibbenefikat mid-deterjorament tas-sitwazzjoni politika u tas-sigurtà fil-Jemen, u qiegħda tespandi l-preżenza tagħha u tkabbar l-għadd u l-iskala tal-attakki terroristiċi tagħha;
N. billi l-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku (IS) / Da'esh stabbilixxa il-preżenza tiegħu fil-Jemen u wettaq attakki terroristiċi kontra l-moskej Xiiti, li qatlu mijiet ta' persuni; billi kemm l-AQAP u l-IS/Da'esh huma mistennija li jisfruttaw il-vakwu tas-sigurtà tal-Jemen sabiex isaħħu l-kapaċitajiet tagħhom u jippjanaw attakki kontra l-forzi tas-sigurtà tal-Jemen, kontra l-Houthi u kwalunkwe preżenza tal-Punent;
O. billi l-gwerra kontinwa u l-espansjoni tal-AQAP u tal-IS/Da'esh fil-Jemen joħolqu theddida diretta għall-istabbiltà u s-sigurtà ta' pajjiżi oħra fir-reġjun;
P. billi f'nofs Ġunju 2015, it-taħdidiet ta' paċi mmexxija min-NU f'Ġinevra bejn il-fazzjonijiet rivali tal-Jemen, immexxija mill-Mibgħut Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Jemen, Ismail Ould Cheikh Ahmed, ma taw ebda riżultat; billi l-Oman, li żamm lura milli jingħaqad mal-Operazzjoni "Decisive Storm" u jgawdi minn relazzjonijiet mill-qrib maż-żewġ partijiet ewlenin tal-kunflitt, qiegħed imexxi sforzi diplomatiċi reġjonali sabiex iwassal għall-waqfien mill-ġlied;
Q. billi wara l-bidu tal-gwerra fil-Jemen, il-Belt Antika ta' San'a, li hija sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, intlaqtet minn attakk bil-bombi bl-ajruplani; billi, b'riżultat, ħafna bini storiku, monumenti, mużewijiet, siti arkeoloġiċi u postijiet ta' qima ġarrbu ħsarat irreparabbli jew inqerdu;
1. Jafferma mill-ġdid l-impenn qawwi tiegħu għall-unità, is-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Jemen, u jappoġġa lill-poplu tal-Jemen;
2. Jesprimi preokkupazzjoni serja rigward id-deterjorament rapidu tas-sitwazzjoni politika, ta' sigurtà u umanitarja fil-Jemen, li tħalli biss l-għażla bejn il-paċi jew it-tbatija tal-ġuħ ta' partijiet kbar tal-popolazzjoni;
3. Jistieden lill-partijiet kollha jtemmu l-konfront militari minnufih u mill-inqas jaqblu fuq pawża umanitarja matul ix-xahar qaddis preżenti Musulman tar-Ramadan, sabiex l-għajnuna meħtieġa b'mod urġenti tkun tista' tingħata lill-popolazzjoni;
4. Jikkundanna l-azzjonijiet destabilizzanti meħuda b'mod unilaterali mill-Houthi u unitajiet militari leali lejn l-ex President Saleh, u jikkundanna wkoll l-attakki mill-ajru mill-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija u l-imblokk navali li hija imponiet fuq il-Jemen, li diġà wasslu għal eluf ta' mwiet, li komplew jiddestabbilizzaw lill-Jemen, li ħolqu kundizzjonijiet aktar favorevoli għall-espansjoni ta' organizzazzjonijiet terroristiċi u estremisti bħall-IS/Da'esh u l-AQAP, u li qegħdin jaggravaw sitwazzjoni umanitarja diġà kritika;
5. Iħeġġeġ lill-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija tneħħi l-imblokk navali tal-Jemen b'mod immedjat, li jippermetti l-issoktar sħiħ tal-importazzjoni kummerċjali għal portijiet tal-Jemen, sabiex jiġi evitati iktar ġuħ u nuqqasijiet serji, b'mod partikolari tal-ikel, tal-karburant u tal-provvisti mediċi;
6. Jistieden, f'dan ir-rigward, lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-Istati Uniti jintensifikaw il-pressjoni tagħhom fuq il-Gvern tal-Arabja Sawdija sabiex jikkonċentra biss fuq il-waqfien u t-tfittxija ta' bastimenti individwali meta jkun hemm raġuni tajba sabiex wieħed jemmen li qegħdin jiddaħħlu armi bil-kuntrabandu;
7. Jistieden lill-Istati Membri jwaqqfu l-esportazzjonijiet kollha ta' armi lill-partijiet fil-kunflitt, peress li dan huwa inkompatibbli mal-Pożizzjoni Komuni tal-UE dwar il-kontrolli fuq l-esportazzjoni tal-armi; jikkritika, b'mod partikolari, il-ftehimiet mħabbra reċentement dwar l-esportazzjoni militari ta' Franza u tar-Renju Unit mal-Arabja Sawdija;
8. Jistieden lin-naħat kollha sabiex jiżguraw il-protezzjoni taċ-ċivili u jżommu lura milli jattakkaw infrastruttura ċivili, b'mod partikolari faċilitajiet mediċi u sistemi tal-ilma; jappella sabiex il-qtil ta' persuni ċivili jkun investigat b'mod indipendenti u imparzjali bħala attakki possibbilment sproporzjonati jew mingħajr distinzjoni, li l-konklużjonijiet ta' kwalunkwe investigazzjoni jiġu ppubblikati, u li jitressqu quddiem il-ġustizzja fi proċessi ġusti dawk li jkunu suspettati li huma responsabbli għal ksur serju tal-liġijiet tal-gwerra; jenfasizza li l-vittmi kollha ta' attakki illegali u l-familji tagħhom għandhom jirċievu kumpens sħiħ;
9. Iħeġġeġ lill-partijiet kollha jippermettu aċċess bla restrizzjonijiet għall-ħaddiema umanitarji u ta' għajnuna sabiex l-għajnuna vitali tkun tista' tingħata immedjatament lill-persuni l-aktar vulnerabbli; jenfasizza li t-tiċħid b'mod arbitrarju għall-aċċess umanitarju u li ċ-ċittadini jiġu mċaħħda minn oġġetti li huma indispensabbli għas-sopravivenza tagħhom jikkostitwixxu ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali;
10. Jappella għal investigazzjoni internazzjonali indipendenti dwar l-allegat ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali;
11. Jenfasizza li jista' jkun hemm biss soluzzjoni politika, inklużiva u nnegozjata għall-kunflitt; iħeġġeġ, għalhekk, lill-partijiet Jemeniti kollha jaħdmu biex isolvu d-differenzi ta' bejniethom permezz ta' djalogu, kompromess u l-kondiviżjoni tal-poter, li jwasslu għall-formazzjoni ta' gvern ta' unità nazzjonali sabiex jerġa' jkun hemm il-paċi, jiġi evitat kollass ekonomiku u finanzjarju, u tiġi indirizzata l-katastrofi umanitarja pendenti;
12. Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-isforzi tan-NU u tal-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Jemen, Ismail Ould Cheikh Ahmed, biex jinnegozjaw negozjati ta' paċi bejn il-partijiet; jappoġġa l-isforzi tal-Oman fil-kisba ta' waqfien mill-ġlied bejn il-Houthi u forzi leali għall-Gvern tal-Jemen bħala l-ewwel pass lejn soluzzjoni politika nnegozjata;
13. Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, flimkien mal-Istati Membri, tiġbor b'urġenza appoġġ fi ħdan in-NU għal pjan internazzjonali kbir li jiżgura l-provvista tal-ilma tal-Jemen, peress li, apparti li din il-miżura hija meħtieġa b'mod assolut, tista' tkun deċiżiva biex potenzjalment iġġib f'konkluzjoni b'suċċess proċess ta' paċi, u tagħti lill-popolazzjoni l-prospett li tista' ttejjeb l-agrikoltura, titma' lilha nnifisha u terġa' tibni l-pajjiż;
14. Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-attakki terroristiċi imwettqa mill-IS/Da'esh kontra l-moskej Xiiti f'San'a u Saada, li qatlu u darbu mijiet ta’ persuni; iwissi kontra l-periklu ta' tixrid tal-ideoloġija settarja estrema li hija l-bażi tal-azzjonijiet kriminali tal-IS/Da'esh;
15. Huwa allarmat bl-abbiltà tal-AQAP li tibbenefika mis-sitwazzjoni politika u ta' sigurtà li sejra għall-agħar fil-Jemen; iħeġġeġ lill-partijiet kollha fil-kunflitt juru impenn sod u determinazzjoni għall-ġlieda kontra gruppi terroristiċi u estremisti bħall-IS/Da'esh u l-AQAP, bħala kwistjoni tal-ogħla prijorità; iwissi li kwalunkwe attentat biex jiġu strumentalizzati dawn il-gruppi alleati fil-ġlieda kontra dawk li jitqiesu bħala għedewwa se jkun kontroproduċenti u jista' jwassal għal aktar instabbiltà, tixrid ta' demm settarju u destabbilizzazzjoni fil-pajjiżi ġirien;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Jemen, lill-Gvernijiet tal-Jemen u tar-Renju tal-Arabja Sawdija, u lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf u l-Lega tal-Istati Għarab.