Dokument ta' sessjoni
6.7.2015 B8‑0682/2015
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen
( 2015/2760(RSP) )
Marietje Schaake, Nedzhmi Ali, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Gérard Deprez, Marielle de Sarnez, Martina Dlabajová, José Inácio Faria, Antanas Guoga, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk, Alexander Graf Lambsdorff, Louis Michel, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Hannu Takkula, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen
f'isem il-Grupp ALDE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen
( 2015/2760(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Jemen,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, dwar il-Jemen, b'mod partikolari dik tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar il-possibilità li jitkomplu t-taħditiet immexxija min-NU dwar il-Jemen f'Ġinevra fl-14 ta' Ġunju, u d-dikjarazzjoni konġunta mill-VP/RGħ u lill-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Stylianides, tal-11 ta' Mejju 2015 dwar proposta ta' tregwa fil-Jemen,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar il-Yemen, b'mod partikolari dawk tal-20 ta' April 2015,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' April 2015 dwar ''Il-Yemen: l-UE timplimenta s-sanzjonijiet tan-NU kontra l-mexxej Houthi u iben l-ex President Saleh'',
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni għall-istampa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-2 ta' Ġunju 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Yemen,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Paċi u Sħubija Nazzjonali tal-21 ta' Settembru 2014, l-Eżiti tal-Konferenza Nazzjonali għad-Djalogu tal-25 ta' Jannar 2014 u l-inizjattiva tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf tal-21 ta' Novembru 2011,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet Nru 2051 (2012), 2201 (2015), 2204 (2015) u 2216 (2015) u 2216 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-eskalazzjoni riċenti tal-vjolenza fil-Jemen, l-intervent militari mmexxi mill-Arabja Sawdija, inkluż l-użu ta' cluster bombs, u l-isfidi kontinwi politiċi, ekonomiċi u umanitarji u dawk tas-sigurtà, li jaffettwaw il-popolazzjoni madwar il-pajjiż, għandhom implikazzjonijiet serji għar-reġjun u jikkostitwixxu theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali; billi l-popolazzjoni ċivili Jemenita, li diġà hija affettwata minn kundizzjonijiet ta' ħajja terribbli, hija l-vittma ewlenija tal-eskalazzjoni militari attwali;
B. billi l-impatt umanitarju fuq il-popolazzjoni ċivili tal-ġlied kontinwu bejn il-milizzji differenti, il-bombardamenti u l-interruzzjoni ta' servizzi essenzjali qed jilħqu livelli allarmanti;
C. billi l-kunflitt prinċipali fil-Jemen huwa bejn dawk leali lejn il-President imkasbar, Abd-Rabbu Mansour Hadi, u dawk alleati mar-ribelli Xiiti Zaidi magħrufa bħala l-Houthis; billi l-President Hadi u l-Houthis huma opposti minn Al-Qaeda fil-Peniżola Għarbija (AQAP), li għamlet bosta attakki qerrieda mill-fortizzi tagħha fin-Nofsinhar u x-Xlokk; billi l-Jemen hu meqjus bħala l-isfond għal konflitt usa' li jidher li huwa gwerra ''bi prokura'' bejn Stati Musulmani Sunniti bħall-Arabja Sawdija u l-Iran Xiita; billi fil-25 ta' Marzu 2015 il-President Hadi ħarab lejn l-Arabja Sawdija; billi l-fergħa ta' Al Qaeda fil-Jemen qed tiggwadanja mill-kunflitt;
D. billi, mis-26 ta' Marzu 2015, koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija li tinkludi l-Baħrejn, l-Eġittu, il-Ġordan, il-Kuwajt, il-Marokk, il-Qatar, is-Sudan u l-Emirati Għarab Magħquda qed tintervjeni militarment fil-pajjiż, billi tattakka mill-ajru miri Houthi u, b'hekk, tappoġġja tal-Gvern tal-Jemen rikonoxxut internazzjonalment fil-ġlieda tiegħu kontra r-ribelli appoġġjati mill-Houthi; billi l-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija allegatament qed tuża l-cluster bombs, li huma pprojbiti, u billi dan qed jiġi investigat attwalment mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem;
E. billi skont in-NU kważi 5 000 ruħ inqatlu u madwar 10 000 ruħ ġew midruba minn mindu bdiet il-kampanja ta' attakki bil-bombi mmexxija mill-Arabja Sawdija, ħafna minnhom ċivili, b'mijiet ta' nisa u tfal fost il-vittmi;
F. billi fl-1 ta' Lulju 2015 in-NU iddikjarat il-Jemen bħala emerġenza tat-tielet livell, l-ogħla fuq l-iskala; billi, skont il-pjan ta' emerġenza, in-NU se tipprova tilħaq 11.7 miljun ruħ l-aktar fil-bżonn; billi s-sistema tas-saħħa jingħad li qed tiffaċċja ''kollass imminenti'', bl-għeluq ta' mill-inqas 160 faċilità tas-saħħa, minħabba n-nuqqas ta' sigurtà, in-nuqqas ta' fjuwil u ta' provvisti;
G. billi l-organizzazzjonijiet umanitarji rrelokaw ħafna mill-persunal internazzjonali barra l-Jemen minħabba s-sitwazzjoni ta' sigurtà li qiegħda tiddeterjora; billi l-imblokk tal-ajru u tal-baħar qed jirrestrinġi l-importazzjonijiet ta' fjuwil u provvisti tal-ikel, kif ukoll għajnuna umanitarja kruċjali; billi ċ-ċaħda arbitrarja ta’ aċċess umanitarju u ċ-ċaħda liċ-ċittadini minn oġġetti indispensabbli għas-sopravivenza tagħhom jikkostitwixxu vjolazzjonijiet tal-liġi umanitarja internazzjonali;
H. billi l-Jemen hu wieħed mill-ifqar pajjiżi fil-Lvant Nofsani, b'rati għolja ta' qgħad, illitteriżmu u nuqqas ta’ servizzi bażiċi; billi 20 miljun ruħ bħalissa jinsabu fil-bżonn ta' għajnuna umanitarja, inkluż madwar 9.4 miljun tifel u tifla Jemeniti, ’il fuq minn 250 000 refuġjat u 335 000 persuna spostata internament;
I. billi, skont organizzazzjonijiet internazzjonali, il-grupp armat Houthi intensifika r-reklutaġġ, it-taħriġ u l-istazzjonament tiegħu ta' tfal fil-Jemen, u b'hekk kiser il-liġi internazzjonali; billi, skont l-UNICEF, it-tfal jiffurmaw sa terz mill-ġellieda kollha fil-Jemen, u tal-anqas 140 minnhom ġew reklutati bejn is-26 ta' Marzu u l-24 ta' April 2015 biss; billi fl-2014 ġie kkonformat li 156 tifel u tifla ġew reklutati u użati fi gruppi armati; billi fl-2015 in-numru diġà rdoppja; billi, skont l-UNICEF, sas-16 ta' Ġunju 2015, in-numru ta' tfal li nqatlu kien erba' darbiet aktar min-numru ta' tfal li nqatlu fl-2014;
J. billi l-belt antika ta' San'a, Sit ta' Wirt Dinji li huwa s-simbolu ta' storja millenarja ta' għarfien, u l-belt antika ta' Marib ġew ibbumbardjati u din tal-aħħar inqerdet kompletament b'attakk mill-ajru; billi din il-qerda seħħet biss ġimgħa wara li l-Mużew Nazzjonali f'Dhamar, li kien fih madwar 12 500 oġġett li jixhdu l-wirt kulturali għani tar-reġjun, ġie meqrud; billi bosta siti storiċi oħra qed isofru danni kollaterali mill-kunflitt armat fil-Jemen; billi l-atti ta' qerda tal-wirt arkeoloġiku u kulturali ġew ikkunsidrati, taħt ċerti ċirkostanzi, bħala delitti kontra l-umanità u ''tindif kulturali'', u dawn jammontaw għal delitt tal-gwerra skont l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;
K. billi l-attakk mill-ajru mwettaq fit-30 ta' Marzu 2015 mill-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija fuq il-kamp Al-Marzaq f'Hajjah, li prinċipalment ospita persuni spostati, qatel mill-inqas 40 ruħ, u billi 29 persuna laħqu mietu sal-mument meta l-għajnuna medika laħqithom, fosthom nisa u tfal, u mill-inqas 200 ruħ indarbu;
L. billi diversi moskej ntlaqtu f'serje ta' splużjonijiet ikkawżati mill-ISIS/Daesh fis-17 ta' Ġunju 2015 fil-kapitali tal-Jemen, San'a, li rriżulta f'għexieren ta' perusi midruba; billi l-attakki bil-karozzi bomba qatlu jew korrew mill-inqas 50 ruħ qrib moskej u laqtu l-kwartieri ġenerali tal-grupp Houthi dominanti tal-Jemen f'San'a; billi dan l-attakk huwa l-iktar serju tax-xorta tiegħu fil-Jemen mindu qattiela suwiċidi bil-bombi qatlu tal-anqas 137 fidil u korrew mijiet ta' persuni matul it-talb ta' nhar ta' Ġimgħa f'żewġ moskej f'San'a fl-20 ta' Marzu 2015, f'attakki li għalihom anki l-ISIS/Daesh ħadu r-responsabilità;
M. billi fil-15 ta' Ġunju 2015, fid-dawl ta' taħditiet tal-paċi tan-NU, is-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon appella għal pawża umanitarja mġedda għal mill-inqas ġimagħtejn matul ir-Ramadan, li jippermetti li għajnuna kritika tilħaq il-Jemeniti kollha fil-bżonn; billi, madankollu, ma ntlaħaq l-ebda qbil; billi fid-19 ta' Ġunju 2015 il-partijiet belliġeranti tal-Jemen naqsu milli jilħqu ftehim ta' waqfien mill-ġlied matul taħditiet diplomatiċi nnegozjati mill-Mibgħut Speċjali tan-NU Ismail Ould Cheikh Ahmed;
N. billi l-poplu Jemenit jixirqulu istituzzjonijiet demokratiċi u unitarji li jikkorrispondu mal-aspirazzjonijiet leġittimi tiegħu; billi l-kunflitt fil-Jemen għandu għeruq fil-fond f'sentimenti ta' abbandun, inugwaljanza u faqar, li ggravaw il-qasmiet tribali u reġjonali profondi li jifirdu s-soċjetà Jemenita;
O. billi, fl-2015, id-dipartiment għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili (ECHO) tal-Kummissjoni Ewrope alloka EUR 25 miljun biex jgħin lill-komunitajiet madwar il-pajjiż affettwat minn malnutrizzjoni akuta, kunflitt u spostament furzat; billi, fl-2014, il-finanzjament totali mill-UE, mill-Istati Membri u l-Kummissjoni flimkien, għal għajnuna umanitarja fil-Jemen kienu jammontaw għal EUR 100.8 miljun, li minnhom EUR 33 miljun kienu mill-ECHO;
P. billi l-Unjoni Ewropea imponiet embargo fuq l-armi u sanzjonijiet immirati oħra kontra l-mexxej Houthi u iben l-ex President Saleh, li jirrifletti d-deċiżjoni meħuda fir-Riżoluzzjoni 2216 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-14 ta' April 2015; billi żewġ individwi oħra Jemeniti ġew suġġetti għal projbizzjoni tal-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi minħabba l-azzjonijiet tagħhom kontra l-paċi u l-istabilità fil-Jemen;
Q. billi l-komunità internazzjonali għandha tagħti risposta propozjonata għall-isforzi militari, bl-iskop li ttaffi t-tbatija taċ-ċivili maqbudin fil-kunflitt; billi l-ġustizzja u r-rikonċiljazzjoni ser ikunu meħtieġa bħala parti mill-miżuri ta' wara l-kunflitt u bħala pass lejn il-bini ta' governanza inklużiva, rappreżentattiva u demokratika; billi s-sitwazzjoni umanitarja se tkompli tiddeterjora fin-nuqqas ta' soluzzjoni politika;
1. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-ġlied kontinwu u s-sitwazzjoni fil-Jemen li qed tiddeterjora b'rata mgħaġla, kemm dik politika, umanitarja u tas-sigurtà, u li qed tirriżulta f'numru sinifikanti ta' mwiet u qed tikkawża qerda ta' djar u tal-infrastruttura, u spostament furzat fil-pajjiż kollu, b'riskji gravi għall-istabilità tar-reġjun, b'mod partikolari għal dik tal-Qarn tal-Afrika, il-Baħar l-Aħmar u firxa usa' tal-Lvant Nofsani u f'termini tal-abilità ta' Al-Qaeda fil-Peniżola Għarbija (AQAP) u l-ISIS li jibbenefikaw mis-sitwazzjoni fil-Jemen; jesprimi l-kondoljanzi profondi tiegħu lill-vittmi ta' kunflitt tal-Jemen u jtenni l-impenn qawwi tiegħu biex ikompli jappoġġja t-tranżizzjoni fil-Jemen u lill-poplu Jemenit;
2. Jikkundanna bl-aktar termini qawwija l-mewġa reċenti ta' vjolenza u attakki terroristiċi mill-Houthis u unitajiet militari oħra leali lejn l-ex President Saleh, li qed jaggravaw u jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni diġà fraġli fil-pajjiż; jikkundanna l-attakki fuq sptarijiet u faċilitajiet mediċi, speċjalment dawk taħt l-istatus ta' protezzjoni speċjali, u l-immirar intenzjonat u l-qerda ta' djar privati, faċilitajiet tal-edukazzjoni u infrastruttura bażika; jikkundanna r-reklutaġġ u l-użu tat-tfal mill-partijiet tal-konflitt;
3. Iħeġġeġ il-partijiet Jemeniti kollha, b'mod partikolari l-Houthis, itemmu l-vjolenza minnufih u mingħajr kundizzjonijiet, biex jeħilsu b'mod sikur lill-priġunieri politiċi kollha u l-individwi kollha taħt arrest domiċiljari jew f'detenzjoni arbitrarja u biex itemmu r-reklutaġġ u l-użu tat-tfal;
4. Iħeġġeġ lill-partijiet kollha jirrispettaw il-liġi umanitarja internazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem internazzjonali u biex jiffaċilitaw l-għoti ta' għajnuna umanitarja b'mod urġenti, kif ukoll aċċess rapidu, sikur u bla xkiel lill-atturi umanitarji għall-persuni fil-bżonn ta' għajnuna umanitarja, inkluża l-għajnuna medika, f'konformità mal-prinċipji ta' imparzjalità, newtralità u indipendenza;
5. Jappoġġja l-isforzi tal-Mibgħut Speċjali tan-NU Ismail Ould Cheikh Ahmed u jħeġġeġ lill-partijiet kollha jilħqu ftehim dwar waqfien mill-ġlied lokali, bl-irtirar ta' gruppi armati mill-ibliet, u jsibu t-triq lejn waqfien mill-ġlied komprensiv u dejjiemi fil-pajjiż kollu;
6. Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' ftehim dwar it-taħditiet ta' paċi nnegozjati man-NU u jħeġġeġ lill-partijiet kollha involuti joħolqu l-kundizzjonijiet għar-ritorn malajr kemm jista' jkun, mingħajr prekundizzjonijiet u b'rieda tajba, għal konsultazzjonijiet politiċi inklużivi man-NU; jenfasizza li konsensus politiku wiesa' biss miksub permezz ta' negozjati inklużivi jista' jipprovdi soluzzjoni sostenibbli, jerġa' jġib lura l-paċi u jippreserva l-unità, is-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Jemen;
7. Jenfasizza l-importanza tat-tranżizzjoni Jemenita permezz tal-implimentazzjoni sħiħa tal-qafas ipprovdut minn l-Ftehim ta' Paċi u Sħubija Nazzjonali, inkluż l-anness tiegħu dwar is-sigurtà, l-Eżiti tal-Konferenza Nazzjonali għad-Djalogu u l-Inizjattiva tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf u l-Mekkaniżmu ta' Implimentazzjoni;
8. Jistieden lin-naħat kollha jiżguraw il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili bħala responsabilità primarja u biex iħarsu l-wirt kulturali matul il-kunflitt billi jevitaw immirar dirett lejn l-infrastruttura ċivili, b'mod partikolari faċilitajiet mediċi u sistemi tal-ilma u l-użu ta' binjiet ċivili għal skopijiet militari;
9. Jilqa' l-progress li sar fil-Kumitat għat-Tfassil tal-Kostituzzjoni u jistieden lill-membri kollha tal-kumitat ifasslu kostituzzjoni inklużiva u trasparenti li tissodisfa l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu Jemenit u li tirrifletti l-eżiti tal-Konferenza ta' Djalogu Nazzjonali, u biex jorganizzaw referendum dwar l-abbozz tal-kostituzzjoni u elezzjonijiet ġenerali fil-ħin, sabiex jiġi evitat deterjorament ulterjuri tas-sitwazzjoni umanitarja u ta' sigurtà fil-Jemen;
10. Ifakkar fit-tħassib tieghu dwar il-fatt li l-irkupru ekonomiku fil-Jemen miexi bil-mod, u jħeġġeġ lill-atturi politiċi kollha jwettqu r-riformi ekonomiċi u politiċi tant meħtieġa, biex jimpenjaw ruħhom fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-amministrazzjoni pubblika u jtejbu l-kondizzjonijiet tal-ħajja tal-poplu Jemenit; jinnota li kwalunkwe pjan ta' riforma għandu jkun ibbażat kemm fuq approċċi fit-tul biex jiġu indirizzati nuqqasijiet strutturali u dawk fuq żmien qasir biex jiġu ttrattati kwistjonijiet urġenti li jaffettwaw il-ħajja ta' kuljum tal-poplu Jemenit;
11. Jitlob li ssir inkjesta indipendenti dwar l-allegazzjonijiet kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali u tal-liġi umanitarja internazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa ta' azzjoni umanitarja taħt it-tmexxija tan-NU; u jħeġġeġ lill-pajjiżi kollha jikkontribwixxu għall-indirizzar tal-ħtiġijiet umanitarji;
12. Iħeġġeġ lill-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija biex tieqaf mill-użu ta' cluster bombs ipprojbiti li huma ta' ħsara għall-persuni ċivili, u biex tirratifika l-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonijiet Dispersivi, li tipprojbixxi l-użu tagħhom;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tal-Jemen, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt fil-Jemen.