Dokument ta' sessjoni
7.7.2015 B8‑0717/2015
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-President
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar il-kommemorazzjoni ta' Srebrenica
( 2015/2747(RSP) )
Charles Tannock, Ryszard Antoni Legutko, Ryszard Czarnecki, Anna Elżbieta Fotyga, Tomasz Piotr Poręba, Ruža Tomašić, Zdzisław Krasnodębski, Raffaele Fitto
f'isem il-Grupp ECR
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kommemorazzjoni ta' Srebrenica
( 2015/2747(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2005 dwar Srebrenica[1],
− wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2009 dwar Srebrenica[2],
− wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, iffirmat fil-Lussemburgu fis-16 ta' Ġunju 2008, u l-prospettiva ta' sħubija mal-UE mogħtija lill-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent waqt is-Summit tal-UE f'Tessaloniki fl-2003,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, fil-11 ta' Lulju 1995, il-belt Bożnijaka mingħajr kosta ta' Srebrenica, li kienet ġiet iddikjarata żona sikura mir-riżoluzzjoni 819 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tas-16 ta' April 1993, waqgħet f'idejn il-forzi Serbi Bożnijaċi mmexxija mill-Ġeneral Ratko Mladić, li aġixxa taħt l-awtorità tal-ex President tar-Repubblika Srpska, Radovan Karadžić;
B. billi, matul bosta ġranet ta' qtil bla rażan wara l-waqgħa ta' Srebrenica, aktar minn 8 000 raġel u tifel Musulman inqatlu sommarjament u sistematikament u ndifnu f'oqbra tal-massa mill-forzi Serbi Bożnijaċi mmexxija mill-Ġeneral Mladić (l-Armata tar-Republika Srprska) u minn unitajiet paramilitari, inklużi unitajiet tal-pulizija irregolari Serba li kienu daħlu f'territorju Bożnijaku mis-Serbja meta din iż-żona kellha tkun taħt il-protezzjoni tal-Forza ta' Protezzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (UNPROFOR), irrappreżentata fil-post minn kontinġent ta' 400 suldat għaż-żamma tal-paċi; billi kważi 25 000 mara, tifel u tifla u anzjan ġew deportati bil-forza u ħafna nisa ġew stuprati, u għalhekk din il-ġrajja hija l-akbar massakru tal-gwerra li rat l-Ewropa minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija;
C. billi din ir-traġedja, li ġiet iddikjarata att ta' ġenoċidju mit-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugoslavja (ICTY), seħħet f'reġjun li kien iddikjarat bħala post sikur min-NU, u għalhekk tibqa' simbolu tal-falliment tal-komunità internazzjonali li tevita l-massakru u tintervjeni malajr sabiex tipproteġi l-popolazzjoni ċivili;
D. billi twettaq ksur ripetut tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra mill-forzi Serbi Bożnijaċi kontra l-popolazzjoni ċivili ta' Srebrenica, inklużi deportazzjonijiet ta' eluf ta' nisa, tfal u anzjani u l-istupru ta' għadd kbir ta' nisa;
E. billi, minkejja l-isforzi enormi li saru biex jinstabu u jiġu eżumati oqbra individwali u tal-massa u biex jiġu identifikati l-vittmi, it-tiftix li sar ma ppermettiex li ssir rikostruzzjoni sħiħa tal-massakru f'Srebrenica u fl-inħawi tagħha;
F. billi ma jistax ikun hemm paċi vera mingħajr ġustizzja, u billi kooperazzjoni sħiħa u mingħajr restrizzjonijiet mal-ICTY tibqa' rekwiżit bażiku għal kontinwazzjoni ulterjuri tal-proċess ta' integrazzjoni fl-UE għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent;
G. billi l-Ġeneral Radislav Krstić tal-armata Bożnijaka kien l-ewwel persuna li nstabet ħatja mill-ICTY li għenet u ħeġġet il-ġenoċidju ta' Srebrenica, billi Ratko Mladić ġie arrestat fis-26 ta' Mejju 2011 u l-verdett tal-proċess tiegħu huwa mistenni lejn tmiem l-2015, u billi l-proċedimenti kontra Radovan Karadžić għadhom għaddejjin;
H. billi l-istituzzjonalizzazzjoni ta' jum ta' tifkira hija l-aħjar mod kif jingħata ġieħ lill-vittmi tal-ġenoċidju u kif jintbagħat messaġġ ċar lill-ġenerazzjonijiet futuri;
1. Jikkundanna bil-qawwa l-massakru ta' Srebrenica; jonora mill-qalb lill-vittmi kollha tal-atroċitajiet u jagħti l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familji tal-vittmi, li ħafna minnhom qed jgħixu mingħajr konferma finali tad-destin ta' missirijiethom, it-tfal tagħhom, żewġhom jew ħuthom; jilqa' l-arrest ta' mexxejja ewlenin tal-massakru ta' Srebrenica, iżda jiddispjaċih li ċertu numru ta' awturi ma tressqux il-qorti; għalhekk, jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-ħidma siewja u diffiċli tal-ICTY, li diġà ta l-verdett finali tiegħu għal 147 minn dawk akkużati u għadu qed jaħdem rigward proċedimenti li għaddejjin għal 14-il akkużat ieħor;
2. Jistieden lill-Istati Membri u lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent ifakkru kif xieraq l-għoxrin anniversarju tal-att ta' ġenoċidju ta' Srebrenica-Potočari billi jappoġġaw l-istabbiliment tal-11 ta' Lulju bħala l-jum ta' kommemorazzjoni tal-ġenoċidju ta' Srebrenica madwar l-UE kollha; iħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġaw inizjattivi ta' NGOs sabiex ikun żgurat li l-kommemorazzjonijiet isriu fuq skala xierqa; jilqa' s-serjetà u s-sodizza tal-jum ta' kommemorazzjoni fir-Renju Unit permezz ta' kollaborazzjoni xierqa bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-NGO 'Remembering Srebrenica';
3. Jilqa' r-rikonoxximent tal-massakru mill-awtoritajiet Serbi u l-apoloġija pubblika uffiċjali tagħhom permezz tal-adozzjoni ta' riżoluzzjoni speċjali fl-2010; jissottolinja l-fatt li s-Serbja tellgħet il-qorti lil dawk responsabbli mill-massakru, u dan kien pass kruċjali lejn il-paċi u l-istabbiltà fir-reġjun; jistieden lill-awtoritajiet l-oħra fir-reġjun biex jirrikonoxxu l-ġenoċidju legalment sabiex tissaħħaħ ir-rikonċiljazzjoni reġjonali, li hija waħda mill-prerekwiżiti ewlenin għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent biex jimxu 'l quddiem fit-triq lejn l-UE;
4. Jenfasizza r-rwol importanti tal-komunitajiet reliġjużi, il-media u s-sistema tal-edukazzjoni fil-proċess ta' rikonċiljazzjoni, u għalhekk jistieden lill-pajjiiż tal-Balkani tal-Punent isaħħu l-programmi ta' żvilupp li jlaqqgħu lil komunitajiet differenti sabiex jegħlbu t-tensjonijiet tal-imgħoddi u jibdew koeżistenza paċifika u sinċiera fl-interess ta' paċi, stabbiltà u tkabbir ekonomiku dejjiema;
5. Jiddispjaċih ferm li l-mexxej Serb Bożnijaku Milorad Dodik talab il-veto tar-Russja biex jikkomprometti l-adozzjoni ta' riżoluzzjoni tan-NU dwar Srebrenica li ġiet abbozzata mir-Renju Unit, li kienet tirrifletti fuq il-falliment tan-NU li tevita l-ġenoċidju u tikkommemora l-vittmi tal-ġenoċidju u dawk li batew fuq iż-żewġ naħat fil-gwerra; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi Bożnijaċi jevitaw kull eskalazzjoni ulterjuri tat-tensjonijiet u jirrikonoxxu uffiċjalment il-massakru ta' Srebrenica bħala att ta' ġenoċidju, meta jitqies li din l-atroċità – l-agħar waħda mit-Tieni Gwerra Dinjija – diġà ġiet iddikjarata bħala tali mill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja u l-ICTY;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bożnija-Ħerzegovina u lill-entitajiet tiegħu, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.