Dokument ta' sessjoni

 

7.7.2015                                                                                                                  B8‑0718/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-President

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar il-kommemorazzjoni ta' Srebrenica

( 2015/2747(RSP) )

Ivan Jakovčić, Jozo Radoš, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Marielle de Sarnez, Juan Carlos Girauta Vidal, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Marietje Schaake, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl

f'isem il-Grupp ALDE

 

B8‑0718/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kommemorazzjoni ta' Srebrenica

( 2015/2747(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2009 dwar Srebrenica[1],

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, iffirmat fil-Lussemburgu fis-16 ta' Ġunju 2008 u rratifikat mill-Istati Membri kollha,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Bożnija-Ħerzegovina tas-16 ta' Marzu 2015,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 827 (1993), 1551 (2004) u 1575 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi, fil-11 ta' Lulju 1995, il-belt ta' Srebrenica fil-Lvant tal-Bożnija, li kienet ġiet iddikjarata żona sikura mir-riżoluzzjoni 819 (1993) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, waqgħet f'idejn il-forzi mmexxija mill-Ġeneral Ratko Mladić, li aġixxa taħt l-awtorità tal-ex President tar-Repubblika Srpska, Radovan Karadžić;

B.     billi, matul bosta ġranet ta' qtil bla rażan wara l-waqgħa ta' Srebrenica, aktar minn 8 000 raġel u tifel Musulman, li fittxew is-sikurezza f'din iż-żona taħt il-protezzjoni tal-Forza ta' Protezzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (UNPROFOR), inqatlu sommarjament mill-forzi Serbi Bożnijaċi mmexxija mill-Ġeneral Mladić u minn unitajiet paramilitari, inklużi unitajiet tal-pulizija irregolari; billi kważi 30 000 nisa, tifel u tifla u anzjan tkeċċew bil-forza f'kampanja ta' tindif etniku fuq skala enormi, u għalhekk din il-ġrajja tirrappreżenta l-akbar delitt tal-gwerra li seħħ fl-Ewropa minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija;

C.     billi din it-traġedja, li ġiet iddikjarata att ta' ġenoċidju mit-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugoslavja (ICTY), seħħet f'żona li kienet iddikjarata bħala post sikur min-NU, u għalhekk tibqa' simbolu tal-impotenza tal-komunità internazzjonali li tintervjeni fil-kunflitt u tipproteġi lill-popolazzjoni ċivili innoċenti;

D.     billi twettaq ksur ripetut tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra kontra l-popolazzjoni ċivili ta' Srebrenica, inklużi deportazzjonijiet ta' eluf ta' nisa, tfal u anzjani u l-istupru ta' għadd kbir ta' nisa;

E.     billi, minkejja l-isforzi li saru biex jinstabu u jiġu eżumati oqbra individwali u tal-massa, l-iġsma ta' kważi 1 200 raġel u tifel minn Srebrenica għadhom ma nstabux u ma ġewx identifikati;

F.     billi, fit-30 ta' Jannar 2015 l-ICTY ikkonferma s-sentenzi ta' ħames uffiċjali għoljin tal-armata Serba Bożnijaka li nstabu ħatja tal-involviment tagħhom fit-traġedja ta' Srebrenica tal-1995; billi din hija l-ewwel sentenza finali għal ġenoċidju; billi wħud mill-uffiċjali li nstabu ħatja rrapportaw direttament lill-ex mexxej tal-armata Ratko Mladić, li attwalment għaddej proċess kontrih fl-ICTY;

G.     billi n-nuqqasijiet tal-mekkaniżmi ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE u n-nuqqas ta' politika barranija u ta' sigurtà komuni ġenwina kellhom ukoll rwol negattiv fil-mod kif żvolġew il-ġrajjiet;

1.      Jikkommemora u jonora l-vittmi tal-atroċitajiet li seħħew matul il-gwerer fl-ex Jugoslavja; jagħti l-kondoljanzi u s-solidarjetà tiegħu lill-familji tal-vittmi;

2.      Jenfasizza li l-prevenzjoni f'waqtha u l-ikkastigar effikaċi ta' ġenoċidji u delitti kontra l-umanità għandhom ikunu fost il-prijoritajiet ewlenin tal-UE;

3.      Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu ħilithom kollha biex tali atti mostrużi ma jseħħu qatt iżjed fl-Ewropa;

4.      Jisħaq fuq l-importanza ta' politiki ta' rikonċiljazzjoni, u jenfasizza r-rwol importanti tal-awtoritajiet reliġjużi, il-media u s-sistemi tal-edukazzjoni f'dan il-proċess diffiċli;

5.      Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex, fi żmien qrib l-anniversarju tat-traġedja ta' Srebrenica-Potočari, itennu l-impenn tal-UE favur il-prospettiva Ewropea tal-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent u l-appoġġ għall-proċess ta' adeżjoni, anke permezz tal-faċilitazzjoni ta' aktar kooperazzjoni reġjonali;

6.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bożnija-Ħerzegovina u lill-entitajiet tiegħu, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.

 

[1] ĠU C 46 E, 24.2.2010, p. 111.