Dokument ta' sessjoni

 

7.7.2015                                                                                                                  B8‑0719/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-President

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

dwar il-kommemorazzjoni ta’ Srebrenica

( 2015/2747(RSP) )

Gianni Pittella, Tanja Fajon, Knut Fleckenstein, Richard Howitt, Afzal Khan, Martina Werner, Jakob von Weizsäcker, Neena Gill, Daniele Viotti, Ulrike Rodust, Enrico Gasbarra, Hugues Bayet, Evelyne Gebhardt, Jude Kirton-Darling, Marlene Mizzi, Brando Benifei, Jeppe Kofod, Constanze Krehl, Flavio Zanonato, Tibor Szanyi, Theresa Griffin, Kati Piri, Liisa Jaakonsaari, Agnes Jongerius, Costas Mavrides, Roberto Gualtieri, Jutta Steinruck, Maria Grapini, Tonino Picula, Ana Gomes, Pier Antonio Panzeri, Arne Lietz, Elena Valenciano, Anneliese Dodds, Miltiadis Kyrkos, Vincent Peillon, Francisco Assis, Julie Ward, José Blanco López, Miriam Dalli, Doru-Claudian Frunzulică, Vilija Blinkevičiūtė, Krystyna Łybacka, Marc Tarabella, Nicola Caputo, Luigi Morgano, Miroslav Poche, Eric Andrieu, Goffredo Maria Bettini, Zigmantas Balčytis, Elena Gentile, Péter Niedermüller, Demetris Papadakis, Pavel Poc, Damiano Zoffoli, Sergio Gutiérrez Prieto, Christel Schaldemose, Biljana Borzan

f'isem il-Grupp S&D

 

B8‑0719/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kommemorazzjoni ta’ Srebrenica

( 2015/2747(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-7 ta’ Lulju 2005[1] u tal-15 ta’ Jannar 2009[2] dwar Srebrenica,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, iffirmat fil-Lussemburgu fis-16 ta’ Ġunju 2008 u li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2015,

–       wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li jirrikonoxxi d-dritt ta’ kulħadd għall-ħajja, il-libertà u s-sigurtà tal-persuna u għal-libertà tal-ħsieb, il-kuxjenza u r-reliġjon,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.     billi l-11 ta’ Lulju 2015 jaħbat l-20 anniversarju tal-att ta’ ġenoċidju u tindif etniku li seħħ f’Srebrenica u madwarha matul il-gwerra tal-Bożnija;

B.     billi dawn ir-reati, imwettqa mill-unitajiet tal-armata tar-Republika Srpska taħt il-kmand tal-Ġeneral Ratko Mladić u taħt id-direzzjoni tal-President ta’ dak iż-żmien tar-Republika Srpska, Radovan Karadžić, jipprovdu tfakkira ġdida tal-perikli tal- forom estremi ta’ nazzjonaliżmu u intolleranza fis-soċjetà, aggravati ulterjorment fil-qafas ta’ gwerra;

C.     billi l-avvenimenti traġiċi ta’ Srebrenica ħallew feriti emozzjonali profondi fis-superstiti u ħolqu ostakli persistenti għar-rikonċiljazzjoni politika fost il-gruppi etniċi fil-Bożnija-Ħerzegovina;

D.     billi l-massakru ta’ Srebrenica, li ġie ddikjarat bħala att ta’ ġenoċidju mit-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja (ICTY), seħħ f'reġjun li kien iddikjarat bħala post sikur min-NU, u għalhekk jibqa’ simbolu tal-impotenza tal-komunità internazzjonali li tintervjeni fil-kunflitt u tipproteġi b’mod effikaċi lill-popolazzjoni ċivili innoċenti;

E.     billi l-UE hija mibnija fuq koeżistenza paċifika u kooperazzjoni sinċiera bejn il-membri tagħha; billi waħda mill-motivazzjonijiet ewlenin għall-moviment ta’ unifikazzjoni Ewropea hija r-rieda li ma nħallux il-gwerer u d-delitti kontra l-umanità jerġgħu jseħħu fl-Ewropa;

1.      Ifakkar u jonora l-vittmi kollha tal-atroċitajiet ta’ Srebrenica-Potočari; jesprimi s-solidarjetà sinċiera tiegħu lill-familji tal-vittmi;

2.      Jiddikjara bil-qawwa li dan id-delitt orribbli qatt m’għandu jerġa’ jiġri;

3.      Jenfasizza li l-prevenzjoni u l-ikkastigar effikaċi ta’ ġenoċidji u delitti kontra l-umanità għandhom ikunu fost il-prijoritajiet ewlenin tal-UE u tal-komunità internazzjonali;

4.      Jenfasizza l-importanza kbira tar-rikonċiljazzjoni għall-futur tar-reġjun u ta’ relazzjonijiet ta’ viċinat tajba għall-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea tal-Bożnija-Ħerzegovina u l-pajjiżi ġirien tagħha; itenni l-importanza tax-xogħol li sar mill-ICTY f’dan ir-rigward; jenfasizza l-ħtieġa li r-rappreżentanti politiċi fil-Bożnija-Ħerzegovina jagħrfu l-passat sabiex jaħdmu flimkien b’suċċess lejn futur aħjar għaċ-ċittadini kollha tal-pajjiż; jenfasizza r-rwol importanti li l-pajjiżi ġirien, l-awtoritajiet reliġjużi, is-soċjetà ċivili, l-arti, il-kultura, il-midja u s-sistemi edukattivi jistgħu jaqdu f’dan il-proċess diffiċli;

5.      Iħeġġeġ l-iżvilupp ta’ programmi edukattivi u kulturali li jippromwovu għarfien tal-kawżi ta’ tali atroċitajiet u jqajmu kuxjenza dwar il-ħtieġa li jitrawmu l-paċi u jiġu promossi d-drittijiet tal-bniedem u t-tolleranza fost ir-reliġjonijiet;

6.      Jemmen li l-kooperazzjoni reġjonali u l-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea huma l-aħjar mod biex tiġi promossa r-rikonċiljazzjoni u biex jingħelbu l-mibegħda u d-diviżjonijiet; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex, lejliet l-anniversarju ta’ dan l-att ta’ ġenoċidju, itennu l-impenn tal-UE favur il-prospettiva Ewropea tal-Bożnija-Ħerzegovina u tal-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent, jiffaċilitaw konsistentement iż-żieda fil-kooperazzjoni reġjonali u jipprovdu appoġġ għall-proċess ta’ adeżjoni;

7.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bożnija-Ħerzegovina u lill-entitajiet tiegħu, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.

 

[1] ĠU C 157 E, 6.7.2006, p. 468.
[2] ĠU C 46 E, 24.2.2010, p. 111.