Dokument ta' sessjoni
7.7.2015 B8‑0720/2015
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-President
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar il-kommemorazzjoni ta' Srebrenica
( 2015/2747(RSP) )
Miloslav Ransdorf, Kateřina Konečná, Barbara Spinelli
f'isem il-Grupp GUE/NGL
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kommemorazzjoni ta' Srebrenica
( 2015/2747(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi f'Lulju 1995, fil-belt żgħira ta' Srebrenica fil-Bożnija, li kienet ġiet ipproklamata min-NU bħala rifuġju sikur, madwar 8 000 Musulman mill-Bożnija ġew immassakkrati u eluf ta' nisa, tfal u anzjani ġew deportati bil-forza; billi dan kien l-ikbar massakru u delitt tal-gwerra li qatt sar fl-Ewropa mill-aħħar tat-Tieni Gwerra Dinjija; billi l-11 ta' Lulju 2015 jimmarka l-20 anniversarju mill-massakru;
B. billi dan l-avveniment traġiku kien il-quċċata ta' serje ta' atroċitajiet nazzjonalistiċi u attivitajiet tal-gwerra mwettqa bejn is-Serbi u l-Musulmani mill-Bożnija fil-perjodu 1992-1995;
C. billi l-qasma tal-Jugoslavja rriżultat fil-gwerra mdemmija u fl-interferenza barranija fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent; billi l-iżviluppi fil-Balkani tal-Punent f'dak iż-żmien kienu jirriflettu wkoll in-nuqqas tal-UE, tal-Istati Membri tagħha u tal-komunità internazzjonali kollha kemm huma milli joħolqu politika bil-għan li tipprevjeni l-kriżijiet;
D. billi l-avvenimenti traġiċi ta' Srebrenica ħallew feriti emozzjonali profondi fis-superstiti u ħolqu ostakli persistenti għar-rikonċiljazzjoni politika fost il-gruppi etniċi fil-Bożnija-Ħerżegovina u r-reġjun; billi, minkejja l-isforzi li saru biex jinstabu u jiġu eżumati oqbra individwali u tal-massa, l-iġsma ta' kważi 1 200 raġel u tifel minn Srebrenica għadhom ma nstabux u ma ġewx identifikati;
1. Jikkommemora u jonora l-vittmi tal-atroċitajiet; jesprimi l-kondoljanzi u s-solidarjetà tiegħu mal-familji tal-vittmi, li ħafna minnhom qed jgħixu mingħajr konferma finali tad-destin li kellhom missirijiethom, uliedhom subien, żwieġhom jew ħuthom subien;
2. Jinnota li l-massakru li seħħ 20 sena ilu f'Srebrenica jibqa' ferita miftuħa fl-istorja tar-reġjun; iħeġġeġ lill-pajjiżi u lill-komunitajiet kollha jagħmlu sforzi ulterjuri fuq it-triq tar-rikonċiljazzjoni u l-kooperazzjoni; jissottolinja l-importanza tal-programmi edukattivi li jippromwovu l-komprensjoni tal-kawżi ta' dawn l-atroċitajiet u jqajmu kuxjenza dwar il-ħtieġa li jiġu promossi d-drittijiet tal-bniedem u t-tolleranza interetnika;
3. Jikkonkludi li l-forzi internazzjonali taħt il-mandat tan-NU kellhom rwol traġiku, billi naqsu milli jipprevjenu d-delitti tal-gwerra li ġew kommessi f'Srebrenica; jikkonkludi li huwa meħtieġ jiġu żviluppati mekkaniżmi aħjar għall-prevenzjoni tal-kriżi;
4. Jappella għal aktar investigazzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-kmandanti militari tan-naħat kollha li kellhom x'jaqsmu fil-kunflitt bejn is-Serbi u l-Musulmani mill-Bożnija waqt il-perjodu 1992-1995 f'Srebrenica;
5. Jenfasizza li t-tressiq quddiem il-ġustizzja ta' dawk responsabbli għar-reati mwettqa fil-gwerra fil-Bożnija-Ħerżegovina huwa pass importanti lejn ir-rikonċiljazzjoni fir-reġjun; jinnota l-isforzi mwettqa sa issa u jiddeplora n-natura mhux kompluta tal-investigazzjonijiet f'reati mwettqa min-naħat kollha involuti, inkluż il-każ ta' Naser Oric;
6. Jinnota li, żewġ deċennji wara l-iffirmar tal-Ftehimiet ta' Dayton, problemi politiċi kruċjali jibqgħu mhux riżolti; hu tal-fehma li hija meħtieġa inizjattiva politika ġdida b'mod urġenti għall-Bożnija-Ħerżegovina u li hemm bżonn jiġi evitat approċċ etnoċentriku biex jissolvew il-problemi u jingħelbu d-differenzi bejn il-gruppi etniċi billi jinstabu soluzzjonijiet paċifiċi, vijabbli u dejjiema li jistgħu jiksbu l-appoġġ ta' kull wieħed mill-gruppi differenti fi ħdan il-Bożnija-Ħerżegovina; iqis li wasal iż-żmien li tintemm il-preżenza militari barranija fil-Bożnija-Ħerżegovina; jistieden lill-elites politiċi fil-pajjiż jassumu aktar kontabilità għall-azzjonijiet tagħhom;
7. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali; jenfasizza li r-riżoluzzjoni ta' din il-kwistjoni kruċjali hija ċ-ċavetta għall-iżvilupp stabbli fir-reġjun; jistieden lill-gvernijiet tal-pajjiżi tar-reġjun u tal-UE jirrikonoxxu li l-iżvilupp ekonomiku u soċjali huwa l-ogħla prijorità għall-popli tar-reġjun u biex jaġixxu fid-dawl ta' dan; jissottolinja l-importanza li tissaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali u transfruntiera;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bożnija-Ħerżegovina u lill-entitajiet tiegħu, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.