Dokument ta' sessjoni
7.7.2015 B8‑0721/2015
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-President
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar il-kommemorazzjoni ta' Srebrenica
( 2015/2747(RSP) )
Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao
f'isem il-Grupp EFDD
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kommemorazzjoni ta' Srebrenica
( 2015/2747(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2009 dwar Srebrenica[1],
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, iffirmat fil-Lussemburgu fis-16 ta' Ġunju 2008 u rratifikat mill-Istati Membri kollha,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Bożnija-Ħerzegovina tas-16 ta' Marzu 2015,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 827 (1993), 1551 (2004) u 1575 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, fil-11 ta' Lulju 1995, il-belt ta' Srebrenica fil-Lvant tal-Bożnija, li kienet ġiet iddikjarata żona sikura mir-riżoluzzjoni 819 (1993) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, waqgħet f'idejn il-forzi mmexxija mill-Ġeneral Ratko Mladić, li aġixxa taħt l-awtorità ta' Radovan Karadžić, il-President tar-Repubblika Srpska ta' dak iż-żmien;
B. billi, matul bosta ġranet ta' qtil bla rażan wara l-waqgħa ta' Srebrenica, aktar minn 8 000 raġel u tifel Musulman, li kienu fittxew is-sikurezza f'din iż-żona taħt il-protezzjoni tal-Forza ta' Protezzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (UNPROFOR), inqatlu sommarjament mill-forzi Serbi Bożnijaċi mmexxija mill-Ġeneral Mladić u minn unitajiet paramilitari, inklużi unitajiet tal-pulizija irregolari; billi kważi 30 000 mara, tifel u tifla u anzjan tkeċċew bil-forza f'kampanja ta' tindif etniku fuq skala enormi, u għalhekk dan l-avveniment jirrappreżenta l-akbar delitt tal-gwerra li seħħ fl-Ewropa minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija 'l hawn;
C. billi din it-traġedja, li ġiet iddikjarata att ta' ġenoċidju mit-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja (ICTY), seħħet f'żona li kienet iddikjarata bħala post sikur min-NU, u għalhekk tibqa' simbolu tal-impotenza tal-komunità internazzjonali li tintervjeni fil-kunflitt u li tipproteġi lill-popolazzjoni ċivili innoċenti;
D. billi twettaq ksur ripetut tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra kontra l-popolazzjoni ċivili ta' Srebrenica, inklużi deportazzjonijiet ta' eluf ta' nisa, tfal u anzjani u l-istupru ta' għadd kbir ta' nisa;
E. billi, minkejja l-isforzi li saru biex jinstabu u jiġu eżumati oqbra individwali u tal-massa, l-iġsma ta' kważi 1 200 raġel u tifel minn Srebrenica għadhom ma nstabux u ma ġewx identifikati;
F. billi, fit-30 ta' Jannar 2015, l-ICTY kkonferma s-sentenzi ta' ħames uffiċjali għoljin tal-armata Serba Bożnijaka li nstabu ħatja tal-involviment tagħhom fit-traġedja ta' Srebrenica tal-1995; billi din hija l-ewwel sentenza finali għal ġenoċidju; billi wħud mill-uffiċjali li nstabu ħatja kienu jirrapportaw direttament lill-ex mexxej tal-armata Ratko Mladić, li attwalment għaddej proċess kontrih fl-ICTY;
G. billi n-nuqqasijiet tal-mekkaniżmi ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE u n-nuqqas ta' politika barranija u ta' sigurtà komuni ġenwina kellhom ukoll rwol negattiv fil-mod kif żvolġew l-avvenimenti;
H. billi l-istituzzjonalizzazzjoni ta' jum ta' tifkira hija l-aħjar mod kif jingħata ġieħ lill-vittmi tal-ġenoċidju u kif jintbagħat messaġġ ċar lill-ġenerazzjonijiet futuri;
1. Jikkommemora u jonora l-vittmi tal-atroċitajiet li seħħew matul il-gwerer f'dik li kienet il-Jugoslavja; jagħti l-kondoljanzi u s-solidarjetà tiegħu lill-familji tal-vittmi;
2. Jenfasizza li l-prevenzjoni f'waqtha u l-ikkastigar effikaċi ta' ġenoċidji u delitti kontra l-umanità għandhom ikunu fost il-prijoritajiet ewlenin tal-UE;
3. Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu ħilithom kollha biex tali atti mostrużi ma jseħħu qatt iżjed fl-Ewropa;
4. Jisħaq fuq l-importanza ta' politiki ta' rikonċiljazzjoni, u jenfasizza r-rwol importanti tal-awtoritajiet reliġjużi, il-midja u s-sistemi tal-edukazzjoni f'dan il-proċess diffiċli;
5. Ifakkar fl-importanza li jkun hemm il-paċi u l-istabbiltà fir-reġjun u jemmen fl-importanza ta' kooperazzjoni reġjonali akbar;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bożnija-Ħerzegovina u lill-entitajiet tagħha, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.