Dokument ta' sessjoni
7.9.2015 B8‑0835/2015
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar il-migrazzjoni u s-sitwazzjoni tar-rifuġjati
( 2015/2833(RSP) )
Marina Albiol Guzmán, Cornelia Ernst, Martina Anderson, Malin Björk, Kostas Chrysogonos, Marie-Christine Vergiat, Barbara Spinelli, Lynn Boylan, Matt Carthy, Javier Couso Permuy, Stefan Eck, Tania González Peñas, Takis Hadjigeorgiou, Josu Juaristi Abaunz, Stelios Kouloglou, Merja Kyllönen, Patrick Le Hyaric, Paloma López Bermejo, Liadh Ní Riada, Marisa Matias, Martina Michels, Younous Omarjee, Pablo Iglesias, Sofia Sakorafa, Lola Sánchez Caldentey, Lidia Senra Rodríguez, Neoklis Sylikiotis, Miguel Urbán Crespo, Ángela Vallina, Eleonora Forenza
f'isem il-Grupp GUE/NGL
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-migrazzjoni u s-sitwazzjoni tar-rifuġjati
( 2015/2833(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951 u l-protokoll addizzjonali tagħha,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' April 2015 dwar l-aħħar traġedji fil-Mediterran u l-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-asil[1],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta' April 2015,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni[2],
– wara li kkunsidra d-diskors tal-President tal-Parlament Ewropew matul iż-żjara tiegħu f'Lampedusa fit-2 u t-3 ta' Ottubru 2014 biex jitfakkar l-anniversarju tat-traġedja tat-3 ta' Ottubru 2013,
– wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tiegħu dwar iż-żjarat tad-delegazzjonijiet tiegħu f'Lampedusa f'Novembru 2011, fil-Ġordan fi Frar 2013 fir-rigward tar-rifuġjati mis-Sirja, u fil-Bulgarija f'Jannar 2014 fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-persuni li jfittxu l-asil u tar-rifuġjati, b'mod partikolari mis-Sirja,
– wara li kkunsidra d-dibattiti fis-sessjoni plenarja tiegħu tad-9 ta' Ottubru 2013 dwar il-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni fil-Mediterran, b'attenzjoni partikolari għall-ġrajjiet traġiċi li seħħew 'il barra minn Lampedusa,
– wara li kkunsidra d-dibattiti li saru mill-bidu tal-leġiżlatura attwali fil-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern: fit-22 ta' Lulju 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-ħidma tat-Task Force għall-Mediterran; fl-4 ta' Settembru 2014 dwar l-attivitajiet ta' Frontex fil-Mediterran u dwar it-Task Force għall-Mediterran; u tal-24 ta' Settembru 2014 dwar il-5 rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-immigrazzjoni u l-ażil (2013) ( COM(2014)0288 ), u dwar ir-rapport annwali tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) dwar is-sitwazzjoni tal-asil fl-Unjoni Ewropea (2013),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Diċembru 2013 dwar il-ħidma tat-Task Force fil-Mediterran ( COM(2013)0869 ),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta' Diċembru 2013,
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-22 ta' Mejju 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-ħidma tat-Task Force fil-Mediterran ( SWD(2014)0173 ),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu tas-26 u s-27 ta' Ġunju 2014, fejn iddefinixxa l-linji gwida strateġiċi għall-ippjanar leġiżlattiv u operattiv għas-snin li ġejjin fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja,
– wara li kkunsidra l-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni li jmiss ippreżentati mill-President Juncker lill-plenarja tal-Parlament fil-15 ta' Lulju 2014,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-11 ta' Settembru 2014 dwar il-politiki Ewropej tal-immigrazzjoni,
– wara li kkunsidra l-impenji meħuda mill-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni u ċ-Ċittadinanza, Dimitris Avramopoulos, fis-smigħ tiegħu quddiem il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tat-30 ta' Settembru 2014 ,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Ottubru 2014 dwar il-ħtieġa li tittieħed azzjoni biex il-flussi migratorji jiġu ġestiti aħjar,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (APKE) ta' April 2012, bit-titolu "Lives lost in the Mediterranean Sea: who is responsible?",
– wara li kkunsidra r-rapporti annwali tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Migranti, b'mod partikolari dawk ta' April 2013 dwar il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE u l-impatt tagħha fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti, u ta' April 2014 dwar l-isfruttament ta' ħaddiema migranti,
– wara li kkunsidra l-ħidma mwettqa minn NGOs u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Mediterran, li tat eżempju ta' operazzjonijiet ta' salvataġġ ċivili mhux militarizzati bbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem u s-solidarjetà,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-instabbiltà reġjonali u l-kunflitt persistenti qed jiġġeneraw kriżi umanitarja bla preċedent fl-istorja moderna, fejn fl-2014 ġew spostati aktar minn 60 miljun ruħ; ifakkar li fl-2014 madwar 42 500 ruħ saru rifuġjati, persuni li jfittxu l-asil jew persuni spostati internament kuljum, u li tali ċaqliq iseħħ l-aktar f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, filwaqt li 13 % minnu biss iseħħ f'pajjiżi żviluppati;
B. billi l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri naqqsu l-parteċipazzjoni tagħhom fi programmi ta' għajnuna alimentari, u dan wassal għal skarsezzi ta' ikel fl-ewwel pajjiżi ospitanti tar-rifuġajti, partikolarment il-Ġordan u l-Libanu;
C. billi l-kunflitti fis-Sirja u fil-Libja, li fihom l-Istati Membri armaw u ffinanzjaw lil atturi differenti, wasslu għal żieda enormi fin-numru ta' rifuġjati, u dan juri għal darb'oħra l-ħtieġa li l-Istati Membri jirrispettaw l-obbligi internazzjonali tagħhom li jilqgħu lir-rifuġjati u jsalvawhom mill-baħar;
D. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha qed jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-kummerċ kriminali u perikoluż tat-traffikar tal-bnedmin bil-bini ta' delimitazzjonijiet u billi jagħlqu dejjem aktar il-fruntieri esterni tagħhom għall-migranti u r-rifuġjati, mingħajr ma jipprovdu possibilitajiet ta' aċċess sikur u legali fl-UE; billi l-UE u l-Istati Membri tagħha għaldaqstant qed jonqsu milli jipprovdu rispons xieraq għall-imwiet fil-Mediterran u għall-kriżi tar-rifuġjati fil-viċinat tagħna;
E. billi, skont data tal-UNHCR, 2 778 mara, raġel u tifel u tifla ġew irrapportati mejta jew nieqsa fl-2015 fit-tentattivi tagħhom li jilħqu post sikur fl-Ewropa; billi l-UE, minflok ma daħħlet fis-seħħ operazzjoni proattiva ta' tfittxija u salvataġġ, żiedet il-baġit ta' Frontex; billi f'dikjarazzjoni tal-5 ta' Awwissu 2014 Médecins Sans Frontières (MSF) irrimarkat dwar in-nuqqas gravi ta' operazzjonijiet xierqa ta' tfittxija u salvataġġ;
F. billi, skont data tal-UNHCR, fil-Greċja waslu 229 460 ruħ mill-art u mill-baħar bejn Jannar u Awwissu 2015, u fl-Italja waslu 115 500 ruħ mill-baħar bejn Jannar u Lulju 2015; jirrikonoxxi l-isforzi li saru mill-Greċja biex ittejjeb is-sitwazzjoni tar-rifuġjati minkejja n-nuqqas ta' appoġġ Ewropew, inklużi l-fondi;
G. billi, fil-5 ta' Settembru 2015, il-Ġermanja u l-Awstrija taw aċċess lil eluf ta' rifuġjati li ma tħallewx jitilgħu fuq ferroviji f'Budapest mill-Gvern Ungeriż; billi għandu jiġi ddeplorat il-fatt li l-istess gvernijiet ħabbru l-istabbiliment mill-ġdid ta' kontrolli għalgħarrieda fil-fruntieri minkejja s-sitwazzjoni umanitarja;
H. billi madwar l-Ewropa żviluppaw bosta inizjattivi min-naħa taċ-ċittadini u l-awtoritajiet lokali biex jappoġġaw ir-rifuġjati, b'talbiet għal politika differenti dwar il-migrazzjoni u l-asil;
I. billi, skont data ta' Frontex, fl-2015 sal-lum is-Sirja, l-Afganistan, l-Eritrea u l-Iraq huma l-pajjiżi li minnhom waslu l-akbar numru ta' persuni li jfittxu l-asil;
J. billi skont il-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951 persuni jistgħu jfittxu l-asil f'pajjiż ieħor irrispettivament mill-pajjiż ta' oriġini tagħhom sakemm ikollhom biża' motivat li jiġu persegwitati minħabba r-razza, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, is-sħubija fi grupp soċjali partikolari jew l-opinjoni politika tagħhom;
K. billi fil-Kunsill Ewropew l-aktar reċenti tal-25 u s-26 ta' Ġunju fi Brussell, il-mexxejja naqsu milli jiftiehmu dwar numri suffiċjenti għal mekkaniżmi ta' rilokazzjoni jew risistemazzjoni volontarji għal persuni li jfittxu l-asil;
L. billi minflok it-teħid ta' deċiżjonijiet ad hoc attwali, jeħtieġ li jiġi żviluppat approċċ aktar fit-tul għal operazzjonijiet proattivi u mhux militarizzati ta' tfittxija u salvataġġ li jkunu indipendenti mill-kontrolli fil-fruntieri;
M. billi s-sitwazzjoni attwali fil-Greċja, fl-Italja u fl-Ungerija tenfasizza l-ħtieġa urġenti biex ir-Regolament ta' Dublin jiġi sospiż u jiġu żviluppati alternattivi;
1. Jagħti ġieħ lill-irġiel, lin-nisa u lit-tfal li mietu matul is-snin fit-tentattivi tagħhom li jilħqu post sikur fl-Ewropa, u jagħti l-kondoljanzi siniċiera, is-solidarjetà u l-appoġġ tiegħu lill-familji tal-vittmi; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jagħmlu ħilithom biex jidentifikaw il-kadavri u l-persuni neqsin, u jinfurmaw lill-qraba;
2. Jikkundanna n-nuqqas ta' solidarjetà u responsabbiltà fost l-Istati Membri tal-UE kif ukoll it-trattament inuman u degradanti li jaffaċċjaw il-migranti u r-rifuġjati fl-Ewropa kollha, inklużi atti vjolenti mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi; jitlob, għalhekk, li ssir bidla radikali u immedjata fil-politiki dwar il-migrazzjoni u l-asil;
3. Jesprimi s-solidarjetà sħiħa tiegħu mal-għadd kbir ta' rifuġjati u migranti li qed jaħarbu minn kunflitt bla tmiem, ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, il-konsegwenzi fatali tat-tibdil fil-klima, il-faqar u t-trażżin aħrax; ifakkar li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom responsabbiltà għall-gwerra, il-kaos, il-miżerja ekonomika, il-ġuħ u l-mewt li r-rifuġjati u l-immigranti qed jaħarbu minnhom, anke minħabba politiki ekonomiċi neoliberali globali, il-passat kolonjali tagħhom u politiki neokolonjali attwali;
4. Jagħti ġieħ lill-bosta inizjattivi taċ-ċittadini u tal-awtoritajiet lokali fl-Ewropa kollha li qed jipprovdu appoġġ lir-rifuġjati fin-nuqqas ta' appoġġ u leadership tal-UE u l-gvernijiet; jirrikonoxxi li dawn l-inizjattivi juru li ħafna ċittadini jridu jgħixu f'Ewropa ta' solidarjetà fejn ir-rifuġjati u l-migranti jintlaqgħu; jilqa', b'mod partikolari, l-istabbiliment ta' netwerk ta' "bliet ta' rifuġjati" fi Spanja, u jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet lokali jsegwu dan l-eżempju;
5. Jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' appoġġ min-NU; jistieden lin-NU, għalhekk, biex tiżvolġi rwol ewlieni fir-rispons għall-kriżi tar-rifuġjati, anke billi toħroġ riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar il-fatt li l-persuni li jfittxu l-asil jingħataw aċċess malajr u sikur għat-territorju Ewropew;
6. Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha u lill-istituzzjonijiet Ewropej kollha biex jieħdu azzjoni immedjata b'reazzjoni għas-sitwazzjoni ta' kriżi fil-Mediterran abbażi ta' solidarjetà u l-kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà, f'konformità mal-Artikolu 80 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u ta' approċċ olistiku li jqis il-migrazzjoni sikura u legali u r-rispett sħiħ tad-drittijiet u l-valuri fundamentali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex, jekk ma jintlaħaqx ftehim fil-Kunsill dwar pożizzjoni magħquda f'dan is-sens, jistabbilixxu koalizzjoni ta' Stati Membri sabiex isir progress lejn politika tal-UE dwar ir-rifuġjati u l-migrazzjoni aktar progressiva u umana, u jitlob li jiġu allokati fondi sinifikanti f'dan il-qasam bħala parti minn tali kooperazzjoni msaħħa;
7. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jorganizzaw, bħala kwistjoni ta' urġenza, operazzjoni ċivili ġdida u permanenti ta' tfittxija u salvataġġ fil-Mediterran, imfassla b'kooperazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u filwaqt li jitqiesu esperjenzi siewja ta' tfittxija u salvataġġ bħal dawk tal-Migrant Offshore Aid Station (MOAS) u ta' Médecins Sans Frontières (MSF);
8. Jiddeplora l-fatt li l-Kunsill Ewropew ma rnexxilux jimplimenta mekkaniżmu ta' solidarjetà kredibbli, vinkolanti u fl-UE kollha li tkun tinkludi skema ta' risistemazzjoni obbligatorja flimkien ma' rilokazzjonijiet ta' emerġenza bejn l-Istati Membri, filwaqt li jitqies id-dritt tal-migranti u r-rifuġjati li jagħżlu fejn jgħixu; jistieden lill-Kummissjoni biex, għall-iskema ta' rilokazzjoni permanenti tagħha, tipproponi numru ta' postijiet ta' rilokazzjoni adegwati biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet attwali tal-pajjiżi tal-ewwel dħul fuq il-bażi tal-għadd ta' persuni li jaslu mill-baħar u mill-art sal-lum fl-2015;
9. Jitlob is-sospensjoni immedjata tar-Regolament ta' Dublin, li qed jonqos milli jiżgura aċċess effikaċi għall-asil;
10. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jattivaw minnufih id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja (id-Direttiva 2001/55/KE) fid-dawl tal-influss attwali ta' rifuġjati;
11. Jenfasizza l-ħtieġa li jsir użu akbar ta' mezzi sikuri u legali u li jissaħħaħ l-għoti ta' viżi umanitarji skont il-Kodiċi dwar il-Viżi, billi l-Istati Membri jiġu mistiedna jagħmlu aktar użu minn tali viżi umanitarji jew jissospendu r-rekwiżit għal tali viżi għal dawk li jivvjaġġaw minn żona ta' kunflitt;
12. Jenfasizza li, minbarra programm ta' risistemazzjoni qawwi, l-Istati Membri għandhom jaqblu li jipprovdu mezzi legali oħra bħal iktar riunifikazzjoni tal-familji, u skemi privati ta' sponsorizzazzjoni u arranġamenti flessibbli dwar il-viżi, fosthom għal skopijiet ta' studju, xogħol u saħħa;
13. Jikkundanna d-deċiżjoni tal-Kunsill li jikkonċentra l-isforzi effettivi kollha, inklużi l-isforzi militari, fuq ġlieda li mhux biss mhux qed tirnexxi iżda li m'hemmx lokha, billi t-traffikanti japprofittaw ruħhom min-nuqqas ta' rotot legali għall-migranti u r-rifuġjati; jikkundanna l-pjan biex jinqerdu bastimenti tul il-kosti tal-Libja u ta' pajjiżi oħra tal-Afrika ta' Fuq, u jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jwaqqfu l-operazzjoni EUNAVFOR MED;
14. Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu, bħala kwistjoni ta' urġenza, infrastrutturi adegwati ta' akkoljenza għall-migranti u għall-persuni li jfittxu l-asil, u jirrikonoxxu lill-persuni li jkunu qed jaħarbu minn kunflitti li għaddejjin bħala rifuġjati prima facie;
15. Jiddispjaċih li ħafna nies li qed jaħarbu miċ-ċaħda tad-drittijiet tal-bniedem fi stati fraġli jew falluti mhumiex se jingħataw status ta' rifuġjat u se jkunu bla dokumenti minkejja l-biża' motivat tagħhom li jiġu ppersegwitati;
16. Jikkundanna l-aċċelerazzjoni u l-infurzar ta' ritorni ppjanati minn "hotspots" abbażi ta' lista ta' pajjiżi "sikuri"; jesprimi preokkupazzjoni li dan jista' jimpedixxi li jsiru applikazzjonijiet individwali għall-asil minn ċittadini u residenti ta' dawk il-pajjiżi terzi; jirrimarka li l-approċċ ibbażat fuq il-kunċett ta' "pajjiżi sikuri" jimmina d-drittijiet tal-bniedem ta' dawk li jappartjenu għal gruppi vulnerabbli, bħal nisa li jkunu vittmi ta' persekuzzjoni abbażi tal-ġeneru, u persuni LGBTI; jikkundanna b'mod partikolari t-tħabbira mill-President Juncker li l-pajjiżi kandidati kollha tal-UE – inklużi t-Turkija u l-pajjiżi Balkani – għandhom jiġu kkunsidrati bħala pajjiżi sikuri;
17. Jikkundanna l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li l-infurzar tat-teħid tal-marki tas-swaba' permezz ta' koerċizzjoni jew miżuri ta' detenzjoni huwa kkunsidrat bħala l-"aħjar prassi" jekk ikun proporzjonat; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dwar kif din il-prassi tirrispetta d-dritt ta' persuna għad-dinjità tal-bniedem, u jikkundanna l-infurzar ta' din il-prassi ta' kriminalizzazzjoni mill-Istati Membri;
18. Jikkundanna d-detenzjoni ta' migranti u jitlob l-abolizzjoni taċ-ċentri ta' detenzjoni; jappoġġa l-isforzi li qed isiru f'din id-direzzjoni f'xi Stati Membri;
19. Jitlob is-sospensjoni tal-ftehimiet kollha ta' riammissjoni ma' pajjiżi li ma jirrispettawx id-drittijiet tal-bniedem fundamentali;
20. Jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw il-prinċipju internazzjonali ta' non-refoulement, mhux biss bil-kliem imma anke bil-fatti; ifakkar li t-tkeċċija kollettiva hija projbita;
21. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissospendu minnufih il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi li l-politika tagħhom hija li jwaqqfu lill-migranti u lir-rifuġjati milli jilħqu post sikur fl-Ewropa u biex jintensifikaw il-kontrolli fil-fruntieri; jitlob li jintemmu n-negozjati dwar ftehimiet bħal dawn ma' pajjiżi terzi li ma jiggarantux il-protezzjoni tar-rifuġjati u r-rispett tad-drittijiet fundamentali, bħall-Eritrea, is-Sudan, is-Somalja, l-Etjopja u l-Eġittu, li huma kollha pajjiżi li minnhom ir-rifuġjati qed jaħarbu, u jitlob ukoll għas-sospensjoni tal-proċessi ta' Khartoum u Rabat; jitlob ukoll is-sospensjoni tal-assistenza finanzjarja kollha u lir-reġimi tal-Eġittu u tal-Eritrea fid-dawl ta' rapporti tan-NU u ta' NGOs dwar ksur tad-drittijiet tal-bniedem f'dawk il-pajjiżi;
22. Jirrifjuta l-proposti minn Stati Membri biex jiġu stabbiliti ċentri tal-asil jew tad-detenzjoni f'pajjiżi terzi u biex pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq u t-Turkija jiġu involuti fl-operazzjonijiet Ewropej ta' tfittxija u salvataġġ bl-għan li r-rifuġjati jiġu interċettati u jittieħdu lura l-Afrika jew it-Turkija; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tagħti lill-Parlament evalwazzjoni tal-konformità ta' dawn il-proposti mad-dritt internazzjonali, b'mod partikolari l-Konvenzjoni ta' Ġinevra, u ta' kwalunkwe ostaklu prattiku jew ġuridiku ieħor għall-implimentazzjoni tagħhom;
23. Ifakkar li l-asil huwa dritt tal-bniedem fundamentali garantit minn liġijiet u obbligi internazzjonali li huma vinkolanti għall-Istati Membri kollha; jenfasizza, għalhekk, li l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu akbar mill-proċeduri għad-dispożizzjoni tagħhom biex jittrattaw talbiet urġenti għal protezzjoni, billi jużaw aktar il-qafas legali eżistenti, inklużi applikazzjonijiet għall-asil imressqa fil-konsulati tagħhom f'pajjiżi terzi u pproċessati ladarba l-applikant ikun fl-Ewropa; ifakkar li r-rata ta' aċċettazzjoni ta' applikazzjonijiet għall-asil tvarja ħafna minn Stat Membru għal ieħor; huwa preokkupat, f'dan ir-rigward, dwar il-politika ta' żamma u ritorn segwita minn ċerti Stati Membri fir-rigward ta' "persuni li jfittxu l-asil rifjutati";
24. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex, fid-dawl tal-impatt drammatiku ta' interventi militari preċedenti f'termini taż-żieda f'daqqa tal-għadd ta' rifuġjati, jastjenu milli jipparteċipaw f'kunflitti f’pajjiżi terzi jew li jarmaw u jappoġġaw l-atturi tagħhom, u biex jippromwovu l-paċi u jirrifjutaw l-intervent vjolenti bħala l-bażi tal-politika barranija tagħhom; jitlob b'mod partikolari lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex ma jwettqu ebda intervent militari fis-Sirja jew fil-Libja;
25. Ifakkar li skont l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jiffinanzjaw l-għajnuna għall-iżvilupp b'sa 0.7 % tal-PDG; jiddispjaċih dwar il-fatt li kważi l-Istati Membri kollha qatgħu qalbhom minn dan l-impenn; jikkundanna l-fatt li xi Stati Membri saħansitra naqqsu l-parteċipazzjoni tagħhom; jitlob, f'dan il-kuntest, l-intensifikazzjoni tal-appoġġ tal-UE għal organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u awtoritajiet lokali fil-livelli kollha;
26. Jikkundanna l-kliem u l-attitudnijiet ksenofobiċi tal-mexxejja ta' xi Stati Membri, u l-użu li l-forzi tal-lemin estrem qed jagħmlu mill-kriżi attwali biex ixerrdu l-messaġġ vjolenti tagħhom; jikkundanna wkoll il-fatt li xi mexxejja ta' Stati Membri jibqa' jkollhom attitudnijiet li joħolqu konfużjoni u firda fir-rigward tar-rifuġjati, il-persuni li jfittxu l-asil u l-migranti "ekonomiċi"; jikkundanna b'mod partikolari l-miżuri kollha li qed jiġu adottati mill-Gvern Ungeriż attwali li jiksru d-dritt internazzjonali dwar l-asil, inklużi bidliet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-asil, il-bini ta' delimitazzjoni ġdida u l-iżbark vjolenti ta' ferrovija mimlija rifuġjati, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet reċenti tal-Prim Ministru Viktor Orbán;
27. Jappoġġa żieda sostanzjali fil-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni għall-2016; jitlob li l-ammonti kollha disponibbli taħt dan il-fond jiġu allokati primarjament għall-asil u l-integrazzjoni, speċjalment fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-impjieg, il-kura tas-saħħa u l-housing, sabiex tiġi promossa l-parteċipazzjoni ugwali fil-ħajja soċjali;
28. Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri jimplimentaw l-inizjattivi diġà mħabbra mill-Kummissjoni bl-għan li tiżdied is-solidarjetà u l-kondiviżjoni tar-responsabbiltà fost l-Istati Membri, inkluża l-proposta l-ġdida għal mekkaniżmu ta' rilokazzjoni permanenti, b'żieda ulterjuri sostanzjali fin-numru ta' postijiet ta' rilokazzjoni bħala l-ewwel pass fid-direzzjoni t-tajba, filwaqt li jitqies li l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern – il-kumitat kompetenti għal kwistjonijiet bħal dawn – bħalissa qed jabbozza rapport li se jirrifletti l-orjentazzjonijiet politiċi tal-Parlament fuq perjodu medju u fit-tul b'rabta mal-migrazzjoni;
29. Jitlob li jiġi organizzat urġentement summit Ewropew biex tiġi eżaminata l-bidla radikali li hija meħtieġa fir-rigward tal-politiki dwar il-migrazzjoni u l-asil;
30. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.