Dokument ta' sessjoni
7.9.2015 B8‑0837/2015
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar il-migrazzjoni u r-rifuġjati fl-Ewropa
( 2015/2833(RSP) )
Judith Sargentini, Ska Keller, Jean Lambert, Ulrike Lunacek, Benedek Jávor, Bart Staes, Michel Reimon
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-migrazzjoni u r-rifuġjati fl-Ewropa
( 2015/2833(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u l-protokoll addizzjonali tagħha,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ottubru 2013 dwar miżuri tal-UE u tal-Istati Membri biex jindirizzaw il-fluss ta' rifuġjati b'riżultat tal-kunflitt fis-Sirja[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015 dwar l-aħħar traġedji fil-Mediterran u l-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-asil[3],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Mejju 2015 bit-titolu "Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni" ( COM(2015)0240 ),
– wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni f'għaxar punti dwar il-migrazzjoni adottat fil-laqgħa konġunta tal-Kunsill Affarijiet Barranin u l-Kunsill Affarijiet Interni tal-20 ta' April 2015,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-Summit Speċjali tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta' April 2015 dwar il-kriżi tar-rifuġjati fil-Mediterran,
– wara li kkunsidra r-rapport ta' April 2012 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) bit-titolu "Lives lost in the Mediterranean Sea" (Ħajjiet mitlufa fil-Baħar Mediterran),
– wara li kkunsidra r-rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Migranti, b'mod partikolari dak bit-titolu "Banking on mobility over a generation: follow-up to the regional study on the management of the external borders of the European Union and its impact on the human rights of migrants" (Fiduċja fil-mobilità għal ġenerazzjoni sħiħa: segwitu tal-istudju reġjonali dwar il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea u l-impatt tagħha fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti), ippubblikat f'Mejju 2015,
– wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) dwar is-Sitwazzjoni tal-Asil fl-Unjoni Ewropea 2014,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, bħala konsegwenza tal-kriżi globali tar-rifuġjati, għadd bla preċedent ta' persuni qegħdin ifittxu protezzjoni fl-UE; billi ż-żieda f'daqqa fl-għadd ta' rifuġjati jidher li se tkompli minħabba l-instabbiltà dejjem akbar fil-fruntieri tal-Ewropa, ikkawżata mill-kunflitti flimkien mal-ksur evidenti tad-drittijiet tal-bniedem, iż-żieda qawwija fil-vjolenza u t-terroriżmu u l-effetti devastanti tat-tibdil fil-klima, u billi dan jenfasizza għal darb'oħra l-ħtieġa urġenti li jsir dak kollu possibbli biex jiġu salvati l-ħajjiet tan-nies li qed jaħarbu minn pajjiżhom u li qegħdin fil-periklu, u l-fatt li l-Istati Membri għandhom jirrispettaw l-obbligi internazzjonali tagħhom, inklużi l-obbligi ta' salvataġġ fuq il-baħar;
B. billi fl-2015, skont id-data tal-UNHCR, 2 800 persuna bejn nisa, irġiel u tfal ġew rappurtati mejta jew nieqsa fit-tentattiv tagħhom li jaslu f'post sikur fl-Ewropa; billi, f'dikjarazzjoni tal-5 ta' Awwissu 2015, Médecins sans Frontières enfasizzaw in-nuqqas kbir ta' operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ; billi r-rifuġjati u l-migranti qegħdin ukoll jitilfu ħajjithom fil-vjaġġ tagħhom mal-Ewropa; billi x-xahar li għadda, 71 persuna bejn nisa, irġiel u tfal instabu mejta fi trakk fi triqithom mill-Ungerija għall-Awstrija;
C. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha, bil-bini ta' ċnut u bl-għeluq tal-fruntieri esterni tagħhom kontra l-migrazzjoni irregolari mingħajr ma jipprovdu possibbiltajiet ta' dħul legali, effettivament qegħdin iġiegħlu lir-rifuġjati u lill-migranti jduru fuq it-traffikanti kriminali;
D. billi, skont id-data tal-UNHCR, bejn Jannar u Awwissu 2015 fil-Greċja waslu 229 460 persuna bil-baħar u minn fuq l-art, filwaqt li bejn Jannar u Lulju 2015 l-Italja laqgħet 115 500 persuna oħra li waslu bil-baħar; billi skont id-data tal-FRONTEX, bejn Jannar u Lulju 2015 fl-Ungerija waslu 150 000 migrant;
E. billi, f'Lulju 2015, l-għadd ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali fil-pajjiżi tal-UE kif ukoll fin-Norveġja u l-Iżvizzera kien ta' 123 294, u b'hekk qabeż il-100 000 għall-ewwel darba u żdied bi 28 % fuq Ġunju 2015;
F. billi, skont id-data tal-FRONTEX, il-pajjiżi ewlenin li minnhom joriġinaw il-persuni li fittxew asil fl-2015 huma s-Sirja, l-Afganistan, l-Eritrea u l-Iraq; billi l-maġġoranza l-kbira tal-persuni li jaħarbu minn dawn il-pajjiżi lejn l-Ewropa jingħataw protezzjoni;
G. billi l-aħħar laqgħa tal-Kunsill Ewropew, li saret bejn il-25 u s-26 ta' Ġunju 2015, u l-laqgħa sussegwenti tal-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni tal-20 ta' Lulju 2015 naqsu milli jiġġeneraw ftehim dwar mekkaniżmu ta' ridistribuzzjoni vinkolanti għar-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni tal-persuni, u minflok intlaħaq qbil fuq mekkaniżmu volontarju; billi l-Istati Membri naqsu milli jilħqu ftehim biex joffru 40 000 post għar-rilokazzjoni ta' rifuġjati mill-Greċja u l-Italja u minflok impenjaw ruħhom fir-rigward ta' 32 256 post biss;
H. billi fit-3 ta' Settembru 2015 il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel u l-President Franċiż François Hollande qablu dwar il-ħtieġa li jitwaqqaf mekkaniżmu permanenti u obbligatorju għall-allokazzjoni ta' rifuġjati fost l-Istati Membri kollha;
I. billi fit-3 ta' Settembru 2015 il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk appella biex 100 000 rifuġjat, mill-inqas, jitqassmu mill-ġdid;
J. billi stħarriġ tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) jindika li l-Ewropa hija l-aktar destinazzjoni perikoluża fid-dinja għall-migranti "irregolari", u dan jenfasizza għal darb'oħra l-ħtieġa li jsir dak kollu possibbli biex jiġu salvati l-ħajjiet tal-persuni f'periklu u li l-Istati Membri jirrispettaw l-obbligi tagħhom fir-rigward tal-protezzjoni internazzjonali;
K. billi ħafna ċittadini qed juru livell bla preċedent ta' solidarjetà mar-rifuġjati, b'akkoljenza mill-qalb u livell impressjonanti ta' appoġġ; billi b'hekk iċ-ċittadini Ewropej qegħdin juru li l-kompassjoni u l-protezzjoni ta' dawk fil-bżonn għadhom valuri Ewropej awtentiċi;
L. billi s-sitwazzjoni attwali enfasizzat nuqqas ta' solidarjetà imbarazzanti min-naħa tal-gvernijiet fil-konfront tal-persuni li qed ifittxu asil, kif ukoll azzjoni mhux koordinata u koerenti biżżejjed; billi dan qed iwassal għal sitwazzjoni kaotika u ksur tad-drittijiet tal-bniedem;
M. billi xi Stati Membri u l-mexxejja tagħhom ħadu approċċ proattiv u wrew livell għoli ta' preparazzjoni u rieda li jilqgħu lir-rifuġjati; billi Stati Membri oħrajn għandhom isegwu dan l-eżempju;
N. billi l-pożizzjonijiet differenti meħuda minn Stati Membri individwali jkomplu jenfasizzaw il-fatt li l-UE għandha 28 politika frammentata dwar il-migrazzjoni; billi n-nuqqas ta' sistema unifikata ta' proċeduri u standards tal-asil fl-Istati Membri jfisser li dawn qed joffru livelli differenti ta' protezzjoni, u f'xi każijiet anke garanziji mhux adegwati, għall-persuni li qed ifittxu asil;
O. billi l-mexxejja ta' xi Stati Membri u ta' ċerti partiti tal-lemin estrem qegħdin jużaw is-sitwazzjoni attwali biex ikebbsu s-sentiment antimigratorju filwaqt li jagħtu t-tort lill-UE għal din il-kriżi, u billi dan qed jikkontribwixxi għal għadd dejjem akbar ta' atti vjolenti kontra l-migranti;
P. billi skont il-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951 persuni jistgħu jfittxu asil f'pajjiż ieħor, irrispettivament mill-pajjiż ta' oriġini tagħhom sakemm ikollhom biża' motivat li jiġu persegwitati minħabba r-razza, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, is-sħubija fi grupp soċjali partikolari jew l-opinjoni politika tagħhom;
1. Jesprimi d-dispjaċir u n-niket kbar tiegħu għas-sitwazzjoni attwali tar-rifuġjati u n-nuqqas ta' solidarjetà u responsabbiltà murija mill-Istati Membri; jemmen li l-politiki restrittivi tal-UE u l-Istati Membri tagħha dwar l-asil u l-migrazzjoni qed iwasslu biex imutu n-nies; jappella, għalhekk, għal bidla immedjata fil-politiki tal-migrazzjoni u l-asil sabiex jiġu evitati aktar imwiet;
2. Ifaħħar lill-gruppi tas-soċjetà ċivili u lil dawk l-individwi madwar l-Ewropa kollha li qed jorganizzaw ruħhom bi ħġarhom biex jilqgħu u jagħtu l-għajnuna lir-rifuġjati u lill-migranti; jilqa' b'entużjażmu l-mewġa straordinarja ta' appoġġ min-naħa tal-pubbliku, inkluż minn organizzazzjonijiet reliġjużi, NGOs u individwi, li kulma jmur qiegħda tixpruna lill-gvernijiet biex jibdlu l-politiki u r-retorika tagħhom; iħeġġeġ liċ-ċittadini Ewropej ikomplu bl-appoġġ u l-involviment tagħhom għal reazzjoni umanitarja għall-kriżi tar-rifuġjati; jemmen li azzjonijiet bħal dawn juru twemmin ġenwin fil-valuri Ewropej u huma sinjal ta' tama għall-ġejjieni tal-Ewropa;
3. Iqis li l-iżbilanċi dejjem akbar bejn Stat Membru u ieħor, kemm fir-rigward tar-rifuġjati u l-migranti li qed jaslu kif ukoll tad-destinazzjoni aħħarija tagħhom, mhumiex sostenibbli; jiddeplora n-nuqqas tal-Kunsill Ewropew li jaqbel dwar mekkaniżmu vinkolanti għar-rilokazzjoni b'emerġenza ta' 40 000 rifuġjat mill-Greċja u l-Italja lejn Stati Membri oħrajn u jinsab iddispjaċut profondament li l-Istati Membri, minkejja linji gwida ċari mill-Kunsill Ewropew, s'issa wiegħdu biss 32 256 post f'sentejn, filwaqt li l-Greċja waħedha qed tiffaċċja mat-23 000 migrant ġdid f'ġimgħa; jilqa' d-deċiżjoni tal-Awstrija u l-Ġermanja li jilqgħu eluf ta' rifuġjati u migranti mitluqin għal riħhom f'kundizzjonijiet mhux sostenibbli fl-Ungerija u jistieden lill-Istati Membri kollha jsegwu dan l-eżempju ta' tmexxija politika msejsa fuq valuri umanitarji;
4. Jilqa' l-inizjattivi l-ġodda tal-Kummissjoni biex jiżdiedu b'erba' darbiet il-postijiet ta' rilokazzjoni sabiex tittaffa s-sitwazzjoni fl-Ungerija u jitkompla l-appoġġ fil-konfront tal-Greċja u l-Italja; huwa tal-fehma, madankollu, li soluzzjonijiet ad hoc għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza jista' jkollhom biss effetti limitati; japprova, għalhekk, il-proposta addizzjonali tal-Kummissjoni dwar mekkaniżmu ta' rilokazzjoni permanenti li jiġi attivat f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza; iħeġġeġ lill-Kunsill jadotta ż-żewġ miżuri malajr u mingħajr dewmien; huwa lest jittratta l-iskema l-ġdida ta' rilokazzjoni b'emerġenza fil-qafas ta' proċedura rapida u jiddikjara l-intenzjoni tiegħu li jipproċedi bil-miżuri l-oħra kollha proposti mill-Kummissjoni b'mod parallel sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri ma jdewmux l-iskema ta' rilokazzjoni permanenti; jiddeplora n-nuqqas ta' kooperazzjoni mill-Kunsill dwar il-miżura preċedenti ta' rilokazzjoni b'emerġenza, u li wassal biex is-suġġerimenti tal-Parlament fil-proċedura ta' konsultazzjoni ġew injorati; ifakkar lill-Kunsill li l-Parlament jaqbel bis-sħiħ ma' mekkaniżmu ta' rilokazzjoni vinkolanti li, kemm jista' jkun, iqis il-preferenzi tar-rifuġjati u li fil-prinċipju jirrikjedi l-kunsens tar-rifuġjat għat-trasferiment tiegħu jew tagħha; iħeġġeġ lill-Kunsill iqis dan is-suġġeriment fl-adozzjoni tal-miżura l-ġdida ta' rilokazzjoni b'emerġenza; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw li l-inizjattivi kollha f'dan il-qasam jiġu proposti u adottati permezz ta' kodeċiżjoni bħala atti legalment vinkolanti mingħajr il-possibbiltà ta' esklużjonijiet fakultattivi; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw dawn l-atti malajr u in buona fede;
5. Jenfasizza li l-moviment liberu tal-persuni fi ħdan iż-żona Schengen kienet waħda mill-akbar kisbiet għall-integrazzjoni Ewropea, li x-Schengen għandha impatt pożittiv fuq il-ħajja ta' mijiet ta' eluf ta' ċittadini tal-UE, kemm billi tiffaċilita l-qsim tal-fruntieri u kemm billi ssaħħaħ l-ekonomija, u li l-moviment liberu huwa dritt fundamentali u pilastru taċ-ċittadinanza tal-UE; jikkundanna t-tentattivi biex jiddgħajjef il-funzjonament taż-żona Schengen;
6. Jilqa' l-appoġġ operazzjonali li l-Kummissjoni se tagħti lill-Istati Membri l-aktar esposti, bħall-Greċja, l-Italja u l-Ungerija, permezz ta' "hotspots" billi tiġbor flimkien esperti mill-aġenziji tal-UE bħall-FRONTEX, l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) u l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol), biex tgħin lill-Istati Membri fir-reġistrazzjoni tal-persuni li jaslu; ifakkar lill-Istati Membri li s-suċċess ta' dawn iċ-ċentri ta' reġistrazzjoni jiddependi minn kemm ikunu lesti jirrilokaw rifuġjati mill-"hotspots" għat-territorji tagħhom; ifakkar li l-proċeduri għar-ritorn ta' persuni li ma jikkwalifikawx għall-protezzjoni għandhom ikunu konformi bis-sħiħ mal-istandards tad-drittijiet tal-bniedem u li r-ritorn volontarju għandu jingħata prijorità fuq ir-ritorn furzat;
7. Jistieden lill-Kummissjoni toħloq spazju u prontezza mil-lat baġitarju fil-provvedimenti tal-baġit tal-2016 u tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP), sabiex ikun jista' jingħata appoġġ aktar mgħaġġel u aktar sostanzjali lill-EASO u lill-Istati Membri fir-rigward tal-azzjonijiet tagħhom għall-akkoljenza u l-integrazzjoni tar-rifuġjati, inkluż fil-qafas tal-iskemi ta' rilokazzjoni;
8. Jappella għat-twaqqif ta' "kurituri umanitarji" tul il-pajjiżi ta' tranżitu għar-rifuġjati (kemm fil-Mediterran kif ukoll fil-Balkani tal-Punent) bil-għan li tingħata għajnuna umanitarja u jiġi żgurat li l-aktar bżonnijiet bażiċi tagħhom ikunu koperti u li d-drittijiet tagħhom bħala bnedmin ikunu rispettati;
9. Jappella għal rieżami urġenti tar-Regolament ta' Dublin permezz tat-twaqqif ta' sistema permanenti u legalment vinkolanti madwar l-UE għat-tqassim tal-persuni li jfittxu asil fost l-Istati Membri kollha, ibbażata fuq allokazzjoni ġusta u obbligatorja, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet u l-preferenzi tal-persuni kkonċernati stess; jissuġġerixxi li sistema li permezz tagħha l-persuni li jfittxu asil jistgħu japplikaw għall-asil fi Stat Membru fejn diġà għandhom rabtiet familjari, rabtiet mal-komunità jew prospetti ta' xogħol aħjar ittejjeb b'mod sinifikanti l-prospetti ta' integrazzjoni tagħhom; iqis ukoll li sistema bħal din tnaqqas b'mod sinifikanti l-movimenti sekondarji irregolari fl-UE u l-ħtieġa ta' miżuri koerċittivi bħad-detenzjoni tal-persuni li jfittxu asil qabel ma jiġu ttrasferiti lura lejn l-Istat Membru responsabbli; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tressaq proposti li jippermettu r-rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet pożittivi dwar l-asil, it-trasferiment tal-istatus ta' protezzjoni internazzjonali fi ħdan l-UE u l-ħolqien ta' Servizz Ewropew Komuni tal-Asil; iħeġġeġ lill-Istati Membri, sadanittant, japplikaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta' Dublin – bħal dawk relatati mat-tfal mhux akkumpanjati, ir-riunifikazzjoni tal-familja u l-klawsoli diskrezzjonali – mingħajr interpretazzjoni restrittiva, skont il-prinċipju tas-solidarjetà u d-drittijiet fundamentali; jilqa' l-fatt li l-Ġermanja qed tapplika l-klawsola tas-sovranità tar-Regolament ta' Dublin għar-rifuġjati Sirjani sabiex dawn ikunu jistgħu jibqgħu fil-Ġermanja minflok ma jintbagħtu lura fl-Istat Membru fejn kienu waslu; iħeġġeġ lill-Istati Membri l-oħra jsegwu dan l-eżempju;
10. Jieħu nota tat-triplikazzjoni tal-operazzjonijiet Triton u Poseidon tal-FRONTEX fil-Mediterran u l-kontribut tagħhom biex jiġu salvati l-ħajjiet fuq il-baħar; jemmen li għandha titwaqqaf sistema Ewropea ta' tiftix u salvataġġ permanenti u umanitarja;
11. Ifakkar li l-persuni li jeħtieġu protezzjoni għandhom possibbiltajiet limitati ħafna biex jidħlu legalment fl-UE, u jiddeplora l-fatt li dawn ikollhom jirrikorru għat-traffikanti u għal rotot perikolużi biex isibu protezzjoni fl-Ewropa; iqis, għalhekk, li huwa ta' prijorità kbira li l-UE u l-Istati Membri tagħha jipprovdu metodi sikuri u legali għar-rifuġjati; jistieden lill-Kummissjoni tressaq programm ta' risistemazzjoni Ewropew aktar ambizzjuż, billi żżid b'mod sostanzjali l-ammont ta' 20 000 post ta' risistemazzjoni li ġew ippjanati s'issa, u jistieden lill-Istati Membri jipprovdu l-postijiet meħtieġa; ifakkar li l-UNHCR qed ifittex 230 000 post ta' risistemazzjoni għar-rifuġjati Sirjani; iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu programmi ta' sponsorizzazzjoni privata li jippermettu lill-NGOs jew gruppi oħra, bħal organizzazzjonijiet reliġjużi, jagħtu l-appoġġ tagħhom fir-risistemazzjoni tar-rifuġjati; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu r-riunifikazzjoni tal-familja, jegħlbu l-ostakoli legali u prattiċi biex id-deċiżjonijiet fir-rigward tar-riunifikazzjoni tal-familja jittieħdu b'mod aktar mgħaġġel u jsegwu l-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Riunifikazzjoni tal-Familja kemm fil-kontenut kif ukoll fl-ispirtu; jemmen li l-Kodiċi dwar il-Viżi għandu jiġi emendat billi jiddaħħlu dispożizzjonijiet komuni aktar speċifiċi dwar viżi umanitarji; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-possibbiltajiet li diġà jeżistu għall-ħruġ ta' viżi umanitarji fl-ambaxxati u l-uffiċċji konsulari tagħhom b'tali mod li l-persuni li jeħtieġu protezzjoni jkunu jistgħu jidħlu fl-UE bla periklu, bil-vapur jew bl-ajru minflok ma jpoġġu ħajjithom f'riskju fuq id-dgħajjes tat-traffikanti inadatti għal fuq il-baħar; jitlob lill-Istati Membri jagħmluha possibbli li wieħed japplika għall-asil fl-ambaxxati u fl-uffiċċji konsulari tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi eżenzjoni mill-viża għas-Sirja biex ir-rifuġjati Sirjani ma jibqax ikollhom bżonn viża biex jidħlu fiż-żona Schengen;
12. Jinsab imħasseb dwar il-proposta tal-Kummissjoni li tiddikjara l-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni mal-UE u l-pajjiżi kandidati potenzjali għall-adeżjoni, inklużi l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u t-Turkija, bħala pajjiżi ta' oriġini sikuri għall-finijiet ta' asil; iqis li, b'konsegwenza ta' dan, id-drittijiet proċedurali taċ-ċittadini ta' dawn il-pajjiżi tkun limitata b'mod sinifikanti fil-proċedura tal-asil; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-approċċ ibbażat fuq il-kunċett ta' "pajjiżi sikuri" jimmina d-drittijiet tal-bniedem, speċjalment dawk ta' persuni li jappartjenu għal gruppi vulnerabbli, bħall-minoranzi jew il-persuni LGBTI; ifakkar li fl-2014 ċittadini mill-Balkani tal-Punent kellhom rata medja ta' rikonoxximent ta' kważi 5 % u rata ta' rikonoxximent li kienet tilħaq il-50 % f'xi Stati Membri bħall-Finlandja u l-Italja; jirrimarka li sikwit is-sitwazzjoni fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet ċivili fil-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni mhijiex ta' prijorità għall-Kummissjoni, u li huwa żbaljat li tingħata l-idea li m'għadux jeżisti ksur tad-drittijiet tal-bniedem f'dawn il-pajjiżi;
13. Jenfasizza li l-UE għandha toffri wkoll metodi biex persuni li jkunu jixtiequ jiġu fl-Ewropa jkunu jistgħu jidħlu u jirrisjedu legalment fl-UE; jirrimarka li, fil-preżent, biex jidħlu fl-UE legalment il-migranti tax-xogħol tista' tgħid li m'għandhomx triq oħra ħlief li japplikaw għall-asil; jappella biex jinħoloq "kuritur" għall-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni mal-UE fir-rigward tal-immigrazzjoni għax-xogħol, li tagħti liċ-ċittadini ta' dawn il-pajjiżi aċċess faċilitat għas-suq tax-xogħol Ewropew; ifakkar li t-tixjiħ tas-soċjetà fl-Ewropa jitlob azzjoni deċiżiva anke fil-qasam tal-migrazzjoni; jemmen li l-approċċ frammentat attwali tal-UE u l-Istati Membri tagħha fir-rigward tar-regolamentazzjoni tal-migrazzjoni għandu jiġi sostitwit minn Kodiċi tal-UE dwar il-Migrazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom;
14. Jikkundanna l-inċidenti li jinvolvu t-trattament inuman u degradanti ta' migranti u rifuġjati fil-pajjiżi Ewropej kollha, inklużi l-inċitament għall-mibegħda u l-atti vjolenti ta' xi awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u gruppi estremisti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu passi urġenti kontra l-azzjonijiet vjolenti u l-inċitament għall-mibegħda fil-konfront tar-rifuġjati u l-migranti; jistieden ukoll lill-mexxejja tal-UE u tal-Istati Membri jieħdu pożizzjoni ċara favur is-solidarjetà Ewropea, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet tar-rifuġjati u l-migranti;
15. Jikkundanna d-detenzjoni tal-migranti u l-kriminalizzazzjoni ta' azzjonijiethom, bħall-qsim irregolari tal-fruntieri; jemmen li dan l-approċċ ipinġi b'mod żbaljat lill-migranti bħala kriminali u bħala theddida għall-ordni pubbliku; ifakkar li l-Istati Membri ma jistgħux jinjoraw l-obbligi tagħhom skont id-dritt li jirregola d-drittijiet tal-bniedem u l-asil bl-iskuża li l-persuni kkonċernati jkunu kisru r-regoli eżistenti, ħlief f'każ ta' reati serji ħafna; jappella biex jintemmu l-prattiki ta' detenzjoni; jenfasizza li l-kundizzjonijiet fil-faċilitajiet ta' akkoljenza għandhom ikunu konformi bis-sħiħ mal-istandards tad-drittijiet fundamentali u mad-dritt tal-UE; jistieden lill-Istati Membri ma jippenalizzawx lil dawk li jgħinu b'mod volontarju lill-migranti għal raġunijiet umanitarji, inklużi t-trasportaturi;
16. Joġġezzjona għall-operazzjoni EUNAVFOR Med kontra t-traffikanti tal-persuni fil-Mediterran; jopponi l-inizjattiva tar-Rappreżentant Għoli li tvara t-tieni fażi tal-operazzjoni, li tista' twassal għall-użu mhux intenzjonat ta' forza letali kontra migranti u rifuġjati mhux armati; itenni l-appell tiegħu biex wieħed joqgħod lura minn kull azzjoni li mhijiex koperta mid-dritt internazzjonali; jiddeplora l-militarizzazzjoni eċċessiva tal-isforzi biex tiġi solvuta l-kriżi tar-rifuġjati min-naħa ta' xi Stati Membri; jemmen li l-enfasi fuq il-ġlieda militari kontra t-traffikanti, il-qerda tal-laneċ tagħhom, iż-żieda fis-sorveljanza u l-bini ta' ħitan u ċnut fil-fruntieri esterni tagħmilha aktar perikoluża għall-persuni li qegħdin jaħarbu mill-gwerra u l-persekuzzjoni biex jaslu fl-Ewropa u ġġegħelhom aktar u aktar jirrikorru għat-traffikanti; iqis, barra minn hekk, li dan jibgħat messaġġ żbaljat, jiġifieri li l-persuni li qed ifittxu asil jirrappreżentaw theddida għas-sigurtà, li tista' tiġi miġġielda b'mezzi militari; jenfasizza li l-Istati Membri għandhom obbligu li jiżguraw l-aċċess għat-territorju tal-UE għall-persuni fi bżonn ta' protezzjoni internazzjonali;
17. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissospendu minnufih il-kooperazzjoni dwar il-prevenzjoni tal-migrazzjoni irregolari u t-titjib tal-kontrolli fil-fruntieri ma' pajjiżi terzi bħall-Eritrea u l-Eġittu – kontrolli li bihom fil-fatt ir-rifuġjati qegħdin jintbagħtu lura – u jissospendu kwalunkwe assistenza finanzjarja lil dawn ir-reġimi fid-dawl tar-rapporti tan-NU u ta' diversi NGOs dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem; jopponi l-proposti ta' xi Stati Membri li jitwaqqfu ċentri ta' asil f'pajjiżi terzi u li t-Turkija u l-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq jiġu involuti fl-operazzjonijiet Ewropej ta' tiftix u salvataġġ bil-għan li r-rifuġjati jiġu interċettati u jittieħdu lura l-Afrika u t-Turkija; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tforni lill-Parlament b'evalwazzjoni dwar kemm dawn il-proposti huma konformi mad-dritt internazzjonali tal-asil u dwar l-ostakli prattiċi u legali għall-implimentazzjoni tagħhom; jappella biex il-Proċess ta' Khartoum jiġi sostitwit bi proċess imsejjes fuq ir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u ffukat fuq it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien sabiex jiġu indirizzati l-kawżi fl-għeruq tal-migrazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jiffukaw is-Summit tal-Belt Valletta f'Novembru fuq il-kawżi fl-għeruq tal-migrazzjoni, bħalma huma l-faqar, l-inugwaljanza, l-inġustizzja, it-tibdil fil-klima, il-korruzzjoni, il-governanza ħażina u l-kunflitti armati; jopponi l-pjanijiet biex l-għajnuna għall-iżvilupp tintrabat ma' aktar kontrolli fil-fruntieri jew ftehimiet ta' riammissjoni ma' pajjiżi terzi; jitlob lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-komunità internazzjonali jirrevedu l-kontribut tagħhom għall-faqar u l-kunflitt permezz tal-politiki tagħhom dwar l-agrikoltura, il-kummerċ, l-affarijiet barranin, il-paċi u oħrajn; iħeġġeġ lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-komunità internazzjonali jsaħħu r-rwol tagħhom fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u, b'mod partikolari, jgħinu biex jinstabu soluzzjonijiet politiċi sostenibbli fil-pajjiżi li jinsabu f'kunflitt, bħall-Iraq, is-Sirja u l-Libja, u jsaħħu d-djalogu politiku, inkluż mal-organizzazzjonijiet reġjonali, fir-rigward tal-elementi kollha relatati mad-drittijiet tal-bniedem, bil-għan li jappoġġaw istituzzjonijiet inklużivi u demokratiċi, tinbena r-reżiljenza tal-komunitajiet lokali u jrawmu l-iżvilupp soċjali u demokratiku fil-pajjiżi ta' oriġini u fost il-popli tagħhom;
18. Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jżidu l-finanzjament u l-mezzi ta' reazzjoni għall-kriżijiet umanitarji fl-Unjoni Ewropea u lil hinn minnha; jenfasizza l-fatt li r-reazzjoni umanitarja għall-kriżi tar-rifuġjati għandha tkun parti minn pjan fuq terminu itwal li jinkludi appoġġ umanitarju għall-pajjiżi ġirien tal-pajjiżi ta' oriġini tar-rifuġjati u miżuri biex jissaħħu l-kapaċitajiet tagħhom ta' rkupru bikri u protezzjoni, jissaħħaħ ir-rwol tal-aġenziji tan-NU u titjieb is-sitwazzjoni ekonomika u tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu;
19. Jappella għal traspożizzjoni rapida u sħiħa u implimentazzjoni effikaċi tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil min-naħa tal-Istati Membri parteċipanti kollha, biex b'hekk jiġu żgurati standards Ewropej komuni fil-qafas tal-leġiżlazzjoni eżistenti; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura monitoraġġ xieraq tal-proċessi ta' traspożizzjoni u implimentazzjoni;
20. Ifakkar li l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern – il-kumitat responsabbli għal kwistjonijiet bħal dawn – bħalissa qed iħejji rapport li se jirrifletti l-orjentament tal-Parlament fir-rigward tal-politika dwar il-migrazzjoni għall-perjodu medju u għat-tul;
21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.