Dokument ta' sessjoni
8.9.2015 B8‑0872/2015
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja
( 2015/2834(RSP) )
Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Kazimierz Michał Ujazdowski, Marek Jurek, Zbigniew Kuźmiuk, Beata Gosiewska, Ryszard Czarnecki, Zdzisław Krasnodębski, Angel Dzhambazki
f'isem il-Grupp ECR
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja
( 2015/2834(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bjelorussja,
– wara li kkunsidra s-samit tas-Sħubija tal-Lvant li sar f'Riga f'Mejju 2015 u d-dikjarazzjoni tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rilaxx ta' sitt priġunieri politiċi mill-awtoritajiet Bjelorussi nhar it-22 ta' Awwissu 2015,
– wara li kkunsidra l-elezzjonijiet presidenzjali li daqt ġejjin, li se jseħħu nhar il-11 ta' Ottubru 2015,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, minkejja grad notevoli ta' ftuħ min-naħa tal-awtoritajiet Bjelorussi biex jidħlu f'kuntatt u fi djalogu mal-UE, il-vjolazzjonijiet tal-jeddijiet tal-bniedem għadhom għaddejjin fil-Bjelorussja, inklużi l-intimidazzjoni ta' dawk li jaqbżu għall-jeddijiet tal-bniedem, l-attakki tal-pulizija fuq l-organizzazzjonijiet tal-jeddijiet tal-bniedem u l-qbid tat-tagħmir tagħhom, u t-tneħħija tagħhom bil-forza mill-Bjelorussja;
B. billi l-ewwel żjara uffiċjali tad-Delegazzjoni tal-Parlament għar-relazzjonijiet mal-Bjelorussja sa mill-2002 saret f'Minsku nhar it-18 u d-19 ta' Ġunju 2015;
C. billi sar progress fil-kooperazzjoni f'xi politiki settorjali bħalma huma l-edukazzjoni ogħla, it-taħriġ vokazzjonali, is-suq diġitali, is-settur enerġetiku, is-sigurtà tal-ikel u l-kultura; billi l-UE trid tiżgura, b'dana kollu, li r-riżorsi tagħha ma jintużawx għas-soppressjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, ta' dawk li jiddefendu l-jeddijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti freelance u l-mexxejja tal-oppożizzjoni;
D. billi l-liġi elettorali Bjelorussa għadha ma laħqitx standards internazzjonalment rikonoxxuti, billi tagħti vantaġġ enormi lill-president li hemm bħalissa;
E. billi l-awtoritajiet Bjelorussi fl-aħħar irrilaxxjaw is-sitt priġunieri politiċi wara snin sħaħ jiċħdu li jeżistu;
F. billi l-Bjelorussja kellha rwol importanti fl-iffaċilitar tal-ftehim għall-waqfien mill-ġlied fl-Ukraina;
G. billi l-kunflitt fl-Ukraina kabbar il-biża' fis-soċjetà Bjelorussa ta' destabilizzazzjoni tas-sitwazzjoni interna b'riżultat ta' bidla f'livell ta' poter;
1. Jibqa' profondament imħasseb bis-sitwazzjoni tal-jeddijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali fil-Bjelorussja, kif ukoll bin-nuqqasijiet li ġew osservati matul l-elezzjonijiet preċedenti mill-osservaturi internazzjonali indipendenti u l-persekuzzjoni attiva tal-mexxejja tal-oppożizzjoni wara l-elezzjonijiet;
2. Jilqa' r-rilaxx reċenti tal-priġunieri politiċi li kien fadal; jistieden lill-Gvern Bjelorussu li jirriabilita lill-priġunieri politiċi rilaxxati u li jagħtihom lura jeddijiethom sħaħ ċivili u politiċi; jisħaq, b'dana kollu, li passi simili fil-passi aktar kienu ġesti taparsi milli ħaġa oħra u la kkontribwixxew għat-titjib ta' qagħdet is-soċjetà Bjelorussa u lanqas ma tejbu r-relazzjonijiet mal-UE;
3. Jissottolinja l-ħtieġa li l-Bjelorussja tmexxi l-elezzjonijiet presidenzjali li ġejjin skont l-istandards internazzjonalment rikonoxxuti u li tagħti lill-oppożizzjoni aċċess mingħajr xkiel għall-mezzi kollha tax-xandir li huma kkontrollati mill-Gvern u tħalliha tipparteċipa fl-elezzjonijiet b'parità ta' opportunitajiet;
4. Jistenna li l-awtoritajiet ma jissoktawx jassillaw lill-mezzi tax-xandir indipendenti għal raġunijiet politiċi; iħeġġeġ li tieqaf il-prattika tal-prosekuzzjoni amministrattiva u l-użu arbitrarju tal-Artikolu 22.0, Parti 2, tal-Kodiċi Amministrattiv kontra l-ġurnalisti freelance li jaħdmu mal-mezzi tax-xandir barranin mingħajr akkreditazzjoni, li tirrestrinġi l-libertà tal-espressjoni u t-tixrid tal-informazzjoni;
5. Jissottolinja l-ħtieġa ta' appoġġ għas-sorsi indipendenti kollha ta' informazzjoni fis-soċjetà Bjelorussa, inklużi l-mezzi li jxandru fl-ilsien Bjelorussu minn barra l-pajjiż;
6. Jiġbed l-attenzjoni għas-sitwazzjoni tal-minoranzi nazzjonali fil-pajjiż u l-organizzazzjoni kulturali tagħhom, li l-mexxejja tagħhom kienu f'xi żmien rimpjazzati minn dawk preferuti mill-awtoritajiet tal-Istat, u b'hekk ġiet ivvjolata waħda mil-libertajiet fundamentali tal-bniedem: il-libertà ta' assoċjazzjoni;
7. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Bjelorussja jiżguraw, fiċ-ċirkostanzi kollha, ir-rispett tal-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, skont id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-istrumenti internazzjonali u reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem irratifikati mill-Bjelorussja;
8. Jappoġġja lill-Kummissjoni fil-politika tagħha ta' 'impenn kritiku' mal-awtoritajiet Bjelorussi; ifakkar, iżda, li l-UE ma għandhiex tikkontribwixxi bl-azzjonijiet u r-riżorsi tagħhom għalbiex is-sitwazzjoni tal-oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili ssir agħar;
9. Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni li tappoġġja, b'mezzi finanzjarji u politiċi, l-isforzi tas-soċjetà ċivili Bjelorussa, il-mezzi indipendenti tax-xandir u l-organizzazzjonijiet mhux-governattivi fil-Bjelorussja fl-appoġġ tagħhhom għall-aspirazzjonijiet demokratiċi tal-poplu Bjelorussu;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ/VP), lis-SEAE, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.