Dokument ta' sessjoni
8.9.2015 B8‑0874/2015
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja fid-dawl tal-elezzjonijiet presidenzjali tal-2015
( 2015/2834(RSP) )
Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Peter Lundgren, Kristina Winberg
f'isem il-Grupp EFDD
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja fid-dawl tal-elezzjonijiet presidenzjali tal-2015
( 2015/2834(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bjelorussja,
– wara li kkunsidra l-elezzjonijiet presidenzjali li daqt ġejjin, mistennija li jseħħu nhar il-11 ta' Ottubru 2015,
– wara li kkunsidra l-ewwel żjara uffiċjali tad-Delegazzjoni tal-Parlament għar-relazzjonijiet mal-Bjelorussja sa mill-2002 saret f'Minsku nhar it-18 u d-19 ta' Ġunju 2015,
– wara li kkunsidra l-ewwel rawnd fid-Djalogu Bjelorussja-UE dwar il-Jeddijiet tal-Bniedem, li seħħ nhar it-28 ta' Lulju 2015,
– wara li kkunsidra r-Rapport Perijodiku Universali tal-2015 tal-Kunsill tal-Jeddijiet tal-Bniedem tal-Bjelorussja,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi nhar it-22 ta' Awwissu 2015, il-President Bjelorussu, Alexander Lukashenko, ħareġ maħfra fuq 'kriterji umanitarji' lil sitt mexxejja tal-oppożizzjoni impriġunati mill-awtoritajiet;
B. billi l-ebda wieħed mill-avversarji politiċi rilaxxati ma jista' jikkandida ruħu għall-elezzjonijiet presidenzjali li ġejjin, billi t-terminu għar-reġistrazzjoni tal-kandidati skada lejlet li ġew liberati; billi xi wħud mill-personalitajiet politiċi rilaxxati ġa tpoġġew taħt sorveljanza mill-pulizija b'limitazzjoni ħarxa fuq il-movimenti tagħhom, flimkien mal-obbligu li jirrapportaw regolarment lill-pulizija;
C. billi l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2010 kienu mtebbgħin biċ-ċensura, bir-rejds, u b'mod ġenerali b'attakk aħrax fuq l-oppożizzjoni li flimkien wasslu għall-impriġunament ta' madwar 700 attivisti tal-oppożizzjoni, inklużi seba' kandidati presidenzjali;
D. billi wara l-elezzjonijiet tal-2010, l-UE ġeddedt l-projbizzjoni tal-ivvjaġġar lejn l-Istati Membri kontra Lukashenko u 156 minn dawk li jaħdmu miegħu; billi f'Lulju 2015, il-Kunsill tal-UE neħħa 26 persuna u 4 kumpaniji mil-lista tiegħu ta' sanzjonijiet kontra l-Bjelorussja, filwaqt li fl-istess waqt wessgħu s-sanzjonijiet sal-31 ta' Ottubru 2015;
E. billi l-Bjelorussja hi l-aħħar pajjiż fl-Ewropa li għadu juża l-piena kapitali; billi l-Kodiċi Kriminali tal-Bjelorussja jippreskrivi li l-eżekuzzjonijiet kollha jridu jsiru bil-fuċilazzjoni, li jfisser li l-vittmi kollha jisparawlhom fid-dahar ta' rashom wara li jkunu mġegħla jinżlu għal ikrupptejhom;
F. billi f'Ottubru 2012 il-Kumitat tal-Jeddijiet tal-Bniedem tal-Ġnus Magħquda ddikjara li l-prattiki tal-Gvern Bjelorussu marbutin mal-piena kapitali, inklużi t-twettiq tal-eżekuzzjonijiet bil-moħbi, ir-rifjut tar-rilaxx tal-iġsma lill-familji, u l-possibilità li ma jkunx ikkomunikat il-lok tad-difna ta' dawk li jinqatlu b'eżekuzzjoni lil qrabathom, jivvjolaw il-jeddijiet tal-bniedem tal-priġunieri u l-familji tagħhom;
G. billi fl-1 ta' Jannar 2015 iddaħħlet liġi ġdida li tirregola l-forom kollha tal-mezzi tax-xandir; billi din il-liġi tippermetti lill-gvern jagħlaq il-mezzi kollha tax-xandir, inklużi l-mezzi onlajn, jekk kemm-il darba jippubblikaw kontenut li jidhirlu li 'mhux xieraq';
H. billi f'April 2015 il-President Lukashenko ffirma Digriet Nu 3, 'Dwar il-prevenzjoni tad-dipendenza soċjali', l-hekk-imsejħa 'liġi tal-parasitiżmu soċjali', li tobbliga liċ-ċittadini jħallsu imposta annwa ta' madwar USD 250 jekk ma jkollhomx impjieg;
I. billi fl-ewwel nofs tal-2015 kien hemm aktar minn 30 inċident li fihom il-ġurnalisti ġew detenuti, immultati jew arrestati, f'esklazzjoni ta' assillament tal-ġurnalisti indipendenti;
J. billi l-elezzjonijiet presidenzjali se jsiru nhar il-11 ta' Ottubru 2015;
K. billi nhar it-28 ta' Lulju 2015, l-ewwel rawnd tad-Djalogu Bjelorussja-UE dwar il-jeddijiet tal-bniedem sar fi Brussell, b'fokus fuq it-twaqqif ta' Istituzzjoni Nazzjonali tal-Jeddijiet tal-Bniedem, it-titjib tal-libertà tal-espressjoni, tal-assemblea, u tal-assoċjazzjoni, tal-abolizzjoni tal-piena kapitali u l-ġlieda kontra t-trattament inuman u degradanti, kif ukoll it-tisħiħ ta' jeddijiet it-tfal;
1. Hu mħasseb bid-deterjorament sistematiku tal-jeddijiet tal-bniedem fil-Bjelorussja, it-tiċħid tal-jedd għal-libertà tal-espressjoni, tal-assemblea, u tal-assoċjazzjoni, il-proċess arbitrarju ta' reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u l-użu tal-piena kapitali;
2. Jilqa' d-dikjarazzjonijiet tal-awtoritajiet Bjelorussi li jitolbu n-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Ewropa u mal-Istati Uniti, imma jinnota li s-sitwazzjoni ġenerali tal-jeddijiet tal-bniedem fil-pajjiż ma tjibitx fl-ewwel nofs tal-2015;
3. Jissottolinja li tali normalizzazzjoni għandha sseħħ skont il-prinċipju tal-kondizzjonalità; jistieden lill-Kunsill li jqiegħed il-progress konkret fis-sitwazzjoni tad-demokrazija u l-jeddijiet tal-bniedem fil-pajjiż bħala kondizzjoni għalbiex jintreħew is-sanzjonijiet kontra l-Bjelorussja;
4. Jilqa' l-maħfra presidenzjali mogħtija lis-sitt 'priġunieri politiċi' bħala ġest pożittiv u sinċerament jispera li tkun tista' tirrappreżenta sinjal ta' bidla vera għall-pajjiż u ma tkunx biss mossa strateġik qabel l-elezzjonijiet presidenzjali li ġejjin;
5. Jistieden lill-awtoritajiet jirriabilitaw lill-priġunieri politiċi rilaxxati billi jdaħħluhom lura f'jeddijiethom ċivili u politiċi sħaħ, u li jippermettulhom jirreintegraw ruħhom fil-ħajja pubblika tal-Bjelorussja u li jipparteċipaw fiha;
6. Jemmen li r-rilaxx tas-sitt mexxejja tal-oppożizzjoni, għad li pożittiv, jirrappreżenta biss 'nofs pass' li ma jagħtix garanzija ta' elezzjonijiet kredibbli f'Ottubru; jistieden lill-gvern jerħi r-restrizzjonijiet fuq il-jeddijiet ċiviċi u politiċi bħala pass neċessarju għal elezzjonijiet presidenzjali ħielsa u ġusti;
7. Jistieden lill-awtoritajiet Bjelorussi jagħmlu kull sforz ħalli l-elezzjonijiet isiru b'mod miftuħ, ħieles u demokratiku u skont l-istandards internazzjonalment rikonoxxuti; jistieden lill-awtoritajiet iżommu lura milli jimmarġinalizzaw lill-avversarji tagħhom u milli jagħmlu sarima ma' ħalq il-mezzi tax-xandir, ħalli jippermettu ambjent li fih kull partit ikun jista' tabilħaqq jikkompeti b'parità ta' opportunitajiet mal-oħrajn;
8. Jistenna li l-Gvern tal-Bjelorussja jieħu passi oħrajn ta' siwi għat-titjib tal-jeddijiet umanitarji fil-pajjiż u ma jissoktax jgħattan id-dissent paċifiku; jemmen li riformi maġġuri tal-ġudikatura kif ukoll jeddijiet tal-libertà tal-espressjoni mingħajr xkiel u tal-libertà tal-assemblea jkunu passi neċessarji għal demokrazija kredibbli;
9. Ifakkar li matul l-aħħar għaxar snin bejn żewġ persuni u disgħa sfaw ikkundannti għall-mewt kull sena fil-Bjelorussja; iħeġġeġ lill-Bjelorussja tingħaqad mal-moratorju dinji fuq il-piena kapitali bħala l-ewwel pass lejn l-abolizzjoni universali tagħha;
10. Jemmen b'saħħa fl-importanza tal-bini ta' rabtiet bejn l-UE u l-Bjelorussja fil-livelli kollha; hu konvint b'mod partikolari li l-appoġġ għall-korpi tas-soċjetà ċivili għandu jkun prijorità strateġika tal-UE, u jistieden lill-Kummissjoni tassisti lis-soċjetà ċivili fil-Bjelorussja, b'mezzi finanzjarji u politiċi;
11. Ifaħħar ir-rwol pożittiv tal-Bjelorussja, l-aktar fir-rigward tal-appoġġ tekniku u loġistiku, b'rabta man-negozjati fil-proċess ta' paċi tal-Ukraina, u għall-isforzi tagħha favur it-tnaqqis tat-tensjonijiet f'dak il-pajjiż;
12. Jilqa' l-fatt li nhar l-14 ta' Mejju 2015 il-Bjelorussja ssieħbet fil-Proċess ta' Bolonja u fiz-Zona Ewropea ta' Edukazzjoni Ogħla, u jistiedinha twettaq l-obbligi stabbiliti fil-programm ta' ħidma;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ/VP), lis-SEAE, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.