Seduta plenarja

 

B8-1005/2015

5.10.2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8-0761/2015

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar il-piena tal-mewt

2015/2879(RSP) )

Ignazio Corrao, Marco Zullo, Fabio Massimo Castaldo

f'isem il-Grupp EFDD

 

B8-1005/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-piena tal-mewt

( 2015/2879(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt, b'mod partikulari dik tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar il-Jum Dinji kontra l-Piena tal-Mewt[1],

–       wara li kkunsidra l-Protokolli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, b'mod partikolari r-Riżoluzzjonijiet 62/149 u 63/138 dwar moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet fl-istennija tal-abolizzjoni tal-piena tal-mewt,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1984 kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali adottata mill-5 Kungress Dinji kontra l-Piena tal-Mewt li sar f'Madrid mit-12 sal-15 ta' Ġunju 2013,

–       wara li kkunsidra l-Istudju dwar l-impatt tal-problema dinjija tad-droga fuq it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem, maħruġ mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem f'Settembru 2015,

–       wara li kkunsidra l-Jum Dinji u l-Jum Ewropew kontra l-Piena tal-Mewt, fl-10 ta' Ottubru ta’ kull sena,

–       wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kunsill dwar il-piena tal-mewt ( O-000103/2015 – B8‑0761/2015 ),

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-Unjoni Ewropea għandha pożizzjoni qawwija u ta' prinċipju kontra l-piena tal-mewt, li tistabbilixxi bħala objettiv ewlieni tal-politika tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem moratorju universali bħala pass lejn l-abolizzjoni dinjija tal-piena kapitali;

B.     billi l-Jum Dinji kontra l-Piena tal-Mewt fl-10 ta' Ottubru 2015 għandu l-għan li “jqajjem kuxjenza dwar l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt għal reati relatati mad-drogi";

C.     billi 101 stat abolixxew il-piena tal-mewt għad-delitti kollha; billi fl-2014 tal-inqas 22 stat wettqu eżekuzzjonijiet, waqt li tal-inqas 2 466 persuna ġew ikkundannati għall-mewt;

D.     billi 33 stat japplikaw il-piena tal-mewt għal reati relatati mad-drogi, bir-riżultat li kull sena jitwettqu madwar 1 000 eżekuzzjoni; billi huwa magħruf li fl-2015 twettqu eżekuzzjonijiet għal reati bħal dawn fiċ-Ċina, l-Iran, l-Indoneżja u l-Arabja Sawdija; billi fl-2015 baqgħu jiġu imposti kundanni għall-mewt għal reati relatati mad-drogi fiċ-Ċina, l-Indoneżja, l-Iran, il-Kuwajt, il-Malasja, l-Arabja Sawdija, is-Sri Lanka, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Vjetnam; billi dawn ir-reati jistgħu jinkludu diversi akkużi relatati mat-traffikar jew il-pussess tad-drogi;

E.     billi, f’dawn l-aħħar 12-il xahar kien hemm żieda qawwija fl-użu tal-piena tal-mewt madwar id-dinja għal reati marbuta mad-drogi, u għadd ta’ stati ġġustizzjaw, b’rata ogħla sew, lil persuni għal reati marbuta mad-droga (bħal fil-każ tal-Iran u l-Arabja Sawdija), oħrajn għandhom il-ħsieb li jintroduċu mill-ġdid il-piena tal-mewt għal reati marbuta mad-droga (bħal fil-każ tal-Oman) waqt li oħrajt temmew moratorji li ilhom għaddejjin snin twal fuq il-piena tal-mewt (bħal fil-każ tal-Indoneżja u l-Pakistan);

F.     billi, ġie rrappurtat li l-Iran iġġustizzja lil 394 persuna ħatja ta’ reati relatati mad-droga fl-ewwel sitt xhur tal-2015, meta mqabbel ma’ 367 persuna tul l-2014; billi nofs l-eżekuzzjonijiet kollha li twettqu fl-Arabja Sawdija din is-sena kienu jirrigwardaw reati relatati mad-droga, meta mqabbel ma’ 4 % biss tan-numru totali fl-2010; billi minn tal-inqas 112 persuna ħatja ta’ reati relatati mad-droga qed jistennew li jiġu ġġustizzjati wara li ġew ikkundannati għall-mewt mill-Pakistan;

G.     billi n-nies għadhom jiġu kkundannati għall-mewt bit-tħaġġir, u billi f’dawn l-aħħar snin tħaġġru mijiet ta’ nisa minħabba l-adulterju; billi t-tħaġġir huwa meqjus bħala forma ta’ tortura;

H.     billi hemm għexieren ta' ċittadini Ewropej li qed jiffaċċjaw l-eżekuzzjoni f'pajjiżi terzi, ħafna minnhomm minħabba reati relatati mad-droga;

I.      billi l-Artikolu 6(2) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi jistipula li l-piena tal-mewt tista’ tiġi applikata biss għad-“delitti l-aktar gravi”; billi l-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u r-Rapporteurs Speċjali tan-NU dwar l-Eżekuzzjonijiet Extraġudizzjarji, Sommarji u Arbitrarji u dwar it-Tortura ddikjaraw li l-piena tal-mewt m’għandhiex tiġi imposta għal reati marbuta mad-droga;

J.      billi l-Bord Internazzjonali għall-Kontroll tan-Narkotiċi ħeġġeġ lill-istati li jimponu l-piena tal-mewt biex jabolixxuha kompletament għal reati relatati mad-drogi;

K.     billi l-impożizzjoni tal-piena tal-mewt għal reati relatati mad-drogi hija interrelatata ma’ firxa ta’ ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem, bħall-ksur tad-dritt għal proċess ġust u d-dritt li wieħed ma jkunx soġġett għal tortura u forom oħra ta’ trattament ħażin; billi l-piena tal-mewt obbligatorja u l-użu tagħha għal reati relatati mad-droga huma f’kontradizzjoni mad-dritt u l-istandards internazzjonali;

L.     billi l-Kummissjoni u l-Istati Membri taw EUR 60 miljun lill-programmi għall-ġlieda kontra d-droga tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC), li huma ffokati fuq l-infurzar tal-liġijiet relatati mad-droga f’pajjiżi li japplikaw b’mod attiv il-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga;

M.    billi verifiki indipendenti tal-operazzjonijiet tal-UNODC fil-Pakistan u l-Iran u rapporti reċenti ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) qajmu tħassib dwar l-implimentazzjoni tal-gwida dwar id-drittijiet tal-bniedem tan-NU min-naħa tal-uffiċċji tal-pajjiżi tal-aġenzija tan-NU u dwar korrelazzjoni diretta bejn il-finanzjament tal-ġlieda kontra d-droga u s-sentenzi tal-mewt mgħoddija għal reati relatati mad-droga f’dawk il-pajjiżi;

N.     billi, fil-qafas tal-Istrument tal-UE li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi (IcSP) u l-predeċessur tiegħu, l-Istrument għall-Istabbiltà (IfS), il-Kummissjoni introduċiet żewġ miżuri kontra n-narkotiċi fuq livell reġjonali fuq skala kbira – programmi tar-rotot tal-kokaina u tal-eroina, li l-ambitu tagħhom jinkludi pajjiżi li japplikaw il-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga; billi, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament IcSP, il-Kummissjoni hija obbligata tuża linji gwida operazzjonali għall-konformità mal-liġi dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja fir-rigward tal-miżuri kontra l-kriminalità organizzata;

1.      Itenni l-kundanna tiegħu għall-użu tal-piena tal-mewt u jappoġġja bil-qawwa l-introduzzjoni ta' moratorju fuq il-piena tal-mewt, bħala pass lejn l-abolizzjoni tagħha; jenfasizza mill-ġdid li l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt tikkontribwixxi għat-tisħiħ tad-dinjità tal-bniedem;

2.      Jikkundanna l-eżekuzzjonijiet kollha, iseħħu fejn iseħħu; jibqa' mħasseb ħafna dwar l-impożizzjoni tal-piena tal-mewt fuq il-minorenni u fuq il-persuni b'diżabilità mentali jew intellettwali, u jappella li prattiki bħal dawn, li jiksru standards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, jinqatgħu b'mod immedjat u definittiv;

3.      Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-prattika tat-tħaġġir, li għadha tintuża fil-Pakistan, in-Niġerja, l-Afganistan, l-Iran, l-Iraq, is-Sudan, is-Somalja u l-Arabja Sawdija, u jħeġġeġ lill-gvernijiet tal-pajjiżi kkonċernati biex minnufih jadottaw leġiżlazzjoni li tipprojbixxi t-tħaġġir u forom oħra tal-piena tal-mewt għal dawk li jinsabu ħatja ta’ ‘adulterju’ jew delitti oħra, u biex jerġgħu jdaħħlu moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet;

4.      Jindika li tmien stati jimponu l-piena tal-mewt għall-omosesswalità (il-Mauritania, is-Sudan, l-Iran, l-Arabja Sawdija, il-Jemen, il-Pakistan, l-Afganistan u l-Qatar) u li provinċji fin-Niġerja u fis-Somalja jimplimentaw uffiċjalment il-piena tal-mewt għal atti sesswali bejn persuni tal-istess sess; jistieden lil dawn l-istati jtemmu l-kriminalizzazzjoni tal-omosesswalità u jistieden lill-Brunei Darussalam biex ma japplikax il-piena tal-mewt għall-omosesswalità fl-2016, kif hu ppjanat attwalment; iħeġġeġ lis-SEAE jżomm il-ġlieda kontra l-kriminalizzazzjoni tal-omosesswalità bħala prijorità ewlenija, f'konformità mal-Linji Gwida tal-UE għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tat-Tgawdija tad-Drittijiet Kollha tal-Bniedem mill-Persuni Leżbjani, Gay, Bisesswali, Transġeneri u Intersesswali (LGBTI);

5.      Iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Istati Membri biex jibqgħu jiġġieldu kontra l-użu tal-piena tal-mewt u biex iħeġġu lill-pajjiżi li għadhom iwettqu l-piena tal-mewt biex jikkonformaw mal-istandards minimi internazzjonali, biex inaqqsu l-ambitu u l-użu tal-piena tal-mewt u biex jippubblikaw ċifri ċari u preċiżi dwar l-għadd ta' sentenzi u eżekuzzjonijiet; iħeġġeġ lis-SEAE jibqa' viġilanti fir-rigward tal-iżviluppi fil-pajjiżi kollha, u juża l-mezzi kollha ta' influwenza għad-dispożizzjoni tiegħu;

6.      Jistieden lill-istati li abolixxew il-piena tal-mewt jew li għandhom moratorju ta’ ħafna snin fuq il-piena tal-mewt biex ma jerġgħux jintroduċuha, u jħeġġiġhom biex jaqsmu l-esperjenza tagħhom f’dan ir-rigward;

7.      Jibqa’ konvint għalkollox li sentenzi tal-mewt ma jiskoraġġixxux it-traffikar tad-droga, u lanqas ma jżommu lill-individwi milli jisfaw vittmi ta’ abbuż tad-droga; jappella lill-pajjiżi li jridu jżommu l-piena tal-mewt biex fil-każ ta' reati relatati mad-droga jintroduċu alternattivi li jiffukaw, b’mod partikolari, fuq programmi għall-prevenzjoni tad-droga u għat-tnaqqis tad-danni;

8.      Jesprimi tħassib serju dwar il-fatt li l-programmi ffinanzjati Ewropej tal-ġlieda kontra n-narkotiċi fi stati li żammew il-piena tal-mewt jaf qegħdin jinkoraġġixxu l-kundanni għall-mewt u l-eżekuzzjonijiet, b'mod partikolari billi jistabbilixxu miri u indikaturi ta' żieda fil-konfiski, l-arresti u l-kundanni, u kastigi aktar ħorox;

9.      Itenni r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt għal reati marbuta mad-droga għandha ssir prerekwiżit għal assistenza finanzjarja, assistenza teknika, bini ta' kapaċitajiet u appoġġ ieħor għall-politika tal-infurzar tal-liġijiet relatati mad-droga;

10.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaffermaw mill-ġdid il-prinċipju kategoriku li l-għajnuna u l-assistenza Ewropej jistgħu ma jiffaċilitawx operazzjonijiet ta' infurzar tal-liġi li jwasslu għal sentenzi tal-mewt u l-eżekuzzjoni ta' dawk arrestati;

11.    Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' trasparenza fl-għajnuna u l-assistenza għall-ġlieda kontra n-narkotiċi mogħtija mill-Kummissjoni u l-Istati Membri għal operazzjonijiet ta' infurzar tal-liġijiet dwar id-droga f'pajjiżi li japplikaw il-piena tal-mewt b'mod aggressiv għal reati marbuta mad-droga;

12.    Jitlob li l-Kummissjoni tippubblika rendikont annwali tal-finanzjament tagħha għall-programmi dwar il-ġlieda kontra n-narkotiċi f’pajjiżi li jżommu l-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga, flimkien ma’ ġabra narrattiva ta’ fejn dan il-finanzjament ġie dirett, liema salvagwardji tad-drittijiet tal-bniedem ġew applikati biex ikun żgurat li dan ma jippermettix sentenzi ta’ mewt, u sa liema punt l-istati benefiċjarji kkonformaw mal-kundizzjonijiet Ewropej;

13.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta mingħajr aktar dewmien il-linji gwida operattivi stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament IcSP, tapplikahom b'mod strett għal programmi tar-rotot tal-kokaina u l-eroina u, fl-eventwalità ta' nuqqas ta' konformità u inkonsistenza mal-linji gwida, tissospendi minnufih dawn il-programmi;

14.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu l-programmi futuri ta' finanzjament tal-UNODC għall-glieda kontra n-narkotiċi soġġetti għall-kapaċità li l-UNODC turi bil-provi kif il-prinċipji ċentrali tal-gwida tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem se jiġu applikati fl-amministrazzjoni ta' dak il-finanzjament, u b'mod speċifiku kif dan il-finanzjament se jiġi ffriżat jew irtirat jekk l-istat benefiċjarju jippersisti bis-sentenzi tal-mewt għal persuni ħatja ta' reati marbuta mad-droga;

15.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkonforma mar-rakkomandazzjoni fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drogi (2013-2016) li għandha tiġi żviluppata u implimentata “[għodda] ta’ gwida u valutazzjoni rigward id-drittijiet tal-bniedem” biex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-bniedem ikunu integrati b’mod effettiv “fl-azzjoni esterna tal-UE dwar id-drogi”;

16.    Iħeġġeġ lis-SEAE, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jipprovdu gwida komprensiva għal politika Ewropea komprensiva u effettiva dwar il-piena kapitali fir-rigward ta’ għexieren ta’ ċittadini Ewropej li jiffaċċjaw eżekuzzjoni f’pajjiżi terzi, li għandhom jinkludu mekkaniżmi sodi u msaħħa f’termini ta’ identifikazzjoni, għoti ta’ assistenza legali u rappreżentanza diplomatika;

17.    Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw li s-Sessjoni Speċjali tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar il-Problema Dinjija tad-Droga, li għandha tinżamm f'April 2016, tindirizza l-użu tal-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga, u jikkundanna l-applikazzjoni tagħha;

18.    Ifaħħar u jkompli jinkoraġġixxi l-attivitajiet ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi li jaħdmu favur l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt mad-dinja kollha; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiffinanzja proġetti f'dan il-qasam bħala prijorità tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR);

19.    Jitlob lis-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (AFET) biex iħejji rapport dwar il-piena tal-mewt fid-dinja;

20.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u lill-gvernijiet tal-istati membri tan-NU.

 

[1] ĠU C 371 E, 20.12.2011, p. 5.