Seduta plenarja
5.10.2015
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8‑0761/2015
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar il-piena tal-mewt
( 2015/2879(RSP) )
Marie-Christine Vergiat, Patrick Le Hyaric, Younous Omarjee, Malin Björk, Barbara Spinelli, Martina Anderson, Lynn Boylan, Matt Carthy, Liadh Ní Riada, Rina Ronja Kari, Merja Kyllönen, Marisa Matias, Sabine Lösing, Eleonora Forenza, Fabio De Masi, Lola Sánchez Caldentey, Josu Juaristi Abaunz, Kostadinka Kuneva, Kostas Chrysogonos, Stelios Kouloglou, Dimitrios Papadimoulis, Takis Hadjigeorgiou, Sofia Sakorafa
f'isem il-Grupp GUE/NGL
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-piena tal-mewt
( 2015/2879(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt, b'mod partikolari dik tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar il-Jum Dinji Kontra l-Piena tal-Mewt[1], u dwar il-ħtieġa ta' moratorju immedjat fuq l-eżekuzzjonijet f'dawk il-pajjiżi fejn il-piena tal-mewt għadha applikata,
– wara li kkunsidra l-Protokolli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, b'mod partikolari l-Artikolu 6(2) tiegħu u t-Tieni Protokoll Fakultattiv tiegħu,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra id-Droga u l-Kriminalità (UNODC) u tal-Bord Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kontroll tan-Narkotiċi (INCB) dwar l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt, b'mod partikolari għal reati marbuta mad-drogi,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Finali adottata mill-5 Kungress Dinji Kontra l-Piena tal-Mewt f'Madrid fil-15 ta' Ġunju 2013,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 62/149 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-18 ta' Diċembru 2007, li tappella għal moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt, u l-ħames riżoluzzjonijiet adottati mill-Assemblea Ġeneali tan-NU, b'mod partikolari dik tat-18 ta' Diċembru 2014, li tfakkar l-impenn tan-NU għall-abolizzjoni tal-piena tal-mewt,
– wara li kkunsidra l-Jum Dinji u l-Jum Ewropew Kontra l-Piena tal-Mewt li jokkorri fl-10 ta' Ottubru ta' kull sena, u wara li kkunsidra l-fatt li fl-2015 il-Jum Dinji Kontra l-Piena tal-Mewt huwa ddedikat għall-waqfa tal-eżekuzzjonijiet fir-rigward ta' delitti marbuta mad-droga,
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kunsill dwar il-piena tal-mewt ( O-000103/2015 – B8‑0761/2015 ),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-piena tal-mewt hija l-aktar piena krudili, inumana u degradanti, u tikser id-dritt għall-ħajja li huwa minqux fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem billi l-kundizzjonijiet fil-ħabs ta' dawk li huma kkundannati għall-mewt jikkawżaw sofferenza psikoloġika estrema u billi l-eżekuzzjoni tammonta għal attakk fiżiku u mentali;
B. billi l-piena tal-mewt ħafna drabi tintuża kontra persuni żvantaġġati, morda mentali, u b'mod partikolari kontra membri ta' minoranzi nazzjonali u kulturali; billi f'xi postijiet, l-impożizzjoni tal-piena tal-mewt għandha l-għeruq tagħha f'diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali jew it-twemmin;
C. billi l-Unjoni Ewropea għandha pożizzjoni qawwija u ta' prinċipju kontra l-piena tal-mewt, li tistabbilixxi l-abolizzjoni globali tal-piena kapitali bħala objettiv ewlieni tal-politika tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem;
D. billi 101 pajjiż abolixxew il-piena tal-mewt għad-delitti kollha; billi fl-2014 minn tal-anqas 22 pajjiż wettqu eżekuzzjonijiet u minn tal-anqas 2 466 persuna ġew ikkundannati għall-mewt, jiġifieri 28 % aktar milli fl-2013; billi l-ħames pajjiżi fid-dinja fejn il-piena tal-mewt tintuża l-aktar huma ċ-Ċina (b'aktar minn 1 000 eżekuzzjoni skont l-NGOs), l-Iran (b'289 eżekuzzjoni rikonoxxuti uffiċjalment u aktar minn 454 eżekuzzjoni mhux uffiċjali skont l-NGOs), l-Arabja Sawdija (b'tal-anqas 90 eżekuzzjoni), l-Iraq (b'tal-anqas 61 eżekuzzjoni) u l-Istati Uniti (b'35 eżekuzzjoni);
E. billi tmien Stati jimponu l-piena tal-mewt għall-omosesswalità (il-Mauritania, is-Sudan, l-Iran, l-Arabja Sawdija, il-Jemen, il-Pakistan, l-Afganistan u l-Qatar) u provinċji fin-Niġerja u fis-Somalja uffiċjalment jimplimentaw il-piena tal-mewt għal atti sesswali bejn persuni tal-istess sess;
F. billi fit-18 ta' Diċembru 2014 l-Assemblea Ġenerali tan-NU vvutat għall-ħames darba (b'117-il vot favur, 38 kontra u 34 astenzjoni) għal riżoluzzjoni favur moratorju universali fuq il-piena tal-mewt bl-għan li tiġi abolita;
G. billi, f'dawn l-aħħar 12-il xahar, madwar id-dinja kien hemm żieda qawwija fl-użu tal-piena tal-mewt għal reati marbuta mad-droga, u għadd ta' Stati ġġustizzjaw persuni għal reati marbuta mad-droga b'rata ogħla b'mod sinifikanti (bħal fil-każ tal-Iran u l-Arabja Sawdija), bl-għan li jintroduċu mill-ġdid il-piena tal-mewt għal reati marbuta mad-droga (bħal fil-każ tal-Oman), jew li jtemmu l-moratorji fuq il-piena tal-mewt li ilhom fis-seħħ snin twal (bħal fil-każ tal-Indoneżja u l-Pakistan); billi, mill-14-il pajjiż li japplikaw il-piena tal-mewt għal reati marbuta mad-droga, 12 huma pajjiżi Asjatiċi jew tal-Lvant Nofsani; billi, fl-2015, 14-il persuna ġew iġġustizzjati fl-Indoneżja għal reati marbuta mat-traffikar tad-droga, li 12 minnhom kienu barranin; billi għexieren ta' persuni li huma kkundannati għall-mewt qegħdin jistennew li jiġu ġġustizzjati, inkluż ċittadini Ewropej, fosthom il-Franċiż Serge Atlaoui;
H. billi, skont kif ġie rrappurtat, l-Iran iġġustizzja 394 persuna ħatja ta' reati marbuta mad-droga fl-ewwel sitt xhur tal-2015, meta mqabbel mat-367 persuna fl-2014; billi minn tal-inqas 112 persuna ħatja ta' reati marbuta mad-droga u li ġew kkundannati għall-mewt qegħdin jistennew li jiġu ġġustizzjati fil-Pakistan; billi verifiki indipendenti ta' operazzjonijiet tal-UNODC fil-Pakistan u l-Iran u rapporti reċenti ta' NGOs qajmu tħassib dwar l-implimentazzjoni ta' gwida dwar id-drittijiet tal-bniedem mill-uffiċċji li l-Aġenzija tan-NU għandha fil-pajjiżi, u dwar il-korrelazzjoni diretta bejn il-finanzjament għall-ġlieda kontra n-narkotiċi u s-sentenzi tal-mewt mogħtija għal akkużi marbuta mad-droga f'dawk il-pajjiżi;
I. billi l-istupru, il-qtil, l-apostasija, is-serq armat u t-traffikar tad-droga huma punibbli bil-piena tal-mewt fl-Arabja Sawdija; billi nofs l-eżekuzzjonijiet kollha li twettqu fl-Arabja Sawdija din is-sena kienu jirrigwardaw reati marbuta mad-droga, meta mqabbel mal-4 % biss tan-numru totali fl-2010; billi l-piena tal-mewt titwettaq permezz tad-dekapitazzjoni, u xi drabi wara l-iġsma jiġu msallba; billi, fis-27 ta' Mejju 2014, Ali Mohammed al-Nimr ġie kkundannat għall-mewt permezz tad-dekapitazzjoni segwita bil-kruċifissjoni, għall-parteċipazzjoni f'organizzazzjoni terroristika, minkejja l-fatt li l-konfessjoni tiegħu nkisbet b'tortura waqt li huwa kien għadu minorenni;
J. billi l-istat ta' Nebraska ddeċieda li jabolixxi l-piena tal-mewt fl-2015; billi fl-2015, 19-il persuna diġà ġew iġġustizzjati fl-Istati Uniti permezz ta' injezzjoni letali, inklużi żewġ persuni li għandhom diżabbiltajiet intellettwali: Warren Lee Hill fis-27 ta' Jannar 2015 fil-Georgia u Robert Ladd fid-29 ta' Jannar 2015 f'Texas; billi, fis-17 ta' Marzu 2015, Cecil Clayton, raġel ta' 74 sena b'korriment gravi f'moħħu, ġie ġġustizzjat f'Missouri; billi Mumia Abu-Jamal, priġunier Afro-Amerikan, magħruf ukoll bħala "l-vuċi ta' dawk bla vuċi", li kien ikkundannat għall-mewt mill-1982 sal-2011, wara proċess inġust u mmotivat mir-razziżmu, sakemm is-sentenza tiegħu tnaqqset għal priġunerija għal għomru, qiegħed jiffaċċja sitwazzjoni diffiċli ferm peress li l-istat ta' Pennsylvania ċaħadlu l-aċċess għall-kura tas-saħħa, ċaħda li b'hekk tpoġġilu ħajtu f'periklu; billi Hank Skinner għadu jistenna li jiġi ġġustizzjat f'Texas minkejja l-fatt li eżami tad-DNA fil-każ tiegħu xeħet dubju konsiderevoli dwar il-ħtija tiegħu;
K. billi l-Gvern Eġizzjan wettaq proċessi politiċi tal-massa matul is-sena l-oħra u aktar minn 100 persuna ġew ikkundannati għal mewt, inkluż il-President li tneħħa mill-kariga, Mohammed Morsi; billi Ibrahim Halawa, ċittadin Irlandiż, u oħrajn qegħdin jiffaċċjaw kundanna possibbli ta' mewt fl-Eġittu talli pparteċipaw fi protesta;
L. billi l-qawmien mill-ġdid ta' diskors favur il-piena tal-mewt fl-UE, inkluż minn ċertu membri ta' gvernijiet, huwa fenomenu allarmanti;
M. billi jeħtieġ li l-UE u l-Istati Membri jieħdu pożizzjoni koerenti kontra l-piena tal-mewt fl-azzjonijiet u l-finanzjamenti kollha tagħhom, b'mod speċjali fir-rigward ta' pajjiżi li japplikaw il-piena tal-mewt;
1. Itenni l-oppożizzjoni tiegħu, li ilha stabbilita għal żmien twil, kontra l-piena tal-mewt, fil-każijiet kollha u taħt kwalunkwe ċirkostanza, u jenfasizza għal darb'oħra li l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt tikkontribwixxi għat-tisħiħ tad-dinjità tal-bniedem;
2. Jikkundanna l-eżekuzzjonijiet kollha, iseħħu fejn iseħħu; jibqa' mħasseb bil-kbir dwar l-impożizzjoni tal-piena tal-mewt fuq il-minorenni, fuq persuni żvantaġġati u fuq persuni b'diżabbiltajiet mentali jew intellettwali, u jappella li prattiki bħal dawn, li jiksru standards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, jinqatgħu b'mod immedjat u definittiv;
3. Ifakkar li l-abolizzjoni sħiħa tal-piena tal-mewt għadha waħda mill-għanijiet ewlenin tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem; ifakkar, barra minn hekk, li din il-mira tintlaħaq biss permezz ta' kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati, u kooperazzjoni dwar l-edukazzjoni, is-sensibilizzazzjoni, l-effiċjenza u l-effikaċja; jappoġġa bil-qawwa il-moratorju bħala pass 'il quddiem lejn l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt; ikompli jagħti spinta lill-abolizzjoni tal-piena tal-mewt mad-dinja kollha; iħeġġeġ bis-sħiħ lill-pajjiżi li għadhom iwettqu pieni kapitali biex jikkonformaw ma' standards minimi internazzjonali u jippubblikaw ċifri ċari u preċiżi dwar in-numru ta' kundanni u eżekuzzjonijiet;
4. Jinsab allarmat bin-numru ta' eżekuzzjonijiet fl-Arabja Sawdija; jesprimi tħassib serju u stmerrija għall-kundanna ta' mewt permezz tad-dekapitazzjoni, segwita bil-kruċifissjoni, ta' Ali Mohammend al-Nimr mill-awtoritajiet Sawdin, wara proċess inġust u mmotivat politikament; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Sawdin jeħilsu minnufih lil Ali Mohammed al-Nimr u jannullaw din is-sentenza barbara u jikkonformaw mal-istandards internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-Istati Membri, għalhekk, jintensifikaw il-pressjoni tagħhom fuq ir-reġim Sawdi biex jagħti maħfra lil Ali Mohammed al-Nimr u jabolixxi l-piena tal-mewt;
5. Jinsab allarmat bil-fatt li ċ-Ċina għadha twettaq l-ogħla numru ta' eżekuzjonijiet fis-sena u li dawn l-eżekuzzjonijiet huma kklassifikati bħala "sigriet tal-istat"; iħeġġeġ lill-Gvern taċ-Ċina jtemm dawn il-prattiki u jippubblika lista ta' persuni li diġà ġew iġġustizzjati;
6. Jinsab allarmat ukoll biż-żieda fir-rata ta' eżekuzzjonijiet fl-Iran u bil-fatt li, skont l-NGOs, ħafna minnhom huma extraġudizzjarji u mhumiex rikonoxxuti mill-awtoritajiet; iħeġġeġ lill-Gvern itemm din il-prattika u jippubblika lista trasparenti ta' persuni li diġà ġew iġġustizzjati;
7. Jikkundanna għal darb'oħra l-użu tal-piena tal-mewt fl-Iraq; jikkondividi t-tħassib tan-NU għaż-żieda tal-eżekuzzjonijiet sa mill-introduzzjoni mill-ġdid tal-piena tal-mewt fl-2005 u n-nuqqas ta' sistema ġuridika fil-pajjiż; jenfasizza l-fatt li sa Awwissu 2014, 1 724 priġunier ġew ikkundannati għal mewt skont sorsi uffiċjali; jenfasizza l-fatt li n-nuqqas ta' ġustizzja fl-Iraq illum irid jitqies fil-kuntest tal-kollass kważi assolut tal-liġi u l-ordni wara l-invażjoni mill-forzi tal-Istati Uniti u tar-Renju Unit, u jinkludi delitti tal-gwerra, atroċitajiet, u l-qtil ta' persuni ċivili minn merċenarji u forzi militari tal-okkupazzjoni tal-Istati Uniti,
8. Jikkundanna għal darb'oħra l-użu tal-piena tal-mewt fl-Istati Uniti, b'mod speċjali l-kundanni li huma r-riżultat ta' proċessi inġusti u mmotivati mir-razziżmu, u l-eżekuzzjoni ta' persuni b'diżabbiltajiet intellettwali; jilqa' l-fatt li l-istat ta' Nebraska fl-2015 iddeċieda li jabolixxi l-piena tal-mewt, u jħeġġeġ għal dabr'oħra lill-Istati Uniti ttemm din il-prattika; jinsab allarmat b'mod partikolari bis-sitwazzjoni ta' Mumia Abu-Jamal u bil-fatt li huwa m'għandux aċċess għall-kura tas-saħħa; jenfasizza l-fatt li fl-2011 is-sistema tal-ġustizzja federali rrikonoxxiet li Mumia Abu-Jamal ma kienx ingħata proċess ġust, u jappella għalhekk li jinħeles immedjatament u jingħata aċċess għall-kura tas-saħħa skont id-dritt internazzjonali; jappella wkoll għall-ħelsien ta' Hank Skinner u Emma Clancy; iħeġġeġ lill-UE tinsisti fuq ir-rispett tal-istandards tad-drittijiet tal-bniedem fid-djalogu mal-Istati Uniti u li ttemm kwalunkwe ftehim ma' dak il-pajjiż fl-eventwalità ta' ksur tad-dritt internazzjonali min-naħa tiegħu;
9. Jinsab allarmat bil-kbir bil-qawmien mill-ġdid ta' diskorsi favur il-piena tal-mewt fl-Ewropa u bl-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji li qegħdin jitwettqu mill-Gvern Britanniku fis-Sirja; jenfasizza li l-ġlieda kontra t-terroriżmu ma tista' qatt tiġi ġġustifikata b'nuqqas ta' rispett tad-dritt internazzjonali; jappella għalhekk għal investigazzjoni internazzjonali immedjata u indipendenti u sabiex dawk responsabbli jinġiebu quddiem il-ġustizzja; jappella wkoll għal investigazzjoni ġenerali indipendenti dwar l-użu tal-eżekuzzjoni extraġudizzjarja minn Stati Membri, b'mod partikolari fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, u jħeġġeġ lill-partijiet kollha jwaqqfu minnufih dawn il-prattiki, li jiksru d-dritt internazzjonali u jistgħu jitqiesu bħala stabbiliment mill-ġdid de facto tal-piena tal-mewt;
10. Jinsab imħassab b'mod partikolari dwar iż-żieda fl-użu tal-piena tal-mewt fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu f'numru ta' pajjiżi bħall-Eġittu u n-Niġerja, u bil-possibbiltà li l-piena tal-mewt terġa' tiddaħħal, bħal fil-każ taċ-Chad u t-Tuneżija; jenfasizza l-fatt li l-piena tal-mewt qatt mhija se tnaqqas it-terroriżmu u li l-ġlieda kontrih m'għandha qatt issir bi skapitu tad-drittijiet tal-bniedem;
11. Jikkundanna d-deċiżjoni li ttemm il-moratorji li ilhom fis-seħħ fuq il-piena tal-mewt f'bosta pajjiżi bħall-Pakistan u l-Indoneżja, u jħeġġeġ lil dawn il-pajjiżi jtemmu din il-prattika u jreġġgħu lura d-deċiżjonijiet tagħhom;
12. Jistieden lill-Istati kkonċernati jtemmu l-kriminalizzazzjoni tal-omosesswalità u jistieden lill-Brunei Darussalam ma japplikax il-piena tal-mewt għall-omosesswalità fl-2016, kif stabbilit attwalment; iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri jżommu l-ġlieda kontra l-kriminalizzazzjoni tal-omosesswalità bħala prijorità ewlenija, f'konformità mal-Linji Gwida tal-UE għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tat-Tgawdija tad-Drittijiet tal-Bniedem mill-Persuni Leżbjani, Gay, Bisesswali, Transġeneri u Intersesswali (LGBTI);
13. Jesprimi tħassib serju dwar il-fatt li l-programmi ffinanzjati mill-Ewropa għall-ġlieda kontra n-narkotiċi fi stati li żammew il-piena tal-mewt jistgħu jkunu qegħdin jinkoraġġixxu kundanni u eżekuzzjonijiet kapitali, b'mod partikolari billi jistabbilixxu miri u indikaturi ta' żieda fil-konfiski, arresti u kundanni, u pieni aktar ħorox;
14. Itenni r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt għal reati marbuta mad-droga għandha ssir prerekwiżit għall-assistenza politika, l-assistenza teknika, il-bini ta' kapaċitajiet u appoġġ ieħor għall-politika tal-infurzar tal-liġijiet dwar id-droga;
15. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaffermaw mill-ġdid il-prinċipju kategoriku li l-għajnuna u l-assistenza mill-Ewropa ma jistgħux jiffaċilitaw operazzjonijiet ta' infurzar tal-liġi li jwasslu għal kundanni ta' mewt u għall-eżekuzzjoni ta' dawk arrestati;
16. Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' trasparenza fl-għajnuna u fl-assistenza għall-ġlieda kontra n-narkotiċi mogħtija mill-Kummissjoni u l-Istati Membri għall-operazzjonijiet ta' infurzar tal-liġijiet dwar id-droga f'pajjiżi li japplikaw il-piena tal-mewt b'mod aggressiv għal reati marbuta mad-droga;
17. Jitlob li l-Kummissjoni tippubblika rendikont annwali tal-finanzjament tagħha għall-programmi dwar il-ġlieda kontra n-narkotiċi f'pajjiżi li jżommu l-piena tal-mewt għal reati marbuta mad-droga, flimkien ma' sommarju narrattiv ta' fejn dan il-finanzjament ikun ġie dirett, liema salvagwardji tad-drittijiet tal-bniedem ikunu ġew applikati biex jiżguraw li dan il-finanzjament ma jkunx ippermetta kundanni tal-mewt, u sa liema punt l-istati benefiċjarji jkunu kkonformaw mal-kundizzjonijiet Ewropej;
18. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta mingħajr aktar dewmien il-linji gwida operattivi stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament IcSP, tapplikahom b'mod strett għall-programmi tar-rotot tal-kokaina u l-eroina u, fl-eventwalità ta' nuqqas ta' konformità u inkonsistenza mal-linji gwida, tissospendi minnufih dawn il-programmi;
19. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu l-programmi futuri ta' finanzjament tal-UNODC għall-glieda kontra n-narkotiċi soġġetti għall-kapaċità li l-UNODC turi b'mod ċar kif il-prinċipji ċentrali tal-gwida tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem jkunu se jiġu applikati fl-amministrazzjoni ta' dak il-finanzjament, u b'mod speċifiku kif dan il-finanzjament ikun se jiġi ffriżat jew irtirat jekk l-istat benefiċjarju jippersisti bil-kundanni ta' mewt għal persuni ħatja ta' reati marbuta mad-droga; jinsisti fuq il-fatt li kwalunke programm tal-UE jew ta' Stat Membru għall-ġlieda kontra n-narkotiċi għandu jitwettaq taħt l-awspiċi tan-NU, b'mod partikolari l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Droga u l-Kriminalità u l-Bord Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti ta' Kontroll tan-Narkotiċi (INCB);
20. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkonforma mar-rakkomandazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drogi (2013-2016) li għandha tiġi żviluppata u implimentata "għodda ta' gwida u valutazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem" biex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-bniedem ikunu "integrati b'mod effikaċi fl-Azzjoni Esterna tal-UE dwar id-Drogi";
21. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jipprovdu gwida għal politika Ewropea komprensiva u effikaċi dwar il-piena tal-mewt fir-rigward ta' għexieren ta' ċittadini Ewropej li jiffaċċjaw l-eżekuzzjoni f'pajjiżi terzi, li għandha tinkludi mekkaniżmi qawwija u msaħħa f'termini ta' identifikazzjoni, għoti ta' assistenza legali u rappreżentazzjoni diplomatika;
22. Ifaħħar u jkompli jinkoraġġixxi l-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi li jaħdmu favur l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt mad-dinja kollha; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tappoġġa proġetti f'dan il-qasam, b'mod partikolari proġetti ta' edukazzjoni u azzjonijiet pedagoġiċi popolari, bħala prijorità;
23. Jitlob li s-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (AFET) iħejji rapport dwar il-piena tal-mewt, li għandu jeżamina, b'mod partikolari, l-impatt tal-finanzjament tal-UE għall-ġlieda kontra n-narkotiċi u l-kooperazzjoni tal-UE fil-qasam tas-sigurtà u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, u jagħmel rakkomandazzjonijiet biex jiġi żgurat li tali finanzjament ma jikkontribwixxix għal żieda fl-użu tal-piena tal-mewt fil-ġejjieni;
24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u lill-gvernijiet tal-istati membri tan-NU.