Seduta plenarja
5.10.2015
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8‑0761/2015
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar il-piena tal-mewt
( 2015/2879(RSP) )
Elena Valenciano, Pier Antonio Panzeri, Josef Weidenholzer, Richard Howitt, Liisa Jaakonsaari, Ana Gomes, Eric Andrieu, Nikos Androulakis, Zigmantas Balčytis, Hugues Bayet, Brando Benifei, Goffredo Maria Bettini, José Blanco López, Vilija Blinkevičiūtė, Simona Bonafè, Biljana Borzan, Paul Brannen, Nicola Caputo, Andrea Cozzolino, Andi Cristea, Miriam Dalli, Viorica Dăncilă, Nicola Danti, Isabella De Monte, Jonás Fernández, Monika Flašíková Beňová, Eugen Freund, Doru-Claudian Frunzulică, Eider Gardiazabal Rubial, Enrico Gasbarra, Elena Gentile, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Neena Gill, Michela Giuffrida, Maria Grapini, Theresa Griffin, Roberto Gualtieri, Sergio Gutiérrez Prieto, Anna Hedh, Cătălin Sorin Ivan, Jude Kirton‑Darling, Jeppe Kofod, Olle Ludvigsson, Andrejs Mamikins, Louis-Joseph Manscour, David Martin, Edouard Martin, Marlene Mizzi, Alessia Maria Mosca, Victor Negrescu, Momchil Nekov, Norbert Neuser, Demetris Papadakis, Vincent Peillon, Tonino Picula, Miroslav Poche, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Siôn Simon, Tibor Szanyi, Marc Tarabella, Daniele Viotti, Boris Zala
f'isem il-Grupp S&D
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-piena tal-mewt
( 2015/2879(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt, b'mod partikolari dik tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar il-Jum Dinji kontra l-Piena tal-Mewt[1],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta minn Federica Mogherini, Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u Thorbjørn Jagland, Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, dwar il-Jum Ewropew u Dinji kontra l-Piena tal-Mewt fl-10 ta' Ottubru 2014,
– wara li kkunsidra l-Protokolli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u t-Tieni Protokoll Fakoltattiv tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Istudju dwar l-impatt tal-problema dinjija tad-droga fuq it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem, maħruġ mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem f'Settembru 2015,
– wara li kkunsidra l-Assemblea Ġenerali tan-NU, b’mod partikolari dik tat-18 ta’ Diċembru 2014 dwar il-moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt (A/RES/69/186),
– wara li kkunsidra l-Jum Dinji u l-Jum Ewropew kontra l-Piena tal-Mewt, li jseħħ fl-10 ta' Ottubru ta' kull sena,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali adottata mill-5 Kungress Dinji kontra l-Piena tal-Mewt li sar f'Madrid mit-12 sal-15 ta' Ġunju 2013,
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kunsill dwar il-piena tal-mewt ( O-000103/2015 – B8‑0761/2015 ),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Unjoni Ewropea għandha pożizzjoni qawwija u ta' prinċipju kontra l-piena tal-mewt, li tistabbilixxi bħala objettiv ewlieni tal-politika tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem moratorju universali bħala pass lejn l-abolizzjoni dinjija tal-piena kapitali;
B. billi l-Jum Dinji kontra l-Piena tal-Mewt fl-10 ta' Ottubru 2015 għandu l-għan li jkattar "is-sensibilizzazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga";
C. billi, skont l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, iktar minn 160 stat membru tan-NU, li għandhom varjetà ta' sistemi ġuridiċi, tradizzjonijiet, kulturi u reliġjonijiet, jew abolixxew il-piena tal-mewt jew inkella ma japplikawhiex;
D. billi l-aħħar ċifri juru li huwa magħruf li tal-anqas 2 466 persuna f'55 pajjiż ingħataw sentenza tal-mewt fl-2014 – żieda ta' kważi 23 % fuq iċ-ċifra għall-2013; billi twettqu mill-anqas 607-il eżekuzzjoni madwar id-dinja fl-2014; billi ż-żieda fl-għadd ta' sentenzi tal-mewt għandha rabta mill-qrib ma' sentenzi tal-qrati fi proċessi tal-massa b'reazzjoni għal reati marbuta mat-terroriżmu f'pajjiżi bħall-Eġittu; billi s-sentenzi tal-mewt u l-eżekuzzjonijiet qed ikomplu b'rata allarmanti fl-2015;
E. billi 33 stat japplikaw il-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga, bir-riżultat li kull sena jseħħu madwar 1 000 eżekuzzjoni; billi huwa magħruf li fl-2015 twettqu eżekuzzjonijiet għal reati bħal dawn fiċ-Ċina, l-Iran, l-Indoneżja u l-Arabja Sawdija; billi fl-2015 baqgħu jiġu imposti kundanni għall-mewt għal reati relatati mad-droga fiċ-Ċina, l-Indoneżja, l-Iran, il-Kuwajt, il-Malasja, l-Arabja Sawdija, is-Sri Lanka, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Vjetnam; billi dawn id-delitti jistgħu jinkludu diversi akkużi relatati mat-traffikar jew il-pussess tad-droga;
F. billi l-piena tal-mewt ma tiskoraġġix it-traffikar tad-droga; billi l-maġġoranza enormi tal-individwi li jingħataw sentenza tal-mewt bi rbit ma' reati tad-droga huma fil-qiegħ nett tal-ġerarkija tat-traffikanti tad-droga;
G. billi fl-aħħar 12-il xahar kien hemm mewġa globali ġdida fl-użu tal-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga, b’numru ta’ stati jagħtu l-piena tal-mewt lil persuni għal reati relatati mad-droga, b’rata kunsiderevolment ogħla, waqt li oħrajn fittxew li jintroduċu l-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga, jew oħrajn li temmew moratorji tal-piena tal-mewt li kien ilhom fis-seħħ żmien twil;
H. billi, skont kif ġie rrappurtat, l-Iran iġġustizzja 394 persuna ħatja ta' reati marbuta mad-droga fl-ewwel sitt xhur tal-2015, meta mqabbel mat-367 persuna fl-2014; billi nofs l-eżekuzzjonijiet kolla li twettqu fl-Arabja Sawdija din is-sena kienu jirrigwardaw reati marbuta mad-droga, meta mqabbel mal-4% biss tan-numru totali fl-2010; billi minn tal-inqas 112 persuna ħatja ta' reati marbuta mad-droga qegħdin jistennew li jiġu ġġustizzjati wara li ġew ikkundannati għall-mewt fil-Pakistan;
I. billi tmien Stati jimponu l-piena tal-mewt għall-omosesswalità (il-Mauritania, is-Sudan, l-Iran, l-Arabja Sawdija, il-Jemen, il-Pakistan, l-Afganistan u l-Qatar) u provinċji fin-Niġerja u fis-Somalja uffiċjalment jimplimentaw l-piena tal-mewt għal atti sesswali ta' bejn l-istess sess;
J. billi hemm tużżani ta' ċittadini Ewropej li qed jiffaċċjaw l-eżekuzzjoni f'pajjiżi terzi, ħafna minnhom minħabba reati relatati mad-droga;
K. billi bosta individwi, irrispettivament mis-sitwazzjoni legali tagħhom, ingħataw il-piena tal-mewt u sussegwentement ġew eżekwiti f'ċirkostanzi u skont proċedimenti legali li jistgħu ma jikkonformawx bis-sħiħ mar-rispett għad-dritt għal proċess ġust u għad-dritt li wieħed ma jiġix soġġett għal tortura u għal forom oħrajn ta' trattament ħażin, li jikkostitwixxi nuqqas ta' ġustizzja; billi l-eżekuzzjonijiet huma irriversibbli u definittivi;
L. billi l-Artikolu 6(2) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi jistipula li l-piena tal-mewt tista’ tiġi applikata biss għad-"delitti l-aktar gravi"; billi l-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u r-Rapporteurs Speċjali tan-NU dwar l-Eżekuzzjonijiet Extraġudizzjarji, Sommarji u Arbitrarji u dwar it-Tortura ddikjaraw li l-piena tal-mewt m’għandhiex tiġi imposta għal reati marbuta mad-droga; billi l-piena tal-mewt obbligatorja u l-użu tagħha għal reati relatati mad-droga jmorru kontra d-dritt u l-istandards internazzjonali;
M. billi l-Bord Internazzjonali għall-Kontroll tan-Narkotiċi ħeġġeġ lill-istati li jimponu l-piena tal-mewt biex jabolixxuha kompletament għal reati relatati mad-droga;
N. billi l-Kummissjoni u l-Istati Membri taw minn tal-inqas EUR 60 miljun lill-programmi għall-ġlieda kontra n-narkotiċi tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC), li huma ffokati fuq l-infurzar kontra d-droga f’pajjiżi li japplikaw b’mod attiv il-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga;
O. billi, fil-qafas tal-Istrument tal-UE li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi (IcSP) u l-predeċessur tiegħu, l-Istrument għall-Istabbiltà (IfS), il-Kummissjoni introduċiet żewġ miżuri kontra n-narkotiċi fuq livell reġjonali fuq skala kbira – programmi tar-rotot tal-kokaina u tal-eroina, li l-ambitu tagħhom jinkludi pajjiżi li japplikaw il-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga; billi, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament IcSP, il-Kummissjoni hija obbligata tuża linji gwida operazzjonali għall-konformità mal-liġi dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja fir-rigward tal-miżuri kontra l-kriminalità organizzata;
1. Itenni l-kundanna tiegħu għall-użu tal-piena tal-mewt u jappoġġja bil-qawwa l-introduzzjoni ta' moratorju fuq il-piena tal-mewt, bħala pass lejn l-abolizzjoni tagħha; jenfasizza għal darb'oħra li l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt tikkontribwixxi għat-tisħiħ tad-dinjità umana u li l-għan aħħari tal-UE huwa l-abolizzjoni totali;
2. Jikkundanna l-eżekuzzjonijiet kollha, iseħħu fejn iseħħu; jibqa' jinstab ferm imħasseb fir-rigward tal-imponiment tal-piena tal-mewt fuq il-minuri, pereżempju fil-każ tad-dimostrant żgħażugħ mill-Arabja Sawdija Ali Mohammad al-Nimr, u fuq persuni b'diżabilitajiet mentali jew intellettwali, u jitlob biex tali prattiki jitwaqqfu b'mod immedjat u definittiv;
3. Iħeġġeġ lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri biex jibqgħu jikkombattu l-użu tal-piena tal-mewt u lill-pajjjiżi li għadhom iwettqu l-piena tal-mewt iħeġġuhom jirrispettaw l-istandards minimi internazzjonali u jirrestrinġu l-ambitu tal-piena tal-mewt u l-użu tagħha, u biex inaqqsu l-ambitu u l-użu tal-piena tal-mewt, u biex jippubblikaw ċifri ċari u preċiżi dwar in-numru ta' sentenzi u eżekuzzjonijiet; iħeġġeġ lis-SEAE biex jibqa' viġilanti fir-rigward tal-iżviluppi fil-pajjiżi kollha, speċjalment fil-Belarus, li hu l-uniku pajjiż Ewropew li għad għandu l-piena tal-mewt, u biex juża l-mezzi kollha ta' influwenza għad-dispożizzjoni tiegħu;
4. Jilqa' l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt f'ċerti stati tal-Istati Uniti, u jħeġġeġ lill-UE tissokta bid-djalogu tagħha mal-Istati Uniti sabiex tinkiseb abolizzjoni totali; jikkundanna l-eżekuzzjoni reċenti ta' Alfredo Prieto fl-istat tal-Virginia;
5. Jistieden lill-istati li jkunu abolixxew il-piena tal-mewt jew li għandhom storja twila ta' moratorju fuq il-piena tal-mewt biex ma jerġgħux jintroduċuha, u jħeġġiġhom biex jaqsmu l-esperjenza tagħhom f’dan ir-rigward;
6. Jitlob lil dawk l-istati li jikkriminalizzaw l-omosesswalità biex ma japplikawx il-piena tal-mewt; iħeġġeġ lis-SEAE żżomm il-ġlieda kontra l-kriminalizzazzjoni tal-omosesswalità bħala prijorità ewlenija, f'konformità mal-Linji Gwida tal-UE għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tat-Tgawdija tad-Drittijiet tal-Bniedem mill-Persuni Leżbjani, Gay, Bisesswali, Transġeneri u Intersesswali (LGBTI);
7. Jibqa’ konvint bis-sħiħ li sentenzi tal-mewt ma jilħqux l-għan li jiskoraġġixxu t-traffikar tad-droga jew milli jżommu individwi li jisfaw vittmi ta’ abbuż tad-droga; jappella lill-pajjiżi li jridu jżommu l-piena tal-mewt biex idaħħlu alternattivi għaliha fil-każ ta' reati relatati mad-droga, b’mod partikolari, fuq programmi għall-prevenzjoni tad-droga u t-tnaqqis tad-danni tad-droga;
8. Itenni r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga għandha ssir prekundizzjoni għal assistenza politika, assistenza teknika, il-bini ta’ kapaċitajiet u appoġġ ieħor għall-politika tal-infurzar tal-liġijiet dwar id-droga;
9. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaffermaw mill-ġdid il-prinċipju kategoriku li l-għajnuna u l-assistenza Ewropej ma jistgħux jiffaċilitaw operazzjonijiet ta' infurzar tal-liġi li jwasslu għal sentenzi tal-mewt u l-eżekuzzjoni ta' dawk arrestati;
10. Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ trasparenza rigward il-ġlieda kontra n-narkotiċi u l-għajnuna u l-assistenza pprovduta mill-Kummissjoni u l-Istati Membri għal operazzjonijiet ta’ infurzar tad-droga f’pajjiżi li japplikaw il-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga; jitlob lill-Kummissjoni tippubblika rendikont annwali tal-programmi ta' finanzjament tagħha fil-ġlieda kontra n-narkotiċi f’pajjiżi li għad għandhom il-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga;
11. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta mingħajr aktar dewmien, il-linji gwida operattivi stipulati fl-Artikolu 10 tar-Regolament IcSP u biex tapplikhom strettament għal programmi dwar ir-rotot tal-kokaina u l-eroina;
12. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkonforma mar-rakkomandazzjoni fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drogi (2013-2016) li għandha tiġi żviluppata u implimentata “għodda ta’ gwida u valutazzjoni rigward id-drittijiet tal-bniedem” biex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-bniedem ikunu integrati b’mod effettiv “fl-Azzjoni Esterna tal-UE dwar id-Droga”;
13. Iħeġġeġ lis-SEAE, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jipprovdu gwida komprensiva għal politika Ewropea komprensiva u effettiva dwar il-piena kapitali fir-rigward ta’ għexieren ta’ ċittadini Ewropej li jiffaċċjaw eżekuzzjoni f’pajjiżi terzi, li għandhom jinkludu mekkaniżmi b’saħħithom u rinforzati f’termini ta’ identifikazzjoni, għoti ta’ assistenza legali u rappreżentazzjoni diplomatika;
14. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw li s-Sessjoni Speċjali tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar il-Problema Dinjija tad-Droga, li għandha tinżamm f'April 2016, tindirizza l-użu tal-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga, u jikkundanna l-applikazzjoni tagħha;
15. Jappoġġja lill-aġenziji tan-NU, lill-korpi reġjonali intergovernattivi u lill-NGOs kollha fl-isforzi ma jaqtgħu xejn tagħhom biex jinkoraġġixxu lill-istati jabolixxu l-piena tal-mewt; jenfasizza f'dan ir-rigward il-ħidma importanti tas-soċjetà ċivili; jitlob lill-Kummissjoni tkompli tiffinanzja proġetti f'dan il-qasam fil-qafas tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem;
16. Jilqa' b'sodisfazzjon ir-ratifiki reċenti tat-Tieni Protokoll Fakoltattiv tal-ICCPR, bil-għan tal-abolizzjoni tal-piena tal-mewt, li wasslu biex l-għadd ta' stati partijiet jikber għal 81, u jappella lill-istati kollha li mhumiex partijiet fil-Protokoll biex jirratifikawh minnufih;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u lill-gvernijiet tal-istati membri tan-NU.