Seduta plenarja

 

B8‑1075/2015

21.10.2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8‑0764/2015

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku

2015/2865(RSP) )

Bas Eickhout, Karima Delli, Benedek Jávor, Jean Lambert, Ernest Maragall, Jordi Sebastià, Molly Scott Cato, Keith Taylor, Claude Turmes

f'isem il-Grupp Verts/ALE

 

B8‑1075/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku

( 2015/2865(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku ( O-000113/2015 – B8-0764/2015 ),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief tal-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi[1],

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi qafas għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi[2],

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2001 dwar il-livelli nazzjonali massimi tal-emissjonijiet ta' ċerti inkwinanti atmosferiċi[3],

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa[4],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 333/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 443/2009 bl-għan li jiġu ddefiniti l-modalitajiet biex tintlaħaq il-mira għall-2020 li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO2 minn karozzi ġodda tal-passiġġieri[5],

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fit-18 ta' Settembru 2015, l-Aġenzija għall-Ħarsien tal-Ambjent tal-Istati Uniti federali (US Federal Environmental Protection Agency -EPA) u l-Bord għar-Riżorsi tal-Ajru tal-Kalifornja (California Air Resources Board -CARB) ħarġu avviż ta' ksur tar-regoli ta' tniġġis applikabbli fir-rigward tal-Volkswagen AG, Audi AG u l-Volkswagen Group of America (li kollettivament huma magħrufa bħala "VW"); billi l-investigazzjoni bdiet wara riċerka dwar l-emissjonijiet tal-ossidi tan-nitroġenu (NOx) mill-vetturi diesel imwettqa mill-Kunsill Internazzjonali ta’ Trasport Nadif (International Council of Clean Transportation - ICCT) u sottomessa lill-EPA u l-CARB f’Mejju 2014;

B.  billi r-riżultati tar-riċerka ICCT kienu disponibbli għall-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet nazzjonali tal-approvazzjoni tat-tip (TAAs) fl-istess ħin li kienu disponibbli għall-awtoritajiet tal-Istati Uniti;

C.  billi r-Regolament Euro 5 u Euro 6 dwar il-limiti tal-emissjonijiet għall-karozzi tal-passiġġieri (ir-Regolament (KE) Nru 715/2007) tobbliga lill-manifatturi jattrezzaw il-vetturi b'mod li jissodisfaw ir-rekwiżiti dwar l-emissjonijiet "fl-użu normali" (l-Artikolu 5(1)) u jipprojbixxi b'mod espliċitu l-użu ta' tagħmir ta' riduzzjoni (l-Artikolu 5(2)), definit bħala "kull element tad-disinn li jħoss it-temperatura, il-veloċità tal-vettura, il-veloċità tal-magna (RPM), it-transmission gear, il-vakwu fil-manifold jew parametru ieħor bl-iskop li jattiva, jimmodula, jittardja jew iwaqqaf il-funzjonament ta' xi parti mis-sistema ta' kontroll tal-emissjonijiet, li tnaqqas l-effettività tas-sistema ta' kontroll tal-emissjonijiet taħt kondizzjonijiet li wieħed raġonevolment jista' jistenna li jiltaqa' magħhom waqt it-tħaddim u l-użu normali ta' vettura"; billi r-Regolament (KE) Nru 715/2007 jistieden ukoll lill-Kummissjoni espliċitament biex tintroduċi testijiet u tadotta miżuri rigward l-użu ta’ mekkaniżmi ta’ riduzzjoni;

D.  billi, wara l-investigazzjoni mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti, il-Volkswagen ammettiet li installat tagħmir ta' riduzzjoni f’mill-inqas 11-il miljun vettura diesel li biegħet; billi 8 miljun minn vetturi bħal dawn inbiegħu fis-suq Ewropew mill-2009 'l quddiem; billi, il-magni tal-Volkswagen mibjugħa fis-suq tal-UE kienu tat-tip approvat b'konformità mal-istandard Euro 5;

E.  billi l-valur ta' limitu tal-Euro 5 għall-emissjonijiet tal-NOx minn vetturi diesel huwa 180 mg/km, applikabbli għal vetturi li ngħataw l-approvazzjoni tat-tip bejn l-1 ta' Settembru 2009 u l-1 ta' Settembru 2014 u għall-vetturi kollha mibjugħa bejn l-1 ta' Jannar 2011 u l-1 ta' Settembru 2015, u billi l-valur ta' limitu korrispondenti tal-Euro 6 huwa 80 mg/km, applikabbli għat-tipi ġodda mill-1 ta' Settembru 2014 u għall-vetturi kollha mibjugħa sa mill-1 ta' Settembru 2015; billi l-vetturi Euro 6 irreġistrati qabel ma ġie introdott l-istandard bħala limitu legali, ibbenefikaw minn rifużjonijiet tat-taxxa; billi r-riżultati indipendenti tat-testijiet jikkonfermaw diskrepanzi sinifikanti tal-emissjonijiet tal-vettura waqt l-użu normali, fir-rigward taż-żewġ standards;

F.  billi l-istandards Federali u Kalifornjani tal-Istati Uniti għall-emissjonijiet ta’ NOx minn vetturi diesel huma ħafna iktar stretti mill-valuri ta’ limitu Euro 6, huma ttestjati fuq ċiklu ta’ testijiet aktar rappreżentattiv, u għadhom teknikament fattibbli;

G.  billi l-analiżi tal-2011 taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni wasal għall-konklużjoni li l-emissjonijiet ta' NOx minn vetturi tad-diesel imkejla b'sistema portable tal-kejl tal-emissjonijiet (PEMS) qabeż sostanzjalment il-valuri ta' limitu rispettivi tal-Euro-35, b'firxa bejn darbtejn sa erba' darbiet aktar għall-medja tal-emissjonijiet ta' NOx fuq ir-rotot sħaħ tat-testijiet u 14-il darba aktar f'partijiet individwali tat-testijiet; billi rapport ieħor tal-JRC, tal-2013, ikkonkluda li l-vetturi Euro 6 jistgħu jaqbżu l-livelli ta' emissjonijiet tal-vetturi Euro 5; billi l-analiżi ICCT ta' Ottubru 2014 tiddokumenta, bħala medja, emissjonijiet ta’ NOx fit-triq mill-vetturi diesel ittestjati li kienu madwar 7 darbiet ogħla mil-limiti stipulati skont l-istandard Euro 6; billi, madankollu, il-Kummissjoni ma ddubitatx l-infurzar tal-Istati Membri fuq il-bażi ta’ din il-prova;

H.  billi t-testijiet għall-konformità tal-produzzjoni u għall-konformità waqt is-servizz ma kinux soġġetti għal standards komuni fil-livell tal-UE, minkejja l-mandat mogħti lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi għal tali proċeduri permezz tal-proċedura ta' komitoloġija; billi, bħala riżultat ta' dan, ir-rekwiżiti għall-konformità tal-produzzjoni u għall-konformità waqt is-servizz ġeneralment mhumiex infurzati b'mod adegwat; billi m’hemm l-ebda rekwiżit ta' żvelar ta’ informazzjoni lill-Kummissjoni, lil Awtoritajiet tal-Approvazzjoni tat-Tipi (TAAs) oħra tal-Istati Membri jew lil kwalunkwe parti oħra interessata rigward kwalunkwe test applikat mit-TAAs kompetenti, jew rigward ir-riżultati ta' tali testijiet;

I.  billi l-TAAs ta' diversi Stati Membri mhumiex indipendenti mill-industrija tal-karozzi u jiddependu ħafna fuq finanzjament tal-industrija u dan, inter alia, iwassal għal tħassib dwar kunflitti ta’ interess potenzjali;

J.  billi s-sistema tal-UE tal-lum għall-approvazzjoni tat-tipi ma tippermettix lill-Kummissjoni jew lil awtoritajiet oħra tal-Istati Membri jirtiraw l-approvazzjonijiet tat-tip jew iċ-ċertifikati ta' konformità tal-vetturi, biex isejħu lura vetturi mis-suq jew jissospendu t-tqegħid tagħhom fis-suq, dment li jkunu ġew approvati minn Stat Membru ieħor; billi l-manifatturi tal-vetturi jistgħu jagħżlu kwalunkwe awtorità tal-ittestjar fl-UE, li twassal għal kompetizzjoni negattiva bejn l-awtoritajiet tal-ittestjar; billi m’hemmx sorveljanza tax-xogħol tal-ittestjar imwettaq miTAAs;

K.  billi l-Kummissjoni qiegħda twettaq rieżami tal-qafas tal-approvazzjoni tat-tip;

L.  billi r-Regolament Euro 5 u 6 huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri, u billi, skont is-sistemi legali tal-Istati Membri, il-konsumaturi jistgħu jfittxu rimedju minn manifatturi tal-vetturi permezz tal-qrati nazzjonali għal kull ksur tar-rekwiżiti;

M.  billi, skont id-Direttiva dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta' oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (1999/44/KE), il-konsumaturi għandhom d-dritt għal tal-anqas sentejn garanzija wara x-xiri ta' prodott, u billi li l-bejjiegħ obbligat jgħaddi lill-konsumatur oġġetti li jkunu f'konformità mal-kuntratt ta' bejgħ; billi l-konformità hija presunta jekk, inter alia, dawn “jikkonformaw mad-deskrizzjoni mogħtija mill-bejjiegħ u jippossjedu l-kwalitajiet tal-oġġetti li l-bejjiegħ wera lill-konsumatur bħala kampjun jew mudell” u “juru l-kwalità u l-prestazzjoni [...] li l-konsumatur jista’ jistenna b’mod raġonevoli, [...] jieħu in konsiderazzjoni kull dikjarazzjoni pubblika fuq il-karatteristiċi speċifiċi tal-prodotti magħmula dwaru mill-bejjiegħ, il-produttur jew ir-rappreżentant tiegħu, b’mod partikolari fir-reklami jew fuq it-tikketti; billi, jekk ma jkunx hemm tali konformità, il-konsumatur huwa intitolat għar-rimedji disponibbli skont il-liġi nazzjonali rispettiva, li, fi kwalunkwe każ, jinkludu bla ħlas ta’ tiswija jew sostituzzjoni, u/jew, skont il-pajjiż u ċ-ċirkustanzi, tnaqqis fil-prezz jew ir-rexissjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ u r-rimborż tal-prezz tax-xiri;

N.  billi d-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur (2011/83/UE) tesiġi li informazzjoni dwar il-karatteristiċi ewlenin ta' prodott tingħata qabel il-konklużjoni ta' kuntratti fil-post tan-negozju jew lil hinn minnu jew mill-bogħod, u tirrikjedi li l-Istati Membri jkollhom regoli dwar pieni effettivi, proporzjonali u dissważivi f'każ li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva ma jiġux issodisfati;

O.  billi d-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Żleali (2005/29/KE) tipprojbixxi, b'mod partikolari, kull prattika li "toħloq distorsjoni sostanzjali jew tista' toħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġiba ekonomika, fir-rigward tal-prodott, tal-konsumatur medju li tilħaq jew li lilu tkun indirizzata", tipprovdi li prattiki kummerċjali li jitqiesu żleali f'kull ċirkostanza jinkludu każijiet fejn "il-kummerċjant isostni li huwa (inklużi l-prattiki kummerċjali tiegħu) jew xi prodott ġie approvat, appoġġat jew awtorizzat minn korp pubbliku jew privat ieħor meta huwa/dan ma kienx jew isostni hekk mingħajr ma jikkonforma ruħu mat-termini tal-approvazzjoni, appoġġ jew awtorizzazzjoni", u tesiġi li l-Istati Membri jadottaw pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi; billi d-Direttiva 2005/29/KE tiddikjara li “prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa jekk ikun fiha informazzjoni falza u għalhekk ma tkunx vera jew bi kwalunkwe mod, inkluża preżentazzjoni ġenerali, tqarraq jew x’aktarx li tqarraq bil-konsumatur medju, anki jekk l-informazzjoni hija fattwalment korretta”;

P.  billi d-Direttiva dwar l-akkwist pubbliku (2014/24/KE) tipprovdi li l-kuntratti għandhom jingħataw fuq il-bażi tal-prinċipju tal-aqwa valur għall-flus, li jinkludi kriterji ambjentali, u billi l-kuntratti jistgħu sussegwentement ġew mogħtija fis-settur awtomobilistiku fuq il-bażi ta’ informazzjoni falza mogħtija dwar il-prestazzjoni ambjentali tal-vetturi; billi l-istess Direttiva tipprovdi li l-operaturi ekonomiċi jistgħu jiġu esklużi meta jkunu wettqu mġiba professjonali ħażina serja, li trendi l-integrità tagħhom dubjuża; billi d-Direttiva dwar il-proċeduri ta’ reviżjoni li jikkonċernaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (2007/66/KE) tipprovdi li d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiġu riveduti fuq il-bażi li dawn id-deċiżjonijiet ikunu kisru l-liġi Komunitarja fil-qasam tal-akkwist pubbliku jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dik il-liġi;

Q.  billi t-tniġġis tal-arja rriżulta f’aktar minn 430 000 imwiet qabel il-waqt fl-UE fl-2011, u jiswa EUR 940 biljun fis-sena fi produttività mitlufa; billi aktar minn 20 Stat Membru qed jonqsu milli jissodisfaw il-limiti tal-UE tal-kwalità tal-arja tal-UE stabbiliti fid-Direttiva 2008/50/KE; billi d-dijossidu tan-nitroġenu (NO2) huwa sustanza perikoluża li tniġġes u prekursur għal bosta inkwinanti oħra bħall-ożonu u l-materja partikulata; billi l-NOx u d-derivattivi tagħhom jikkawżaw il-kanċer tal-pulmun, l-ażma u bosta mard respiratorju, u jaffettwaw b’mod partikolari lil gruppi vulnerabbli bħalma huma t-tfal u l-anzjani; billi l-NOx għandhom ukoll impatt serju fuq l-ambjent u jikkontribwixxu għall-aċidifikazzjoni, ewtrofikazzjoni u d-degradazzjoni tal-materjali; billi l-egżost tal-vetturi diesel huwa sors ewlieni tal-NOx f'żoni urbani fl-Ewropa; billi l-NOx jaġixxu bħala gass indirett ta' emissjonijiet b'effett ta' serra;

R.  billi mill- 2012 l-aġenzija internazzjonali tal-WHO għar-riċerka dwar il-kanċer (IARC) ikklassifikat l-egżost mill-magni diesel bħala karċinoġenu, u tat parir li, minħabba l-impatti ulterjuri fuq is-saħħa ta’ partikuli tad-diesel, l-esponiment għal din it-taħlita ta’ kimiċi emessi għandu jitnaqqas madwar id-dinja;

S.  billi s-sistemi attwali għall-verifikar tal-emissjonijiet ta' NOx minn karozzi tal-passiġġieri diesel jiddependu fuq tliet teknoloġiji ewlenin: modifiki tal-ġewwieni tal-magna flimkien mar-riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost (exhaust gas recirculation (EGR)), assorbituri tal-ossidu tan-nitroġenu minn magni b'użu ta' fjuwil baxx (lean nitrogen-oxide traps (LNTs)), u tnaqqis katalitiku selettiv (selective catalytic reduction (SCR)); billi, sabiex jintlaħqu l-valuri ta' limitu Euro 6, il-biċċa l-kbira tal-vetturi huma mgħammra b'mill-inqas tnejn mit-tliet teknoloġiji; billi dawn it-teknoloġiji jistgħu jiġu diżattivati b'tagħmir ta' riduzzjoni f'forma ta' software;

T.  billi, sabiex tiġi żgurata l-konformità ma’ standards ta’ emissjoni, vetturi installati b’tagħmir ta' riduzzjoni ser jesiġu t-tneħħija tat-tagħmir, modifiki tas-software tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet u, skont it-teknoloġija tal-magni, interventi fuq il-hardware;

U.  billi huwa possibbli li tittejjeb il-prestazzjoni tas-sistemi ta' kontroll ta' emissjoni diġà installati fil-vetturi permezz tat-tneħħija, l-ipprogrammar mill-ġdid u l-kalibrazzjoni mill-ġdid ta' tagħmir ta' riduzzjoni;

V.  billi d-diskrepanzi bejn ir-riżultati tat-test u l-prestazzjoni tal-vettura waqt l-użu normali mhumiex limitati għall-NOx, iżda jeżistu wkoll fil-każ ta' sustanzi niġġiesa oħra u tas-CO2; billi skont l-ICCT (Settembru 2015), id-differenza bejn il-emissjonijiet uffiċjali u dawk reali ta’ CO2 għall-vetturi tal-passiġġieri fl-Ewropa kienet 40 % fl-2014;

W.  billi l-bidla għall-Proċedura ta' Ttestjar Armonizzata fil-Livell Dinji għall-Vetturi Ħfief (WLTP) tirrikjedi li l-mira tal-medja tal-emissjonijiet tal-flotta eżistenti tal-manifatturi tiġi adattata għat-test il-ġdid; billi l-proċedura għal din il-korrelazzjoni bħalissa tinsab għaddejja mill-komitoloġija u mistennija żżomm strettezza komparabbli għall-manifatturi;

1.  Iqis li huwa ta’ dispjaċir li dawn l-emissjonijiet żejda kkawżaw imwiet prematuri bla bżonn, l-effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem, u l-ħsara ambjentali;

 

2.  Jiddeplora n-nuqqas serju ta’ infurzar ta’ regolamentazzjoni tas-suq intern tal-UE, li ġie espost permezz tal-azzjoni tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti;

3.  Huwa mħasseb ħafna dwar in-nuqqas tal-awtoritajiet tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni li jaġixxu fuq evidenza li l-valuri limitu tal-emissjonijiet stipulati mil-liġi tal-UE (Regolament (KE) Nru 715/2007 dwar Euro 5 u 6) għal vetturi b’użu normali kienu qed jiġu maqbuża, inklużi rapporti tal-JRC tal-2011 u l-2013, li kien fiha provi ta’ diskrepanzi sinifikanti fil-prestazzjoni ta’ vetturi fit-toroq meta mqabbla mar-riżultati ta’ testijiet, u ġibdet l-attenzjoni lejn l-użu ta’ tagħmir ta’ riduzzjoni bħala spjegazzjoni;

4.  Jitlob, għalhekk, għat-twaqqif ta’ kumitat ta’ inkjesta biex jinvestiga r-responsabbiltà rispettiva tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet tal-Istati Membri għan-nuqqas li tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa u l-infurzar tal-liġi rilevanti tal-UE;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex iniedu minnufih investigazzjoni dwar l-użu ta’ tagħmir ta' riduzzjoni fil-vetturi kollha mibjugħa fl-UE u l-prestazzjoni tal-vetturi f’użu normali f’dak li jirrigwarda l-valuri ta’ limitu tas-sustanzi li jniġġsu u valuri reklamat ta’ CO2 (g/km); jemmen li din l-investigazzjoni għandha tiġi sorveljata mill-Kummissjoni u mwettqa fuq il-bażi ta’ data miġbura u ppreżentata mill-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi tal-Istati Membri tal-vetturi mqiegħda fis-suq u bl-użu ta’ testijiet tas-sewqan fid-dinja reali; jinsisti li din l-investigazzjoni titwettaq bi trasparenza sħiħa u li l-pubbliku jkollu aċċess komplut għad-data; jitlob li l-Kummissjoni tirrapporta lura lill-Parlament dwar ir-riżultati ta’ din l-investigazzjoni, bil-miktub, sal-31 ta’ Marzu 2016;

6.  Jitlob li meta jinstab jew ikun preżenti tagħmir ta' riduzzjoni, l-awtoritajiet tal-Istati Membri jirtiraw l-approvazzjoni tat-tip u ċ-ċertifikat ta’ konformità għal vetturi bħal dawn f’konformità mal-Artikolu 30 tad-Direttiva 2007/46/KE u l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 715/2007, japplikaw penali xierqa u jesiġu tneħħija obbligatorja biex jitneħħa kwalunkwe tagħmir difettuż u jiżguraw konformità mar-regoli rilevanti, u li l-manifatturi jkunu meħtieġa jikkumpensaw lill-konsumaturi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tibda proċedimenti ta’ ksur kontra l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri minħabba li naqsu milli jinfurzaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 715/2007;

7.  Jitlob li fejn tagħmir ta’ riduzzjoni jinstab jew ikun preżenti, l-awtoritajiet tal-Istati Membri jesiġu li l-manifatturi jirrimborżaw kwalunkwe sussidji, benefiċċji tat-taxxa jew inċentivi fiskali oħrajn riċevuti fuq il-bażi ta’ dikjarazzjonijiet tal-prestazzjoni ambjentali; jemmen li jekk dan ma jsirx, dan ikun jammonta għal tagħwiġ tal-kompetizzjoni u jikkostitwixxi għajnuna illegali mill-Istat, fatt li jitlob li l-Kummissjoni tniedi proċedura fir-rigward ta’ għajnuna illegali mill-Istat; jipproponi li s-sussidji rritornati jiġu allokati għal proġetti ta’ ċessjoni tal-karbonju mmirati lejn it-titjib tal-kwalità tal-arja u għal proġetti ta’ trasport sostenibbli fil-bliet madwar l-UE;

8.  Jistieden lis-settur tal-industrija awtomobilistika li kien involut fi prattiki inġusti biex jiffinanzja u jappoġġja aġġornamenti ta’ klassifikazzjonijiet indipendenti ta’ vetturi tat-triq abbażi tal-prestazzjoni ambjentali;

9.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw infurzar aħjar tar-regoli mandatorji rigward reklamar qarrieqi u prattiki kummerċjali inġusti fis-settur awtomobilistiku, u li jiżguraw li kull stqarrija dwar il-prestazzjoni tal-vettura tkun akkumpanjata minn test ta’ kwalifikazzjoni li jagħmilha ċara li ċifri uffiċjali eżistenti tat-testijiet fl-UE ma jirriflettux ir-riżultati reali tas-sewqan;

10.  Jenfasizza li jeħtieġ li l-konsumaturi jkunu jistgħu jeżerċitaw drittijiethom faċilment, kif previst fid-Direttivi 1999/44/KE, 2005/29/KE u 2011/83/UE; jitlob li l-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jipprovdu informazzjoni li tkun aċċessibbli faċilment u jagħtu parir ċar lill-konsumaturi li jistaqsu dwar dawn id-drittijiet; barra minn hekk jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li dawn id-drittijiet jiġu rispettati;

11.  Jitlob li d-Direttiva 2005/29 tiġi rieżaminata bil-għan li jiġu miżjuda l-asserzjonijiet ambjentali foloz mal-lista ta’ prattiki kummerċjali inġusti u lill-Istati Membri jiġu permessi li jadottaw jew iżommu prattiki addizzjonali ma’ din il-lista;

12.  Jemmen li dan il-każ juri l-ħtieġa li jkun hemm mekkaniżmu ta’ rimedju kollettiv fl-UE, u jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposta leġiżlattiva biex jiġi żgurat li jeżistu mekkaniżmi fl-UE kollha biex il-konsumaturi tal-UE jingħataw tali rimedju;

13.  Jenfasizza l-bżonn li jiġi żgurat li r-regoli dwar l-akkwist pubbliku u l-proċeduri ta’ rieżami assoċjati jiġu implimentati għalkollox mill-awtoritajiet kompetenti tal-UE u tal-Istati Membri;

14.  Jitlob b’insistenza li l-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-organizzazzjoni tal-proċeduri ta’ sejħiet lura, bil-għan li jiġi żgurat li l-vetturi li mhumiex konformi ma jibqgħux fiċ-ċirkolazzjoni fit-territorju tal-UE;

15.  Jitlob għal verifika indipendenti tal-modifiki maħsuba sabiex jiġi żgurat li jirriżultaw f’vetturi li jikkonformaw mal-istandards rilevanti; jitlob li informazzjoni ċara u affidabbli dwar l-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil tal-vetturi, il-prestazzjoni u l-livelli tal-emissjonijiet wara l-modifiki għandha tiġi pprovduta lill-konsumaturi mill-manifattur;

16.  Jenfasizza l-importanza tar-Rapport Deß ( A8-0270/2015 ) dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa minn vetturi tat-triq, adottat mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel tal-Parlament Ewropew fit-23 ta’ Settembru b’66 vot favur u 2 voti kontra, u b’mod partikolari l-pożizzjoni tal-kumitat li titlob lill-Kummissjoni “tintroduċi test tal-emissjonijiet tas-sewqan reali għall-vetturi kollha bl-approvazzoni tat-tip jew li ġew irreġistrati mill-2015 biex tiġi żgurata l-effikaċja tas-sistemi ta' kontroll tal-emissjonijiet u jingħata lok biex il-vettura tikkonforma ma' dan ir-Regolament u l-miżuri ta' implimentazzjoni tiegħu, b'fattur ta' konformità li jirrifletti biss it-tolleranzi possibbli tal-proċedura tal-kejl tal-emissjonijiet fis-seħħ, sal-2017”; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jaslu għal ftehim bikri dwar qafas għal test tal-Emissjonijiet tas-Sewqan reali (real driving emissions (RDE)) fuq dik il-bażi, u jitlob li l-proċedura b’komitoloġija tiġi adottata rapidament wara qbil dwar il-proposta leġiżlattiva;

17.  Jiddeplora n-nuqqas ta’ trasparenza tad-deliberazzjonijiet taħt il-komitoloġija dwar il-proposta għal test RDE, u b’mod partikolari n-nuqqas tal-Kummissjoni li tgħaddi informazzjoni lill-Parlament fl-istess ħin li tintbagħat lir-rappreżentanti tal-Istati Membri;

18.  Jenfasizza l-ħtieġa għal tisħiħ sinifikanti tar-reġim attwali tal-UE tal-approvazzjoni tat-tip ta’ vettura, inklużi setgħat ta’ superviżjoni u infurzar akbar tal-UE, b’mod partikolari fir-rigward tas-sorveljanza tas-suq, koordinazzjoni u segwitu u reviżjoni taċ-ċertifikazzjonijiet meta jitqajmu dubji sinifikanti; Jitlob, għal dan l-għan, li jkun hemm awtorità tal-approvazzjoni tat-tip indipendenti fl-UE bil-għan li, fost l-oħrajn, ikun hemm standards u proċeduri ta’ ttestjar aktar koerenti madwar l-UE għal emissjonijiet li jniġġsu l-arja, il-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet tas-CO2;

19.  Iqis li huwa ta’ importanza kbira li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri kompetenti kollha jingħataw id-dritt li jirtiraw l-approvazzjonijiet tat-tip u ċ-ċertifikati ta’ konformità, li jesiġu l-irtirar u li jwaqqfu t-tqegħid fis-suq ta’ vetturi meta dawn ikollhom prova ta’ nuqqas ta’ konformità mal-valuri limitu tal-emissjonijiet tal-UE skont ir-Regolament Euro 5 u 6, fejn ikun hemm prova ta’ devjazzjoni sinifikanti bejn valuri tal-approvazzjoni tat-tip b’rabta mal-emissjonijiet tas-CO2 jew il-konsum tal-fjuwil u l-valuri reali ta’ prestazzjoni, jew kwalunkwe rekwiżit ieħor previst mill-iskema tal-approvazzjoni tat-tip;

20.  Jemmen li r-rieżami tad-Direttiva ta' Qafas dwar l-Approvazzjoni tat-Tip jeħtieġ li jespandi u jispeċifika l-konformità tar-rekwiżiti tal-produzzjoni biex ikun żgurat li kampjun suffiċjenti u rappreżentattiv ta’ mudell ġodda magħżula b’mod aleatorju mil-linji tal-produzzjoni jiġu verifikati b'mod indipendenti b’testijiet RDE fuq bażi annwali, biex jivverifikaw il-konformità tagħhom mal-valuri ta’ limitu tal-UE għal sustanzi niġġiesa;

21.  Jitlob, barra minn hekk, li jitjieb l-ittestjar waqt is-servizz ta’ vetturi li diġà qed jintużaw fit-toroq, abbażi ta’ proċedura RDE wkoll, biex tiġi verifikata l-konformità waqt is-servizz ta’ vetturi b’kilometraġġi differenti kif mitlub skont dan ir-Regolament; jitlob li titjieb is-sorveljanza fit-toroq permezz ta’ spezzjonijiet tekniċi perjodiċi biex jiġu identifikati u msewwija vetturi li ma jkunux konformi mad-dritt tal-UE; jinnota, b’mod partikolari, li sistemi dijanjostiċi abbord jistgħu faċilment jiġu pprogrammati biex ma jirrikonoxxux ħsarat, u jitlob li jiġu previsti miżuri adatti biex jinvestigaw u jindirizzaw dan;

22.  Jinsisti li s-sitwazzjoni attwali f’diversi Stati Membri, fejn l-TAAs mhumiex indipendenti mill-industrija tal-karozzi, trid tieqaf sabiex ikun żgurat li ma jkun hemm l-ebda kunflitt ta’ interess;

23.  Jenfasizza li r-riżultati ta’ testijiet ta’ prestazzjoni ambjentali tal-vetturi għandhom ikunu pubblikament disponibbli;

24.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-awtoritajiet tal-UE u tal-Istati Membri kompetenti jkollhom aċċess għall-kodiċi sors ta’ programmi tal-kompjuter tas-sistema ta’ kontroll tal-vettura sabiex jiġi kkontrollat software ta' tagħmir ta' riduzzjoni; huwa tal-fehma, f’dan ir-rigward, li aċċess għal sistemi tal-kompjuter u l-kodiċi sors għandu jkun trasparenti u miftuħ, b’mod simili għal aċċess għal, u spezzjoni ta', partijiet mekkaniċi;

25.  Jenfasizza li l-utenti, riċerkaturi u żviluppaturi għandu jkollhom id-dritt bla tfixkil, il-mezzi teknoloġiċi u l-protezzjoni legali li jispezzjonaw, jittestjaw u janalizzaw il-funzjonament tas-sistemi tal-IT f’vetturi u li jwettqu analiżi forensika għall-individwazzjoni ta’ funzjonijiet mhux iddikjarat jew funzjonijiet maħsuba biex jiffrodaw lill-pubbliku jew lill-awtoritajiet; jistieden lill-Kummissjoni biex tneħħi l-ostakoli legali lill-utenti, riċerkaturi u żviluppaturi li jispezzjonaw, janalizzaw u jiżmontaw servizzi diġitali u sistemi informatiċi inkorporati fil-vetturi, u biex tipprevjeni leġiżlazzjoni maħsuba biex tipproteġi l-interessi leġittimi li qed jintużaw ħażin biex ikopru prattiki kummerċjali qarrieqa;

26.  Jitlob li d-Direttiva tal-UE dwar it-Tikkettar tal-Vetturi (1999/94/KE) tiġi rieżaminata bil-għan li jittejbu l-akkuratezza, ir-rilevanza, l-indipendenza, iċ-ċarezza u l-paragunabbiltà tal-informazzjoni li tingħata lill-konsumaturi; iqis li t-tikketti għandhom ikunu bbażati fuq il-valuri ta' CO2 u tal-konsum tal-fjuwil irreġistrati fit-testijiet RDE;

27.  Iħeġġeġ lill-UE biex tintroduċi l-ittikkettar għal vetturi b’livelli ogħla ta’ emissjonijiet ta’ partikoli, sabiex il-bliet – għal raġunijiet ta’ saħħa – ikunu jistgħu jillimitaw l-aċċess ta’ dawn il-vetturi f’żoni b’densità għolja ta’ popolazzjoni u li jiġu miżjura ta' spiss;

28.  Huwa wkoll imħasseb dwar id-diskrepanza tal-emissjonijiet ta' CO2 iddikjarati fir-riżultati tat-testijiet u dawk osservati mis-sewwieqa fit-triq; jitlob għalhekk li jintlaħaq qbil rapidu dwar korrelazzjoni WLTP għall-miri ta' medja tas-CO2 għall-flotot ta' vetturi, bla ma jingħata kredtu għal flessibbiltajiet inġusti fil-proċedura tal-ittestjar tal-lum, b'tali mod li ma tisfax imdgħajfa l-mira tal-2021; jemmen li dan l-iskandlu tal-emissjonijiet tal-vetturi jipprovdi provi ċari li l-awtoritajiet pubbliċi jeħtieġ li jibqgħu indipendenti mis-settur li jirregolaw, u li l-livell tal-UE għandu jkollu setgħat akbar biex jissorvelja l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex turi liċ-ċittadini tal-UE li l-proċess ta' regolamentazzjoni aħjar għandu bħala ambizzjoni l-provvista ta’ liġijiet effettivi u infurzati madwar l-UE għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha tal-UE;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrevedi d-data fil- “Handbook on estimation of external costs in the transport sector’ fuq il-bażi ta’ għarfien ġdid dwar l-emissjonijiet reali u t-tniġġis tal-arja minn vetturi tat-triq;

30.  Iqis li huwa ta’ dispjaċir li l-industrija tal-karozzi kisbet aċċess privileġġjat fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward tar-regoli li jirregolawhom, inkluż permezz tal-komitoloġija; jixħet dubju fuq il-bilanċ fil-mod kif jitmexxa dan it-teħid ta’ deċiżjonijiet; jitlob li jkun hemm trasparenza mtejba permezz tal-pubblikazzjoni tad-dokumenti kollha skambjati bejn il-Kummissjoni u l-Kunsill mal-industrija awtomobilistika mill-2004;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment (EIB) biex jinvestigaw il-finanzjament – inkluż is-self u l-għotjiet għar-riċerka u l-iżvilupp tal-BEI u l-UE – mogħtija lill-industrija awtomobilistika għall-iżvilupp ta’ magni aktar nodfa, biex jevalwaw l-effettività ta’ dan il-finanzjament, u biex jiġi stabbilit jekk sarx użu ħażin minn xi parti ta' dan il-finanzjament għall-iżvilupp ta’ tagħmir għall-ittestjar tar-riduzzjoni tal-emissjonijiet; huwa tal-fehma li f’dawn il-każi l-fondi jridu jingħataw lura;

32.  Jiddeplora l-fatt li d-deċiżjonijiet ta’ ġestjoni tal-manifatturi li jiksru standards legali jista' jkollhom impatt serju fuq il-ħaddiema;

33.  Jenfasizza li qabel ma tiġi kkunsidrata kwalunkwe sensja, il-manifatturi għandhom jużaw ir-riżorsi finanzjarji tagħhom stess, inkluż billi jżommu l-profitti pjuttost milli biex jitqassmu d-dividendi, biex ikopru kemm jista’ jkun l-ispejjeż li jirriżultaw mill-ksur tal-liġi applikabbli; jirrimarka li l-kumpanija u l-azzjonisti għandhom jassorbu telfiet kemm jista’ jkun possibbli qabel ma jużaw il-fondi mill-kontribwenti fil-livell tal-Istati Membri jew tal-UE, sabiex jiġi evitat periklu morali;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina liema fondi tal-UE jistgħu jiġu mobilizzati b’appoġġ għall-ħaddiema kkonċernati, u jirrimarka li dawn il-miżuri ta’ assistenza ma għandhomx jissostitwixxu r-responsabbiltà tal-Istati Membri jew tal-kumpanija u għandjom ikunu kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli;

35.  Jinsab konvint li sabiex l-industrija awtomobilistika Ewropea tibqa' kompetittiva fil-futur, dan se jiddependi fuq il-ħolqien ta' ċirku virtuż li jkun ta' benefiċċju għall-innovazzjoni, l-impjieg, is-saħħa, l-ambjent u l-mobilità; jappella biex is-settur awtomobilistiku jallinja l-investimenti u l-istrateġiji ta’ żvilupp mal-bżonnijiet tas-soċjetà għal ambjent iktar nadif u reżiljenti għat-tibdil fil-klima, fost l-oħrajn permezz tal-produzzjoni ta’ vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, inklużi vetturi elettriċi; jiddubita li, f’dan il-kuntest, it-teknoloġija diesel se jkollha xi rwol x’taqdi fil-mobilità tal-futur;

36.  Jappoġġja l-iżvilupp ta’ reazzjoni Ewropea kkoordinata u koerenti sabiex jiġi żgurat li l-politika industrijali u l-istrateġiji ta’ investiment huma orjentati lejn it-twassil ta’ sistemi ta’ trasport sikuri, nodfa, sostenibbli u affidabbli, b’bidla lil hinn mill-fjuwils fossili lejn it-teknoloġiji u sorsi ta’ enerġija ġodda;

37.  Jenfasizza li l-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles m’għandhomx iwasslu biex jitbaxxew l-istandards għall-ħarsien tal-klima, iżda jgħinu biex dawn jogħlew fl-UE u f’partijiet oħra tad-dinja;

38.  Jagħti istruzzjoni lill-President tiegħu li jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri;

 

 

[1] ĠU L 171, 29.6.2007, p. 1.
[2] ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1.
[3] ĠU L 309, 27.11.2001, p. 22.
[4] ĠU L 152, 11.6.2008, p. 1.
[5] ĠU L 103, 5.4.2014, p. 15.