Seduta plenarja
21.10.2015
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8‑0764/2015
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku
( 2015/2865(RSP) )
Françoise Grossetête, Andreas Schwab, Peter Liese, Krišjānis Kariņš, Wim van de Camp, Pablo Zalba Bidegain, Burkhard Balz
f'isem il-Grupp PPE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku
( 2015/2865(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur tal-karozzi (O-00xxx/2015 – B8-0764/2015 ),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi r-Regolament Euro 5 u Euro 6 dwar il-limiti tal-emissjonijiet għall-karozzi tal-passiġġieri (ir-Regolament (KE) Nru 715/2007) jobbliga lill-manifatturi jiżguraw li l-vetturi “fl-użu normali” (Artikolu 5(1) jissodisfaw ir-rekwiżiti dwar l-emissjonijiet u jipprojbixxi b'mod espliċitu l-użu ta' tagħmir ta' riduzzjoni (l-Artikolu 5(2)), definit bħala "kull element tad-disinn li jħoss it-temperatura, il-veloċità tal-vettura, il-veloċità tal-magna (RPM), it-transmission gear, il-vakwu fil-manifold jew parametru ieħor bl-iskop li jattiva, jimmodula, jittardja jew iwaqqaf il-funzjonament ta' xi parti mis-sistema ta' kontroll tal-emissjonijiet, li tnaqqas l-effettività tas-sistema ta' kontroll tal-emissjonijiet taħt kondizzjonijiet li wieħed raġonevolment jista' jistenna li jiltaqa' magħhom waqt it-tħaddim u l-użu normali ta' vettura"; billi r-Regolament (KE) Nru 715/2007 jistieden ukoll lill-Kummissjoni espliċitament biex tintroduċi testijiet u tadotta miżuri rigward l-użu ta’ mekkaniżmi ta’ riduzzjoni; billi l-qerq f’dan ir-rigward għandu jiġi ttrattat mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u tas-sorveljanza, filwaqt li tkun żgurata t-trasparenza sħiħa tal-proċessi investigattivi;
B. billi l-kompetizzjoni ġusta, anke fost il-manifatturi tal-vetturi, timplika li l-konsumatur ikun jista' jagħżel il-prodott u jibbaża l-għażla tiegħu fuq il-karatteristiċi tekniċi komprensivi u imparzjali pprovduti;
C. billi s-settur awtomobilistiku jinsab fuq quddiem fir-rigward tal-innovazzjoni, u jirrappreżenta l-akbar sehem ta’ investiment fir-riċerka u l-iżvilupp meta mqabbel ma’ setturi oħra tal-ekonomija; billi s-settur awtomobilistiku hu wieħed minn dawk li jimpjega l-akbar għadd ta’ nies fl-Unjoni, u jipprovdi impjiegi relattivament sikuri, b'ħafna kwalifiki, imħallsa tajjeb u produttivi; billi s-settur awtomobilistiku jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-irkupru tal-ekonomija tal-Ewropa;
D. billi l-SMEs jiddominaw l-industrija tal-forniment tal-karozzi u jikkontribwixxu 50% għar-riċerka u l-iżvilupp speċifiċi għas-settur; billi s-saħħa ekonomika ta’ ħafna reġjuni fin-naħa t'isfel, fiċ-ċentru u fil-Lvant tal-Ewropa hija derivata mill-industrija awtomobilistika u minn dik tal-forniment tal-vetturi;
E. billi l-inċident attwali jeħtieġ li jiġi investigat u ċċarat, u għandu jkun ċar li huma biss dawk l-individwi responsabbli li jridu jagħtu kont ta’ għemilhom; jeħtieġ li jiġi evitat li eluf ta’ impjegati u l-familji tagħhom jitqiesu b’suspett u jinżammu responsabbli għall-iżbalji ta’ ftit nies;
F. billi l-valur ta' limitu tal-Euro 5 għall-emissjonijiet ta’ NOx minn vetturi diesel huwa 180 mg/km, applikabbli għal vetturi li ngħataw l-approvazzjoni tat-tip bejn l-1 ta' Settembru 2009 u l-1 ta' Settembru 2014 u għall-vetturi kollha mibjugħa bejn l-1 ta' Jannar 2011 u l-1 ta' Settembru 2015, u billi l-valur ta' limitu korrispondenti tal-Euro 6 huwa 80 mg/km, applikabbli għat-tipi ġodda mill-1 ta' Settembru 2014 u għall-vetturi kollha mibjugħa mill-1 ta' Settembru 2015 ’l quddiem;
G. billi l-analiżi tal-2011 taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni wasal għall-konklużjoni li l-emissjonijiet ta' NOx minn vetturi tad-diesel imkejla b'sistema portable tal-kejl tal-emissjonijiet (portable emission measurement system (PEMS)) qabżu sostanzjalment il-valuri ta' limitu rispettivi tal-Euro 3-5, b'firxa bejn darbtejn sa erba' darbiet aktar għall-medja tal-emissjonijiet ta' NOx fuq ir-rotot sħaħ tat-testijiet u 14-il darba aktar f'partijiet individwali tat-testijiet; billi l-analiżi tal-ICCT ta' Ottubru 2014 tiddokumenta, bħala medja, emissjonijiet ta’ NOx fit-triq mill-vetturi diżil ittestjati li kienu madwar 7 darbiet ogħla mil-limiti stipulati skont l-istandard Euro 6;
H. billi t-testijiet tal-konformità tal-produzzjoni u t-testijiet tal-konformità waqt is-servizz ma kinux soġġetti għal standards komuni fil-livell tal-UE; billi m’hemm l-ebda rekwiżit ta' żvelar ta’ informazzjoni lill-Kummissjoni, lil Awtoritajiet tal-Approvazzjoni tat-Tip (TAAs) tal-Istati Membri l-oħra jew lil kwalunkwe parti oħra interessata rigward kwalunkwe test applikat mit-TAAs kompetenti, jew rigward ir-riżultati ta' tali testijiet;
I. billi s-sistema tal-UE tal-lum għall-approvazzjoni tat-tip ma tippermettix lill-Kummissjoni jew lil awtoritajiet oħra tal-Istati Membri jivvalutaw mill-ġdid l-approvazzjonijiet tat-tip jew iċ-ċertifikati ta’ konformità tal-vetturi, biex isejħu lura vetturi mis-suq jew jissospendu t-tqegħid tagħhom fis-suq, dment li jkunu ġew approvati minn Stat Membru ieħor; billi l-manifatturi tal-vetturi jistgħu jagħżlu kwalunkwe awtorità tal-ittestjar fl-UE; billi m’hemmx sorveljanza tax-xogħol tal-ittestjar imwettaq mill-Awtoritajiet tal-Approvazzjoni tat-Tip;
J. billi l-Kummissjoni qiegħda twettaq rieżami tal-qafas tal-approvazzjoni tat-tip; billi dan ir-rieżami huma importantissmu biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja tal-konsumatur fit-testijiet tal-emissjonijiet u tal-konsum tal-fjuwil;
K. billi, skont id-Direttiva dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta' oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (1999/44/KE), il-konsumaturi għandhom d-dritt għal tal-anqas sentejn garanzija wara x-xiri ta' prodott, u billi l-bejjiegħ hu obbligat jgħaddi lill-konsumatur oġġetti li jkunu f'konformità mal-kuntratt ta' bejgħ; billi fin-nuqqas ta' tali konformità, il-konsumatur hu intitolat għal tiswija jew sostituzzjoni bla ħlas, jew għal tnaqqis fil-prezz;
L. billi d-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur (2011/83/UE) tesiġi li informazzjoni dwar il-karatteristiċi ewlenin ta' prodott tingħata qabel il-konklużjoni ta' kuntratti fil-post tan-negozju jew lil hinn minnu jew mill-bogħod, u tirrikjedi li l-Istati Membri jkollhom regoli dwar pieni effettivi, proporzjonali u dissważivi f'każ li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva ma jiġux issodisfati;
M. billi d-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Żleali (2005/29/KE) tipprojbixxi, b'mod partikolari, kull prattika li "toħloq distorsjoni sostanzjali jew tista' toħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġiba ekonomika, fir-rigward tal-prodott, tal-konsumatur medju li tilħaq jew li lilu tkun indirizzata", tipprovdi li prattiki kummerċjali li jitqiesu żleali f'kull ċirkostanza jinkludu każijiet fejn "il-kummerċjant isostni li huwa (inklużi l-prattiki kummerċjali tiegħu) jew xi prodott ġie approvat, appoġġat jew awtorizzat minn korp pubbliku jew privat ieħor meta huwa/dan ma kienx jew isostni hekk mingħajr ma jikkonforma ruħu mat-termini tal-approvazzjoni, appoġġ jew awtorizzazzjoni", u tesiġi li l-Istati Membri jadottaw pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi;
N. billi skont il-Kummissjoni Ewropea, il-materja partikolata u l-konċentrazzjonijiet ta’ ożonu huma responsabbli għal aktar minn 400 000 mewt prematura kull sena fl-UE, u n-nefqa totali relatata mas-saħħa minħabba t-tniġġis tal-arja fl-UE hi ta’ bejn EUR 330 biljun u EUR 940 biljun fis-sena;
O. billi t-tniġġis tal-arja għadu l-kawża ta’ ħafna mill-każijiet ta’ kanċer tal-pulmun u ta’ mard respiratorju u kardjovaskulari fl-Ewropa, apparti li jagħmel ħsara lill-ekosistemi fil-każ ta' tniġġis ta' nitroġenu eċċessiv (ewtrofikazzjoni) u xita aċiduża;
P. billi sa terz tal-popolazzjoni urbana tal-UE għadha esposta għal livelli ogħla mill-valuri ta' limitu jew ta' mira stabbiliti mill-UE; billi t-trasport għadu wieħed mill-kawżi prinċipali tal-kwalità ħażina tal-arja fl-ibliet, kif ukoll tal-problemi tas-saħħa relatati;
Q. billi l-konċentrazzjonijiet tal-ossidu tan-nitroġenu (NOx) regolarment jaqbżu l-istandards tal-kwalità tal-arja, u billi l-miri għall-valuri massimi nazzjonali tal-2010 għall-emissjonijiet tal-NOx baqgħu ma ntlaħqux f'sitt Stati Membri;
R. billi s-sistemi attwali għall-verifikar tal-emissjonijiet tal-ossidu tan-nitroġenu minn karozzi tal-passiġġieri diesel tiddependi fuq tliet teknoloġiji ewlenin: modifiki tal-ġewwieni tal-magna flimkien mar-riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost (exhaust gas recirculation (EGR)), assorbituri tal-ossidu tan-nitroġenu minn magni b’użu ta’ fjuwil baxx (lean nitrogen-oxide traps (LNTs)), u tnaqqis katalitiku selettiv (selective catalytic reduction (SCR));
S. billi d-diskrepanzi bejn ir-riżultati tat-test u l-prestazzjoni tal-vettura waqt l-użu normali mhumiex limitati għall-NOx, iżda jeżistu wkoll fil-każ ta' sustanzi niġġiesa oħra u tas-CO2; billi skont l-ICCT (Settembru 2015), id-differenza bejn il-emissjonijiet uffiċjali u dawk reali ta’ CO2 għall-vetturi tal-passiġġieri fl-Ewropa kienet 40 % fl-2014;
T. billi l-bidla għall-Proċedura ta' Ttestjar Armonizzata fil-Livell Dinji għall-Vetturi Ħfief (WLTP) tirrikjedi li l-miri tal-medja tal-emissjonijiet CO2 tal-flotta eżistenti tal-manifatturi tiġi adattata għat-test il-ġdid;
1. Jilqa’ l-fatt li bosta pajjiżi Ewropej u pajjiżi oħra fetħu investigazzjonijiet fir-rigward tal-manipulazzjoni tar-riżultati tat-testijiet tal-emissjonijiet tal-vetturi; jappoġġa barra minn hekk l-appell tal-Kummissjoni lill-awtoritajiet nazzjonali ta' sorveljanza biex iwettqu kontrolli estensivi fuq varjetà wiesgħa ta' marki u mudelli ta' vetturi; jemmen li din l-investigazzjoni għandha tiġi sorveljata mill-Kummissjoni u mwettqa fuq il-bażi ta’ data miġbura u ppreżentata mill-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi tal-Istati Membri tal-vetturi mqiegħda fis-suq u bl-użu ta’ testijiet tas-sewqan fid-dinja reali; jinsisti li din l-investigazzjoni titwettaq bi trasparenza sħiħa u li l-pubbliku jkollu aċċess komplut għad-data;
2. Ifakkar li karozzi diesel għandhom inqas emissjonijiet ta’ CO2 għal kull kilometru minn vetturi petrol ekwivalenti u li dawn tal-ewwel huma mezz importanti biex il-manifatturi jirnexxilhom jilħqu l-miri medji tal-UE 2021 fir-rigward tas-CO2; ifakkar li dawn se jibqgħu jkunu wkoll kontributur essenzjali biex jintlaħqu l-miri għall-perjodu ta’ wara l-2021, iżda jenfasizza li jeħtieġ li l-manifatturi jużaw t-teknoloġija nadifa disponibbli biex inaqqsu l-NOx, il-PM u sustanzi oħra li jniġġsu;
3. Ifakkar li l-fornituri tal-karozzi Ewropej qegħdin fuq quddiem fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji diesel fid-dinja, li jikkombina l-uffiċjenza fl-użu tal-fjuwil ma’ emissjonijiet baxxi ta’ CO2 u jenfasizza li dan ir-rwol mexxej fir-rigward tat-teknoloġiji għandu jiġi appoġġat fil-ġejjieni;
4. Jenfasizza l-importanza tar-rapport Deß dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' sustanzi niġġiesa minn vetturi tat-triq adottat mill-Kumitat għall-Ambjent tal-Parlament fit-23 ta' Settembru 2015 b’66 vot favur u żewġ voti kontra, u b'mod partikolari t-talba indirizzata lill-Kummissjoni biex "tintroduċi test tal-emissjonijiet tas-sewqan reali għall-vetturi kollha bl-approvazzoni tat-tip jew li ġew irreġistrati mill-2015 biex tiġi żgurata l-effikaċja tas-sistemi ta' kontroll tal-emissjonijiet u jingħata lok biex il-vettura tikkonforma ma' dan ir-Regolament u l-miżuri ta' implimentazzjoni tiegħu, b'fattur ta' konformità li jirrifletti biss it-tolleranzi possibbli tal-proċedura tal-kejl tal-emissjonijiet fis-seħħ, sal-2017"; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jaslu għal ftehim bikri dwar qafas għal test tal-Emissjonijiet tas-Sewqan reali (real driving emissions (RDE)) fuq dik il-bażi, u jitlob li l-proċedura b’komitoloġija tiġi adottata rapidament wara qbil dwar il-proposta leġiżlattiva;
5. Jenfasizza l-ħtieġa għal tisħiħ sinifikanti tar-reġim attwali tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE, fosthom permezz ta’ aktar sorveljanza min-naħa tal-UE, b’mod partikolari fir-rigward tar-reġim tas-sorveljanza tas-suq, il-koordinazzjoni u s-segwitu tal-vetturi mibjugħa fl-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tfassal mill-ġdid is-sistema attwali tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE sabiex tiżgura kundizzjonijiet ekwi fl-UE kollha u biex tiggarantixxi li l-approvazzjoni tat-tip u ċ-ċertifikati tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jkunu jistgħu jiġu verifikati b’mod indipendenti u possibilment ivvalutati mill-ġdid mill-Kummissjoni, u li l-implimentazzjoni tar-regolamenti tal-UE jkunu jistgħu jiġu infurzati b’mod effettiv u li jiġu kkoreġuti n-nuqqasijiet tal-miżuri ta’ implimentazzjoni, mingħajr ma jiżdied il-piż amministrattiv;
6. Jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni li tiżviluppa testijiet tal-emissjonijiet tas-sewqan reali u jappella biex il-ħidma f’dan ir-rigward tiġi aċċellerata u li jsir qbil fuq fattur ta’ flessibilità ambizzjuż biex tkun possibbli l-implimentazzjoni tal-ittestjar imsemmi aktar 'il quddiem; ifakkar, madankollu, li din il-flessibbiltà mhix se tintuża biex timmodifika s-sustanza tar-regolament eżistenti; jitlob li l-proċedura ta’ omologazzjoni tiġi riveduta rapidament biex issir rappreżentattiva u biex jitnaqqsu l-flessibiltajiet inġustifikati, bħall-ittestjar f’temperaturi massimi jew l-ittestjar b’livelli għolja ta’ pressjoni tat-tajers; jitlob li tiġi introdotta bil-ħeffa l-Proċedura ta' Ttestjar Armonizzata fil-Livell Dinji għall-Vetturi Ħfief (WLTP) żviluppata taħt l-awspiċji tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE);
7. Jemmen li hu importantissmu li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti kollha tal-Istati Membri jkollhom id-dritt li jagħmlu rieżami tal-approvazzjoni tat-tip u taċ-ċertifikat tal-konformità, li jitolbu li jissejħu lura u li jwaqqfu t-tqegħid fis-suq ta’ vetturi meta jkollhom evidenza ta’ nonkonformità mal-valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet tal-UE taħt ir-Regolament Euro 5/6 jew kwalunkwe rekwiżit ieħor previst mir-reġim tal-approvazzjoni tat-tip;
8. Jemmen li r-rieżami tad-Direttiva ta' Qafas dwar l-Approvazzjoni tat-Tip jeħtieġ li jespandi u jispeċifika l-konformità tar-rekwiżiti tal-produzzjoni biex ikun żgurat li kampjun suffiċjenti u rappreżentattiv ta’ mudell ġodda magħżula b’mod aleatorju mil-linji tal-produzzjoni jiġu ttestjati b’testijiet RDE fuq bażi annwali, biex jivverifikaw il-konformità tagħhom mal-valuri ta’ limitu tal-UE għal sustanzi niġġiesa; jitlob, barra minn hekk, li jitjieb l-ittestjar waqt is-servizz ta’ vetturi li diġà qed jintużaw fit-toroq, abbażi ta’ proċedura RDE wkoll, biex tiġi verifikata l-konformità waqt is-servizz ta’ vetturi b’kilometraġġi differenti kif mitlub skont dan ir-Regolament; jitlob li titjieb is-sorveljanza fit-toroq permezz ta’ spezzjonijiet tekniċi perjodiċi biex jiġu identifikati u msewwija vetturi li ma jkunux konformi mad-dritt tal-UE;
9. Jenfasizza li jeħtieġ li l-konsumaturi jkunu jistgħu jeżerċitaw drittijiethom faċilment, kif previst fid-Direttivi 1999/44/KE, 2005/29/KE u 2011/83/UE; jitlob li l-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jagħtu pariri ċari lill-konsumaturi li jistaqsu dwar dawn id-drittijiet; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, barra minn hekk, biex jiżguraw li dawn id-drittijiet jiġu rispettati;
10. Jitlob li d-Direttiva 1999/94/KE dwar id-disponibilità ta’ tagħrif għall-konsumatur dwar l-ekonomija tal-karburanti u emissjonijiet ta’ CO2 rigward il-marketing ta’ karozzi tal-passiġġieri ġodda tiġi rieżaminata sabiex titjieb il-preċiżjoni tal-informazzjoni pprovduta lill-konsumaturi; iqis li t-tikketti għandhom ikunu bbażati fuq il-valuri tal-emissjonijiet irreġistrati fl-ittestjar RDE; jenfasizza l-ħtieġa ta’ salvagwardja tas-saħħa pubblika u li jkun żgurat ir-rispett lejn id-drittijiet tal-konsumaturi;
11. Jistieden lill-Kummissjoni, li hi responsabbli mill-kompetizzjoni fis-suq intern tal-UE, biex b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza tiżgura kundizzjonijiet ekwi fost il-kompetituri li jaqdu s-suq; jenfasizza li sa terz tal-popolazzjoni urbana tal-UE għadha qed tiġi esposta għal livelli ogħla mill-valuri ta’ limitu jew ta’ mira stabbiliti mill-UE; ifakkar li t-trasport għadu wieħed mill-kawżi prinċipali tal-livelli baxxi ta’ kwalità tal-arja fl-ibliet u tal-impatti relatati fuq is-saħħa; jenfasizza li l-leġiżlazzjoni dwar il-miri tal-emissjonijiet fil-ġejjieni jeħtieġ li telimina l-problemi tal-kwalità tal-arja li għad baqa’ fl-UE u li l-leġiżlazzjoni RDE jeħtieġ li tikkontribwixxi għal dan l-għan, u b’hekk tippermetti lill-muniċipji li diġà qed iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi f’dan ir-rigward biex iwettqu l-obbligi tagħhom stipulati fid-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja; jenfasizza l-ħtieġa li tintrebaħ lura l-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej fl-industrija awtomobilistika tal-UE; jenfasizza s-solidarjetà tiegħu mhux biss mal-ħaddiema tal-manifatturi iżda wkoll mal-fornituri u mal-industrija awtomobilistika tul il-katina tal-provvista li mingħajr ebda ħtija qed iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi enormi kkawżati mill-qerq ta’ wħud mid-diriġenti tal-manifatturi; ifakkar il-ħtieġa ta’ trasponiment sħiħ u bir-reqqa tar-regoli Ewropej dwar il-funzjonament tas-Suq Intern fl-Istati Membri kollha u barra minn hekk jistieden lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq Ewropej u nazzjonali biex jinvestigaw kwalunkwe dikjarazzjoni ta’ qerq b’vigorożità;
12. Jitlob li jintlaħaq qbil rapidu fuq il-korrelazzjoni tal-WLTP għall-miri medji ta’ CO2 fir-rigward tal-prinċipju ta’ strettezza kumparabbli iżda mingħajr ma jingħataw flessibiltajiet inġusti lill-proċedura ta’ ttestjar attwali biex ma tiddgħajjifx il-mira tal-2021;
13. Jagħti istruzzjoni lill-President tiegħu li jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri;