Seduta plenarja
21.10.2015
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8‑0764/2015
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku
( 2015/2865(RSP) )
Daniel Dalton, Julie Girling, Roberts Zīle, Vicky Ford, Evžen Tošenovský, Jørn Dohrmann
f'isem il-Grupp ECR
<<<
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku
( 2015/2865(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur tal-karozzi ( O-000113/2015 – B8-0764/2015 ),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-industrija awtomobilistika hija waħda mill-kontributuri ewlenin għat-tkabbir u l-innovazzjoni, u tikkontribwixxi għall-impjiegi f'għadd sinifikanti ta' Stati Membri;
B. billi r-Regolament Euro 5/6 dwar il-limiti tal-emissjonijiet għall-karozzi tal-passiġġieri (ir-Regolament 715/2007/KE tal-20 ta' Ġunju 2007) jobbliga lill-manifatturi jattrezzaw il-vetturi b'mod li jissodisfaw ir-rekwiżiti dwar l-emissjonijiet "fl-użu normali" (l-Artikolu 5(1)) u jipprojbixxi b'mod espliċitu l-użu ta' tagħmir ta' riduzzjoni (l-Artikolu 5(2)), definit bħala "kull element tad-disinn li jħoss it-temperatura, il-veloċità tal-vettura, il-veloċità tal-magna (RPM), it-transmission gear, il-vakwu fil-manifold jew parametru ieħor bl-iskop li jattiva, jimmodula, jittardja jew iwaqqaf il-funzjonament ta' xi parti mis-sistema ta' kontroll tal-emissjonijiet, li tnaqqas l-effettività tas-sistema ta' kontroll tal-emissjonijiet taħt kondizzjonijiet li wieħed raġonevolment jista' jistenna li jiltaqa' magħhom waqt it-tħaddim u l-użu normali ta' vettura"; billi r-Regolament ukoll jistieden lill-Kummissjoni espliċitament biex tintroduċi testijiet u tadotta miżuri rigward l-użu ta' mekkaniżmi ta' riduzzjoni;
C. billi l-kumpanija Volkswagen ammettiet li installat tagħmir ta' riduzzjoni f'tal-anqas 11-il miljun vettura tad-diesel li biegħet; billi 8 miljun minn dawk il-vetturi tqiegħdu fis-suq Ewropew mill-2009 'l quddiem; billi l-magni Volkswagen imqiegħda fis-suq fl-UE ngħataw l-approvazzjoni tat-tip bħala magni li jissodisfaw l-istandard Euro 5;
D. billi l-evażjoni ta' rekwiżiti dwar l-emissjonijiet permezz tal-użu ta' tagħmir bħal dan huwa manifestament kuntrarju għad-dispożizzjonijiet legali adottati mill-Unjoni, u billi kwalunkwe qerq possibbli bħal dan għandu jiġi investigat mill-awtoritajiet responsabbli fl-Istati Membri affettwati, inkluż bi proċedimenti mwettqa minn korpi tal-infurzar tal-liġi, fejn dan ikun f'loku;
E. billi l-valur ta' limitu tal-Euro 5 għall-emissjonijiet tal-ossidu tan-nitroġenu (NOx) minn vetturi tad-diesel huwa 180 mg/km, applikabbli għal vetturi li ngħataw l-approvazzjoni tat-tip bejn l-1 ta' Settembru 2009 u l-1 ta' Settembru 2014 u għall-vetturi kollha mibjugħa bejn l-1 ta' Jannar 2011 u l-1 ta' Settembru 2015, u billi l-valur ta' limitu korrispondenti tal-Euro 6 huwa 80 mg/km, applikabbli għat-tipi ġodda mill- 1 ta' Settembru 2014 u għall-vetturi kollha mibjugħa sa mill-1 ta' Settembru 2015;
F. billi l-analiżi tal-2011 taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-emissjonijiet tal-NOx minn vetturi tad-diesel imkejla b'sistema tal-kejl tal-emissjonijiet li tinġarr (PEMS) qabeż sostanzjalment il-valuri ta' limitu rispettivi tal-Euro 3-5, b'firxa bejn darbtejn sa erba' darbiet aktar għall-medja tal-emissjonijiet ta' NOx fuq ir-rotot sħaħ tat-testijiet u 14-il darba aktar f'partijiet individwali tat-testijiet;
G. billi t-testijiet għall-konformità tal-produzzjoni u għall-konformità waqt is-servizz ma kinux soġġetti għal standards komuni fil-livell tal-UE; billi m'hemm l-ebda rekwiżit ta' żvelar ta' informazzjoni lill-Kummissjoni, lil Awtoritajiet tal-Approvazzjoni tat-Tip (TAAs) oħra tal-Istati Membri jew lil kwalunkwe parti oħra interessata rigward kwalunkwe test applikat mit-TAAs kompetenti jew rigward ir-riżultati ta' tali testijiet;
H. billi s-sistema tal-UE tal-lum għall-approvazzjoni tat-tip ma tippermettix lill-Kummissjoni jew lil awtoritajiet oħra tal-Istati Membri jirrivalutaw l-approvazzjonijiet tat-tip jew iċ-ċertifikati ta' konformità tal-vetturi, isejħu lura vetturi mis-suq jew jissospendu t-tqegħid tagħhom fis-suq, dment li jkunu ġew approvati minn Stat Membru ieħor; billi l-manifatturi tal-vetturi jistgħu jagħżlu kwalunkwe awtorità tal-ittestjar fl-UE;
I. billi l-Kummissjoni qiegħda twettaq rieżami tal-qafas tal-approvazzjoni tat-tip;
J. billi, skont id-Direttiva dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta' oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (1999/44/KE), il-konsumaturi għandhom d-dritt għal tal-anqas sentejn garanzija wara x-xiri ta' prodott, u billi li l-bejjiegħ obbligat jgħaddi lill-konsumatur oġġetti li jkunu f'konformità mal-kuntratt ta' bejgħ; billi fin-nuqqas ta' tali konformità, il-konsumatur huwa intitolat għal tiswija jew sostituzzjoni bla ħlas, jew għal tnaqqis fil-prezz;
K. billi d-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur (2011/83/UE) tesiġi li informazzjoni dwar il-karatteristiċi ewlenin ta' prodott tingħata qabel il-konklużjoni ta' kuntratti fil-post tan-negozju jew lil hinn minnu jew mill-bogħod, u tirrikjedi li l-Istati Membri jkollhom regoli dwar pieni effettivi, proporzjonali u dissważivi f'każ li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva ma jiġux issodisfati;
L. billi d-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Żleali (2005/29/KE) tipprojbixxi, b'mod partikolari, kull prattika li "toħloq distorsjoni sostanzjali jew tista' toħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġiba ekonomika, fir-rigward tal-prodott, tal-konsumatur medju li tilħaq jew li lilu tkun indirizzata", tipprovdi li prattiki kummerċjali li jitqiesu żleali f'kull ċirkostanza jinkludu każijiet fejn "il-kummerċjant isostni li huwa (inklużi l-prattiki kummerċjali tiegħu) jew xi prodott ġie approvat, appoġġat jew awtorizzat minn korp pubbliku jew privat ieħor meta huwa/dan ma kienx jew isostni hekk mingħajr ma jikkonforma ruħu mat-termini tal-approvazzjoni, appoġġ jew awtorizzazzjoni", u tesiġi li l-Istati Membri jadottaw pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi;
M. billi l-użu potenzjalment mifrux ta' tagħmir ta' riduzzjoni għandu implikazzjonijiet ċari għas-saħħa pubblika, fejn il-Kummissjoni tqis li l-ossidi tan-nitroġenu (NOx) u materja partikolata (PM), iż-żewġ elementi ewlenin tal-egżost maħluqa minn magni tad-diesel, huma responsabbli għal aktar minn 400 000 mewt bikrija kull sena fl-UE, u l-ispejjeż relatati mas-saħħa kkawżati mit-tniġġis tal-arja fl-UE jammontaw għal bejn EUR 330 biljun u EUR 940 biljun kull sena;
N. billi l-NOx u d-derivattivi tiegħu jistgħu jippenetraw fil-fond ġewwa l-pulmuni u jikkawżaw kanċer u problemi tan-nifs kroniċi; billi l-emissjonijiet ta' NOx għandhom ukoll impatt serju fuq l-ambjent u jikkontribwixxu għall-aċidifikazzjoni u għall-ewtrofikazzjoni; billi l-egżost tal-vetturi tad-diesel huwa sors ewlieni tal-NOx f'żoni urbani fl-Ewropa;
O. billi sa terz tal-popolazzjoni urbana tal-UE għadha esposta għal livelli ogħla mill-valuri ta' limitu jew ta' mira stabbiliti mill-UE; billi t-trasport għadu wieħed mill-kawżi prinċipali tal-kwalità ħażina tal-arja fl-ibliet, kif ukoll tal-problemi tas-saħħa relatati;
P. billi l-konċentrazzjonijiet tal-ossidu tan-nitroġenu (NOx) regolarment jaqbżu l-istandards tal-kwalità tal-arja, u billi l-miri għall-valuri massimi nazzjonali tal-2010 għall-emissjonijiet tal-NOx baqgħu ma ntlaħqux f'sitt Stati Membri;
Q. billi l-bidla għall-Proċedura ta' Ttestjar Armonizzata fil-Livell Dinji għall-Vetturi Ħfief (WLTP) tirrikjedi li l-mira tal-medja tal-emissjonijiet tal-flotta eżistenti tal-manifatturi tiġi adattata għat-test il-ġdid; billi l-proċedura għal din il-korrelazzjoni bħalissa tinsab għaddejja mill-komitoloġija u mistennija żżomm strettezza komparabbli għall-manifatturi;
1. Jesprimi tħassib serju għall-fatt li jista' jkun li l-konsumaturi Ewropej ġew affettwati ħażin mill-bejgħ lilhom ta' prodotti mgħammra b'komponenti jew softwer illegali li offrew prestazzjonijiet sostanzjalment differenti meta mqabbla ma' ċifri uffiċjali vverifikati waqt l-ittestjar għall-approvazzjoni tat-tip;
2. Iqis li l-użu ta' tagħmir ta' riduzzjoni jimmina l-effikaċja tar-regolamenti eżistenti dwar it-tniġġis tal-arja dwar il-kontrolli tal-emissjonijiet; jemmen li attività illegali ta' dan it-tip tista' tqajjem dubju dwar il-proċeduri ta' ksur li għaddejjin fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja kontra 17-il Stat Membru talli qabżu l-valuri ta' limitu ta' sustanzi niġġiesa skont id-Direttiva 2001/81/KE dwar il-livelli nazzjonali massimi tal-emissjonijiet u d-Direttiva 2008/50/KE dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent;
3. Jilqa' l-investigazzjonijiet li qed isiru f'diversi Stati Membri u f'pajjiżi oħra madwar id-dinja rigward il-manipulazzjoni tar-riżultati tat-testijiet tal-emissjonijiet tal-vetturi; jappoġġja l-appell tal-Kummissjoni lill-awtoritajiet nazzjonali ta' sorveljanza biex iwettqu kontrolli estensivi fuq varjetà wiesgħa ta' marki u mudelli ta' vetturi; iqis li l-Kummissjoni għandha tkun involuta fi kwalunkwe investigazzjoni ta' dan it-tip; jinsisti li l-investigazzjonijiet jitwettqu b'mod trasparenti u effikaċi, bil-qies debitu tal-ħtieġa li l-konsumaturi milquta direttament minn kwalunkwe nuqqas ta' konformità skopert jinżammu informati sewwa;
4. Jemmen li meta evidenza ta' mġiba ħażina tkun ikkonfermata, ir-rimedju għall-konsumatur għandu jiġi kkomunikat sewwa u mwettaq bla dewmien, u m'għandux jingħata lok għal aktar ħsara lill-konsumatur;
5. Jesprimi t-tħassib tiegħu li l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-Kummissjoni possibbilment naqsu milli jaġixxu fuq l-evidenza ta' eċċessi tal-valuri tal-limitu tal-emissjonijiet preskritti fil-liġi tal-UE (ir-Regolament 715/2007/KE dwar Euro 5/6) għal vetturi fl-użu normali;
6. Ifakkar fir-rwol li għandhom il-vetturi li jaħdmu bid-diesel għall-ilħiq tal-miri tal-UE dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra; iqis li dawn se jibqgħu jagħmluha ta' kontributuri essenzjali biex jintlaħqu l-miri għall-perjodu ta' wara l-2021, iżda jenfasizza li jeħtieġ li l-manifatturi jużaw it-teknoloġija nadifa disponibbli biex inaqqsu l-NOx, il-PM u sustanzi niġġiesa oħra;
7. Japprova r-rapport Girling (dwar Valuri Massimi Nazzjonali tal-Emissjonijiet għal ċerti sustanzi niġġiesa) ( A8‑0249/2015 ), adottat mill-Kumitat għall-Ambjent tiegħu fil-15 ta' Lulju 2015, u b'mod partikolari l-pożizzjoni tal-Kumitat li titlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiffinalizzaw b'urġenza l-proposta li qed tiġi kkunsidrata bħalissa għar-Regolament Euro 6 dwar l-Emissjonijiet fis-Sewqan Reali (RDE);
8. Jiġbed l-attenzjoni, barra minn hekk, għar-rapport Deß (dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' sustanzi niġġiesa minn vetturi tat-triq) adottat mill-Kumitat għall-Ambjent fit-23 ta' Settembru 2015, u b'mod partikolari għall-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew li tesiġi li l-Kummissjoni "tintroduċi test tal-emissjonijiet tas-sewqan reali għall-vetturi kollha bl-approvazzoni tat-tip jew li ġew irreġistrati mill-2015 biex tiġi żgurata l-effikaċja tas-sistemi ta' kontroll tal-emissjonijiet u jingħata lok biex il-vettura tikkonforma ma' dan ir-Regolament u l-miżuri ta' implimentazzjoni tiegħu, b'fattur ta' konformità li jirrifletti biss it-tolleranzi possibbli tal-proċedura tal-kejl tal-emissjonijiet fis-seħħ, sal-2017";
9. Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex jaslu għal ftehim bikri dwar qafas għal test tal-Emissjonijiet fis-Sewqan Reali (RDE) fuq dik il-bażi, kif ukoll l-adozzjoni rapida tal-proċedura fil-komitoloġija wara qbil dwar il-proposta leġiżlattiva; jissottolinja li jeħtieġ li titħejja bir-reqqa leġiżlazzjoni sekondarja f'dan il-qasam, u li din jeħtiġilha tipprovdi ċarezza lill-awtoritajiet nazzjonali u lill-manifatturi fi żmien suffiċjenti, b'tali mod li tiffaċilita l-konformità ma' dawn ir-rekwiżiti malli jidħlu fis-seħħ; iqis li huwa essenzjali li kwalunkwe fattur ta' konformità applikat bħala miżura interim ikun limitat, u li r-raġunijiet għall-applikazzjoni tiegħu u l-lista tal-mudelli li jibbenefikaw minn dawn it-tolleranzi jiġu spjegati lill-konsumaturi b'mod ċar u prominenti; jemmen li l-konsumaturi mhumiex moqdija sewwa b'leġiżlazzjoni li tistqarr li trid tistabbilixxi standards, iżda li, fl-applikazzjoni tagħha, tippermetti livell differenti ta' konformità; barra minn hekk, jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iċ-ċertezza legali meta fatturi ta' konformità jippermettu livelli differenti ta' konformità bejn prodott u ieħor;
10. Jenfasizza l-ħtieġa għal titjib tas-sistema attwali tal-UE għall-approvazzjoni tat-tip applikabbli għall-vetturi bil-mutur, inkluż bil-possibbiltà ta' evalwazzjoni bejn il-pari tas-sistemi ta' ttestjar imħaddma fl-UE; jemmen li kwalunkwe prattika illegali kkonfermata għandha tiġi analizzata bil-ħsieb li titfassal leġiżlazzjoni futura li tipprevjeni l-abbuż f'dan il-qasam; jissottolinja, madankollu, li kwalunkwe leġiżlazzjoni possibbli li titressaq m'għandhiex timponi piż żejjed fuq l-industrija awtomobilistika Ewropea;
11. Jitlob li l-Kummissjoni nfisha ttejjeb il-monitoraġġ tal-awtoritajiet nazzjonali sabiex tiżgura implimentazzjoni mtejba fl-UE kollha tal-ittestjar tal-vetturi;
12. Jemmen li kwalunkwe reviżjoni għandha tivvaluta wkoll jekk il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kollha għandhomx jingħataw id-dritt li jirrivalutaw l-approvazzjoni tat-tip u ċertifikati ta' konformità, li jesiġu li l-vetturi jissejħu lura mis-suq u li jwaqqfu t-tqegħid fis-suq ta' vetturi li fihom isibu raġunijiet sostanzjati sewwa u leġittimi biex jissuspettaw nuqqas ta' konformità mal-valuri ta' limitu tal-emissjonijiet tal-UE taħt ir-Regolament Euro 5/6 jew kwalunkwe rekwiżit ieħor previst minn sistema ta' approvazzjoni tat-tip għal vetturi bil-mutur; jitlob li jittejjeb l-ittestjar waqt is-servizz ta' vetturi approvati, abbażi ta' proċedura RDE, biex tiġi vverifikata l-konformità waqt is-servizz ta' vetturi b'kilometraġġi differenti, kif huwa rikjest skont dan ir-Regolament;
13. Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali biex ma juru l-ebda tolleranza lejn l-hekk imsejħa "ottimizzazzjoni tal-ittestjar tal-vetturi", fejn huma komuni prattiki bħall-infiħ tat-tajers bi pressjonijiet ogħla min-normal, it-tneħħija tal-mirja tal-ġnub, il-kisi tal-ispazji ta' bejn il-panewijiet bit-tejp biex titnaqqas ir-reżistenza ajrudinamika, l-użu fil-magna u fil-gerboks ta' lubrikanti speċjali li ma jintużawx f'sitwazzjonijiet oħra, it-tneħħija ta' tagħmir awżiljarju bħall-isterjo, u l-ittestjar fit-temperatura ambjentali massima permessa, li lkoll ikomplu jaċċentwaw b'mod inaċċettabbli d-differenza bejn l-ittestjar fil-laboratorju u l-esperjenza tal-konsumatur fit-triq;
14. Jitlob li tiġi introdotta bil-ħeffa l-Proċedura ta' Ttestjar Armonizzata fil-Livell Dinji għall-Vetturi Ħfief (WLTP) żviluppata taħt l-awspiċji tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE);
15. Jenfasizza li jeħtieġ li l-konsumaturi jkunu jistgħu jeżerċitaw drittijiethom faċilment, kif previst fid-Direttivi 1999/44/KE, 2005/29/KE u 2011/83/UE; jitlob li l-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jagħtu parir ċar lill-konsumaturi li jistaqsu dwar dawn id-drittijiet;
16. Jitlob li d-Direttiva tal-UE dwar it-tikkettar tal-vetturi (1999/94/KE) tiġi rieżaminata bil-għan li jittejbu l-akkuratezza, ir-rilevanza u l-paragunabbiltà tal-informazzjoni li tingħata lill-konsumaturi; iqis li t-tikketti għandhom ikunu bbażati fuq il-valuri tal-emissjonijiet irreġistrati fl-ittestjar RDE;
17. Jitlob li jintlaħaq qbil rapidu dwar korrelazzjoni WLTP għall-miri ta' medja tas-CO2 għall-flotot ta' vetturi, bla ma jintrifdu flessibbiltajiet inġusti fil-proċedura tal-ittestjar tal-lum, b'tali mod li ma tisfax imdgħajfa l-mira tal-2021;
18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.