Dokument ta' sessjoni
24.11.2015
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8‑1107/2015
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar il-benessri tal-annimali
( 2015/2957(RSP) )
Marco Zullo, Marco Affronte, Eleonora Evi, Fabio Massimo Castaldo, Isabella Adinolfi
f'isem il-Grupp EFDD
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-benessri tal-annimali
( 2015/2957(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jgħid li l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jagħtu kunsiderazzjoni sħiħa lill-ħtiġijiet tal-benessri tal-annimali bħala esseri sensibbli, waqt li jirrispettaw id-dispożizzjonijiet leġislattivi jew amministrattivi u d-drawwiet tal-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu partikolarment mar-riti reliġjużi, it-tradizzjonijiet kulturali u l-wirt reġjonali,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 43 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jittratta l-funzjonament tal-Politika Agrikola Komuni u l-Politika Komuni tas-Sajd,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 168(4)(b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar miżuri fl-oqsma veterinarji u fitosanitarji li jkollhom il-ħarsien tas-saħħa pubblika bħala l-objettiv dirett tagħhom,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2012 dwar l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2012-2015[1],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/63/UE dwar il-protezzjoni tal-annimali li jintużaw għal skopijiet xjentifiċi (id-Direttiva dwar l-Ittestjar fuq l-Annimali)[2],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Novembru 2011 dwar pjan ta' azzjoni kontra t-theddid li qed jiżdied ta' reżistenza antimikrobika ( COM(2011)0748 ),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport[3],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2012 dwar l-istabbiliment ta' limitu massimu ta' 8 sigħat ta' vvjaġġar għall-bhejjem li jiġu ttrasportati fl-Unjoni Ewropea biex jittieħdu għall-qatla[4],
– wara li kkunsidra r-Regolamenti dwar il-Kummerċ ta' Organiżmi Selvaġġi, inklużi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97[5] u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 865/2006[6],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 576/2013 dwar il-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi[7],
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 1999/22/KE dwar iż-żamma ta' annimali selvaġġi fiż-żoo[8],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Frar 2014 dwar l-Approċċ tal-UE kontra t-Traffikar ta' Organiżmi Salvaġġi ( COM(2014)0064 ),
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar strateġija ġdida għall-benessri tal-annimali għall-2016-2020 ( O-000141/2015 – B8-1107/2015 ),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni dwar is-saħħa u l-benessri tal-annimali tonqos milli tħares lejn l-annimali bħala esseri sensibbli, f'konformità mal-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
B. billi l-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tal-benessri tal-annimali tikkontribwixxi għal kundizzjonijiet ekwi fi ħdan l-Unjoni u, b'hekk, għal suq intern li jiffunzjona tajjeb;
C. billi l-problemi rikorrenti u speċifiċi relatati mal-benessri tal-annimali, li jikkonċernaw mhux biss il-produzzjoni tal-bhejjem fis-settur tal-biedja, iżda anke setturi oħra, bħal dawk li jirrigwardaw lill-annimali domestiċi, iż-żwiemel, l-annimali eżotiċi u annimali oħra miżmuma jew ikkumerċjalizzati fil-kuntest ta' attività ekonomika, għandhom jiġu solvuti fil-livell tal-UE;
D. billi l-benessri tal-annimali għandu jittejjeb aktar abbażi tal-għarfien xjentifiku prevalenti u b'attenzjoni xierqa għall-effiċjenza u l-kompetittività tat-trobbija tal-bhejjem agrikola;
E. billi ċ-ċirki ġew esklużi espliċitament mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 1999/22/KE u għalhekk il-kundizzjonijiet li fihom jinżammu l-annimali huma kwistjoni ta' kompetenza nazzjonali;
F. billi l-benessri tal-annimali hu marbut mill-qrib mas-saħħa tal-annimali u s-saħħa pubblika;
G. billi l-għadd dejjem jikber ta' annimali eżotiċi miżmuma bħala annimali domestiċi jista' jirriżulta f'tixrid akbar ta' mard li jittieħed fost l-annimali domestiċi u, fl-istess waqt, ikollu effett negattiv fuq is-saħħa pubblika kif ukoll fuq is-saħħa u l-benessri tal-annimali; billi l-annimali jew il-pjanti eżotiċi jistgħu jaħarbu u jinfirxu bħala speċijiet aljeni invażivi, jheddu l-ispeċijiet u l-ħabitats lokali u jikkawżaw ħsara soċjoekonomika kbira;
H. billi, minħabba l-kumplessità u l-interpretazzjonijiet differenti tagħhom, ir-regoli tal-UE u dawk nazzjonali dwar il-benessri tal-annimali joħolqu inċertezza ġuridika u jistgħu jqiegħdu lill-produtturi f'ċerti Stati Membri fi żvantaġġ kompetittiv serju; billi, fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE, in-nuqqas ta' konformità, l-istandards mhux armonizzati u n-nuqqas ta' pedamenti ġuridiċi importanti jgħawġu l-kompetizzjoni u jirriżultaw f'kundizzjonijiet mhux ekwi;
I. billi l-liġi proposta dwar is-saħħa tal-annimali ma tinkludix definizzjoni ċara ta' "trobbija tal-annimali", u billi jista' jkun hemm għadd ta' interpretazzjonijiet differenti tal-kunċett fost l-Istati Membri;
J. billi l-ġlied tal-klieb għadu jiġġenera tbatija u mwiet għal mijiet ta' klieb madwar l-Unjoni;
K. billi l-maltrattament tal-klieb, inkluż l-abbandun tagħhom, iwassal biex il-klieb jispiċċaw jiġġerrew mat-toroq, u billi dan il-fenomenu għadu ta' tħassib għal xi pajjiżi fl-UE; billi l-qtil tal-klieb li jiġġerrew mat-toroq għadu qed jitħalla jsir biex ma jitħallewx jinfirxu iżjed;
L. billi fl-UE għad hemm ħafna akkwarji tad-dniefel, u billi bl-użu – għal skopijiet kummerċjali u ta' divertiment – ta' annimali ppruvati xjentifikament bħala intelliġenti, konxji mill-personalità tagħhom u soċjali ħafna, jitwassal messaġġ qarrieqi u mhux edukattiv;
1. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta, mingħajr dewmien, il-punti pendenti tal-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2012-2015;
2. Ifakkar li l-Artikolu 13 tat-Trattat huwa ta' applikazzjoni ġenerali u orizzontali, u bħala tali huwa importanti daqs id-dispożizzjonijiet dwar l-ambjent jew il-ħarsien tal-konsumatur, u jieħu preċedenza mil-lat ġuridiku fuq il-politiki kollha tas-suq intern;
3. Jinnota li tul perjodu ta' aktar minn 30 sena ġew adottati 'l fuq minn 30 att bażiku dwar il-benessri tal-annimali, li ħafna minnhom joffru livelli differenti ta' protezzjoni għall-annimali; jenfasizza li l-maġġoranza tal-atti eżistenti jonqsu milli jirrikonoxxu biżżejjed lill-annimali bħala esseri sensibbli bħalma jesiġi l-Artikolu 13 tat-Trattat;
4. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar effikaċi tal-leġiżlazzjoni attwali tal-UE rigward il-benessri tal-annimali;
5. Jinnota li, s'issa, 9 biss mid-19 'il azzjoni kkontemplati fl-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2012-2015 ġew implimentati mill-Kummissjoni;
6. Jitlob assigurazzjoni li kwalunkwe armonizzazzjoni tal-qafas leġiżlattiv ma twassalx għal deterjorament fl-istandards tal-benessri tal-annimali jew tnaqqis fl-ambizzjonijiet biex jittejjeb il-benessri tal-annimali, u jistieden lill-Kummissjoni tgħolli l-istandards eżistenti abbażi ta' għarfien xjentifiku aġġornat u fid-dawl tan-negozjati internazzjonali dwar il-kummerċ ma' pajjiżi terzi fejn m'hemmx l-istess livell ta' protezzjoni;
7. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel rieżami tar-regoli eżistenti dwar il-protezzjoni ta' annimali ħajjin waqt li jkunu qed jinġarru għal raġunijiet kummerċjali, f'konformità mar-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u d-dikjarazzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2012; jistieden lill-Kummissjoni tagħti gwida ċara lill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża C-424/13;
8. Jistieden lill-Kummissjoni tadotta leġiżlazzjoni delegata biex tarmonizza r-rekwiżiti ta' identifikazzjoni u reġistrazzjoni għall-annimali miżmuma jew ikkumerċjalizzati fil-kuntest ta' attività ekonomika jew spettaklu, b'mod partikolari fil-każ tal-klieb, il-qtates, iż-żwiemel u annimali domestiċi eżotiċi;
9. Jistieden lill-Kummissjoni timpenja ruħha favur il-finanzjament ta' metodi ta' ttestjar alternattivi mhux fuq l-annimali permezz ta' skemi ta' finanzjament ġodda u eżistenti bħalma huma Orizzont 2020 u l-Inizjattiva dwar Mediċini Innovattivi sabiex tiġi evitata tbatija severa u fit-tul għall-annimali u, kemm jista' jkun malajr, jitneħħa gradwalment l-ittestjar fuq l-annimali bħalma appellaw il-1.17 miljun ċittadin li ffirmaw l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej "Stop Vivisection";
10. Jistieden lill-Kummissjoni tarmonizza fi 18-il Stat Membru l-leġiżlazzjoni eżistenti li tipprevedi restrizzjonijiet fl-użu ta' annimali selvaġġi fiċ-ċirki, bl-adozzjoni ta' projbizzjoni applikabbli fl-UE kollha fir-rigward tal-annimali selvaġġi fiċ-ċirki;
11. Jistieden lill-Kummissjoni tadotta projbizzjoni fl-UE kollha fuq kwalunkwe użu tradizzjonali jew kulturali tal-annimali li jimplika maltrattament u tbatija;
12. Jistieden lill-Kummissjoni tillimita u telimina gradwalment l-użu ta' annimali maqfulin f'parks kummerċjali u ta' divertiment fejn huma involuti speċijiet xjentifikament ippruvati bħala intelliġenti, konxji mill-personalità tagħhom u soċjali ħafna;
13. Jistieden lill-Kummissjoni tuża ċentri ta' referenza ġodda tal-UE għall-benessri tal-annimali biex tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tar-regoli eżistenti permezz tat-tixrid ta' informazzjoni, il-kondiviżjoni tal-aħjar prattika u l-għoti ta' taħriġ lill-awtoritajiet kompetenti, u timplimenta l-użu ta' indikaturi kkonvalidati dwar il-benessri tal-annimali;
14. Jistieden lill-Kummissjoni tipproteġi liċ-ċittadini u ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħhom billi tiggwida lill-konsumaturi f'dak li għandu x'jaqsam max-xiri, il-bejgħ, l-adozzjoni u t-trobbija tal-annimali miżmuma jew ikkumerċjalizzati fil-kuntest ta' attività ekonomika, b'mod partikolari fir-rigward tal-klieb, il-qtates, l-annimali eżotiċi u ż-żwiemel;
15. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-konsumaturi billi testendi r-regoli marbutin mat-tikkettar tal-laħam frisk u ffriżat skont il-pajjiż ta' oriġini għal-laħam taż-żiemel frisk u ffriżat u għall-prodotti kollha derivati minn laħam ipproċessat; iħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt dwar metodu obbligatorju ta' tikkettar għall-prodotti tal-laħam u tal-ħalib;
16. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-politika agrikola komuni tirrikonoxxi bis-sħiħ is-sensibbiltà tal-annimali u tindirizza b'mod olistiku l-isfidi ambjentali tas-saħħa pubblika assoċjati ma' prattiki ta' benessri ħżiena; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-iżvilupp ta' politika alimentari sostenibbli ġdida li tirrikonoxxi t-titjib tal-benessri tal-annimali fl-irziezet flimkien mal-popolarizzazzjoni ta' prodotti tal-ikel ta' oriġini veġetali u l-konsum relatat;
17. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex, meta tinnegozja ftehimiet kummerċjali bilaterali ma' pajjiżi terzi, tesiġi li l-pajjiżi terzi jirrispettaw ir-regoli Ewropej dwar il-benessri tal-annimali fl-esportazzjoni kemm tal-bhejjem kif ukoll tal-prodotti tal-laħam lejn is-suq tal-Unjoni;
18. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrikonoxxi l-benessri tal-annimali bħala mutur tal-iżvilupp ekonomiku; jistieden lill-Kummissjoni tippremja riżultati tajbin fil-qasam tal-benessri tal-annimali permezz ta' għajnuna għall-iżvilupp lil pajjiżi terzi;
19. Jappella biex titwaqqaf pjattaforma permanenti orizzontali għall-benessri tal-annimali, li tkopri l-Kummissjoni kollha, biex tiffaċilita aktar il-kooperazzjoni, tiffoka fuq l-isfidi tal-benessri tal-annimali u tippromwovi l-interazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, inkluża s-soċjetà ċivili;
20. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-paragrafi 6-28 fi ħdan Strateġija ġdida tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali għall-2016-2020;
21. Jappoġġja l-prinċipju tat-tikkettar ta' prodotti tal-ikel li jkunu konformi ma' standards tal-benessri tal-annimali aktar stretti minn dawk li titlob il-liġi; jistieden lill-Kummissjoni tibni fuq ir-rapport COM(2009)0584 tagħha billi tressaq proposti leġiżlattivi dwar skemi ta' tikkettar applikabbli fl-UE kollha għall-prodotti tal-laħam u l-ħalib u fejn fi prodotti pproċessati jkun intuża l-bajd, b'tali mod li l-konsumaturi jkunu infurmati dwar il-metodi agrikoli użati u l-impatt tagħhom fuq il-benessri tal-annimali, sabiex il-komunikazzjoni mal-konsumaturi tkun effikaċi u konsistenti kemm jista' jkun;
22. Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-koordinament u l-promozzjoni tal-iżvilupp u l-użu ta' metodi alternattivi għall-proċeduri bl-annimali fl-oqsma tar-riċerka bażika u applikata u l-ittestjar regolatorju, kif deskritt fl-Anness VII tad-Direttiva 2010/63/UE, billi tappoġġja attivament il-funzjonijiet strateġiċi u ta' riċerka tal-Laboratorju ta' Referenza tal-UE (iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka) bil-għan li tidentifika l-oqsma ta' prijorità għas-sostituzzjoni ta' tekniki ta' riċerka fuq l-annimali;
23. Iħeġġeġ lill-Kunsill jiggarantixxi titjib sostanzjali fil-benessri tal-annimali permezz tal-iżvilupp rurali, partikolarment billi jipprevedi finanzjament adegwat għall-pagamenti relatati mal-benessri tal-annimali u jiżgura li l-programmi kollha tal-iżvilupp rurali għall-perjodu 2014-2020 ikunu jinkludu l-miżura tal-benessri tal-annimali;
24. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva li tipprojbixxi l-ġlied tal-klieb fl-UE;
25. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva li tipprojbixxi l-qtil ta' klieb li jiġġerrew mat-toroq u klieb slavaġ fl-UE kollha u tippromwovi metodi alternattivi ta' kontroll tal-popolazzjoni tal-annimali li ma jinvolvux krudeltà;
26. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissupplimentaw ir-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta' speċijiet aljeni invażivi b'kampanja informattiva u edukattiva li jkollha l-għan li tiskoraġġixxi lin-nies milli jixtru annimali u pjanti eżotiċi;
27. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkludu metodi ta' ttestjar alternattivi, u li ma jinvolvux annimali, fil-programmi akkademiċi uffiċjali fil-livell universitarju;
28. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni.