Dokument ta' sessjoni
24.11.2015
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8‑1107/2015
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar strateġija ġdida għall-benessri tal-annimali għall-2016-2020
( 2015/2957(RSP) )
Paolo De Castro
f'isem il-Grupp S&D
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar strateġija ġdida għall-benessri tal-annimali għall-2016-2020
( 2015/2957(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 43 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar il-funzjonament tal-Politika Agrikola Komuni u l-Politika Komuni tas-Sajd,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Frar 2012 dwar l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2012 - 2015 ( COM(2012)0006 /2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2012 dwar l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2012-2015[1],
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar strateġija ġdida għall-benessri tal-annimali għall-2016-2020 ( O-000141/2015 – B8-1107/2015 ),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tal-benessri tal-annimali tikkontribwixxi għal kundizzjonijiet ekwi fi ħdan l-Unjoni u b’hekk għal suq intern li jiffunzjona tajjeb;
B. billi ċ-ċittadini Ewropej għandhom interess qawwi fil-benessri tal-annimali u jixtiequ jkunu jistgħu jagħmlu għażliet aktar infurmati bħala konsumaturi;
C. billi r-regoli nazzjonali dwar il-benessri tal-annimali m’għandhomx imorru kontra l-prinċipji tas-suq uniku tal-UE;
D. billi l-benessri tal-annimali hu marbut mill-qrib mas-saħħa tal-annimali u s-saħħa pubblika;
E. billi, minħabba l-kumplessità u l-interpretazzjonijiet differenti tagħhom, ir-regoli tal-UE u dawk nazzjonali dwar il-benessri tal-annimali joħolqu inċertezza ġuridika u jistgħu jqiegħdu lill-produtturi f’ċertu Stati Membri fi żvantaġġ kompetittiv serju;
F. billi l-benessri tal-annimali għandu jittejjeb aktar abbażi ta’ sejbiet xjentifiċi prevalenti u b’kunsiderazzjoni xierqa lejn l-effiċjenza u l-kompetittività tat-trobbija agrikola tal-bhejjem;
G. billi livell għoli tal-benessri tal-annimali huwa importanti biex tiġi żgurata s-sostenibilità, għad li dan ifisser investimenti u spejjeż operattivi addizzjonali li mhumiex distribwiti proporzjonalment tul il-katina alimentari;
1. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta, mingħajr dewmien, il-punti pendenti tal-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2012-2015;
2. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal strateġija ġdida u ambizzjuża għall-protezzjoni u l-benessri tal-annimali għas-snin 2016-2020 sabiex tibni fuq il-ħidma tal-istrateġija preċedenti u tiżgura l-kontinwazzjoni ta' qafas biex tipproċedi bi standards għolja tal-benessri tal-annimali fost l-Istati Membri;
3. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fejn ikun hemm evidenza xjentifika ċara li turi problemi marbuta mal-benessri tal-annimal, tadatta jew tintroduċi strumenti ta’ politika ġodda biex issolvi dawn il-problemi;
4. Juri tħassib dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar effikaċi tal-leġiżlazzjoni attwali tal-UE dwar il-benessri tal-annimali u jenfasizza li t-titjib tal-infurzar u tal-konformità mal-leġiżlazzjoni eżistenti għandu jkun għan ewlieni fir-regoli kollha relatati mas-saħħa u l-benessri tal-annimali;
5. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fl-istess ħin, biex tkun aktar ambizzjuża fir-rigward tal-inklużjoni u l-prijoritizzazzjoni tar-reċiproċità tal-istandards tal-benessri tal-annimali, bħala element mhux kummerċjali fil-politika tal-kummerċ tagħha u meta tinnegozja ftehimiet ta’ kummerċ internazzjonali, u biex tippromwovi l-benessri tal-annimali f’pajjiżi terzi billi teżiġi standards ta’ benessri ekwivalenti għall-annimali u l-prodotti importati flimkien ma' kontrolli stretti;
6. Jenfasizza l-importanza ta’ finanzjament adegwat għall-PAK, bil-għan li titqies id-dimensjoni tal-benessri tal-annimali sabiex il-baġit ikun kompatibbli mal-livell tal-ambizzjonijiet tagħna;
7. Ifakkar li hemm żbilanċi fil-katina alimentari li jqiegħdu lill-produttur primarju fi żvantaġġ, u li din is-sitwazzjoni tillimita l-iskop għal investimenti fil-qasam tal-benessri tal-annimali fil-livell tal-azjendi agrikoli;
8. Ifakkar li l-produtturi huma mgħobbija wisq b'obbligi amministrattivi u li, fit-tfittxija permanenti għas-simplifikazzjoni amministrattiva, din l-istrateġija Ewropea m'għandhiex tkompli żżid il-piż li diġà jeżisti;
9. Jenfasizza li l-Artikolu 13 tat-TFUE fih applikazzjoni ġenerali, orizzontali, u bħala tali, hu importanti daqs id-dispożizzjonijiet għall-agrikoltura, l-ambjent u l-protezzjoni tal-konsumatur;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.