Dokument ta' sessjoni
9.12.2015
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8-1110/2015
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura
on the situation in Hungary
( 2015/2935(RSP) )
Monika Hohlmeier, Alessandra Mussolini, Lara Comi, Milan Zver
f'isem il-grupp PPE
B8-01349/2015
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija
( 2015/2935(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattati tal-UE, u b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3 u 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 2(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2014 bit-titolu "Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt" ( COM(2014)0158 ),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija[1],
– wara li kkunsidra t-tweġiba tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Novembru 2015, wara r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-10 ta’ Ġunju 2015,
– wara li kkunsidra d-dibattitu tiegħu tat-2 ta' Diċembru 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija,
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija: segwitu għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Ġunju 2015 ( O-000140/2015 – B8-1110/2015 ),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Kummissjoni, fit-tweġiba tagħha għal mistoqsija orali tal-Parlament adottata fl-10 ta’ Novembru 2015 mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE), li ma ntbagħtitx fil-ħin lill-Membri tal-Kumitat LIBE mill-amministrazzjoni tal-Parlament, iddikjarat li l-kundizzjonijiet għall-attivazzjoni tal-Qafas tal-Istat tad-Dritt fir-rigward tal-Ungerija ma ġewx issodisfati f’dan l-istadju;
B. billi wara r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-10 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni ħadet għadd ta’ azzjonijiet rigward l-iżviluppi reċenti fl-Ungerija, fejn il-Kummissarju responsabbli għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, Věra Jourová, ippreżentat ħarsa ġenerali lejhom fil-Parlament matul id-dibattitu fil-plenarja fit-2 ta’ Diċembru 2015;
C. billi d-dibattitu mniedi mill-Prim Ministru Orbán dwar l-introduzzjoni mill-ġdid tal-piena kapitali ma seħħx u l-piena tal-mewt għadha ma ġietx introdotta mill-ġdid;
D. billi fir-rigward tal-migrazzjoni, il-Gvern Ungeriż ħabbar formalment “sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni tal-massa” fil-15 ta’ Settembru 2015, fuq il-bażi ta’ leġiżlazzjoni li kienet daħlet fis-seħħ fl-istess jum;
E. billi fir-rigward tal-migrazzjoni, il-Kummissjoni vvalutat leġiżlazzjoni tal-Ungerija – u dak ta’ Stati Membri oħrajn – u l-implimentazzjoni tagħha f’termini tal-kompatibbiltà tagħha mal-acquis tal-ażil u tal-fruntieri tal-UE u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; billi din il-valutazzjoni wriet għadd ta’ punti ta’ tħassib u mistoqsijiet dwar is-sustanza u l-implimentazzjoni;
F. billi l-ewwel risposta dettaljata mill-awtoritajiet Ungeriżi waslet fl-4 ta’ Novembru 2015, li ċċarat għadd ta’ kwistjonijiet;
G. billi l-Kummissjoni qed tissorvelja b’mod attiv is-sitwazzjoni fl-Ungerija u Stati Membri oħra u diġà bdiet proċeduri ta’ ksur u dawk li jippreċedu l-ksur f’każijiet meqjusa neċessarji;
H. billi l-Kummissjoni ripetutament informat lill-Parlament li hija lesta li tuża l-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tiżgura li l-Istati Membri jkunu konformi mal-obbligi tagħhom skont il-liġi tal-UE;
I. billi l-Qafas tal-Istat tad-Dritt hija maħsuba sabiex tindirizza theddid attwali u sistemiku għall-istat tad-dritt fi Stat Membru qabel ma jilħaq livell fejn ikun jinħtieġ rikors għall-Artikolu 7 tat-TUE, b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet li ma jistgħux jiġu indirizzati b’mod effettiv minn proċeduri ta’ ksur u f’każ li “salvagwardji tal-istat tad-dritt” li jeżistu fuq livell nazzjonali ma jibqgħux jidhru kapaċi li jindirizzaw b’mod effettiv dan it-theddid;
J. billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ġie inkorporat bis-sħiħ fil-Kostituzzjoni Ungeriża u s-sistemi legali ta’ Stati Membri oħra;
1. Jinnota li t-tweġiba tal-Kummissjoni rigward ir-riżoluzzjoni tal-Parlament kienet komprensiva u preċiża; jirrikonoxxi r-rieda tal-Kummissjoni li tindirizza tħassib eżistenti permezz ta’ għadd ta’ proċeduri ta’ ksur u proċeduri ta’ qabel il-ksur kontra għadd ta’ Stati Membri, inklużi l-proċeduri relatati mal-istat tad-dritt, pereżempju dwar il-prinċipju ta’ ċertezza legali, l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju, is-setgħat u l-indipendenza ta’ awtoritajiet amministrattivi, u ksur tal-acquis tal-ażil u d-drittijiet fundamentali;
2. Jemmen li l-Istati Membri kollha għandhom jirrispettaw bis-sħiħ id-dritt tal-UE fil-prattika leġiżlattiva u amministrattiva tagħhom, u li kwalunkwe leġiżlazzjoni, inkluża l-liġi primarja ta' kwalunkwe Stat Membru jew pajjiż kandidat, trid tirrifletti u tkun taqbel mal-valuri bażiċi Ewropej, jiġifieri l-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;
3. Jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tassigura lill-Parlament li hija se tkompli timmonitorja s-sitwazzjoni fl-Ungerija u fi Stati Membri oħra, inkluż il-funzjonament ta’ salvagwardji tal-istat tad-dritt nazzjonali, pereżempju mekkaniżmi ġudizzjarji u kostituzzjonali;
4. Jistenna li l-Kummissjoni tissorvelja l-Istati Membri kollha fuq l-istess livell fir-rigward tal-migrazzjoni, il-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, biex b’hekk jiġu evitati standards doppji, u biex tirrapporta lura lill-Parlament dwar din il-kwistjoni;
5. Jistenna li l-Istati Membri jikkooperaw u jingħaqdu flimkien fi żminijiet ta' kriżi, u jistieden lill-Kummissjoni, bħala l-gwardjan tat-Trattati, tappoġġja lill-Istati Membri fl-iżvilupp ta' soluzzjonijiet għall-indirizzar ta' dawn il-kriżijiet u t-tisħiħ tal-istat tad-dritt;
6. Jistenna li l-Istati Membri kollha jipparteċipaw b'mod kostruttiv fid-diskussjoni li għaddejja dwar l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, li taffettwa ugwalment il-politiki interni, esterni u tal-iżvilupp li jridu jiġu implimentati fl-UE, b'impatt konsegwenti fuq il-kontinent Afrikan u fuq il-Lvant Nofsani;
7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-President tal-Ungerija.