Dokument ta' sessjoni
13.1.2016
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
b'appoġġ għall-proċess ta' paċi fil-Kolombja
( 3033/2015(RSP) )
Luis de Grandes Pascual, Francisco José Millán Mon, Davor Ivo Stier, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Cristian Dan Preda, Ramón Luis Valcárcel Siso
f'isem il-Grupp PPE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew b'appoġġ għall-proċess ta' paċi fil-Kolombja
( 3033/2015(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-bosta riżoluzzjonijiet tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kolombja, b'mod partikolari dawk tat-18 ta’ April 1996, it-12 ta’ Ġunju 1997, it-12 ta’ Marzu u l-14 ta’ Mejju 1998, il-11 ta’ Marzu 1999 u s-7 ta’ Settembru 2000,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Kolombja, b'mod partikolari dawk tal-14 ta’ Marzu u l-24 ta’ Ottubru 1996, it-18 ta’ Settembru 1997 u l-14 ta’ Jannar 1999,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta’ Frar 2001 dwar il-Pjan Kolombja u l-appoġġ għall-proċess ta’ paċi fil-Kolombja, kif ukoll ir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-4 ta’ Ottubru 2001 u l-14 ta’ Marzu 2002 dwar il-Kolombja,
– wara li kkunsidra l-konnessjonijiet speċjali li jorbtu lill-UE mal-Kolombja, u partikolarment il-Ftehim Kummerċjali Plurilaterali bejn il-Kolombja u l-Perù, u l-UE u l-Istati Membri tagħha, li ġie ffirmat fi Brussell fis-26 ta’ Lulju 2012,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti Nru 60 dwar Ftehim li joħloq Ġurisdizzjoni Speċjali għall-Paċi, iffirmat f’Havana fit-23 ta’ Settembru 2015, u Nru 64, tal-15 ta’ Diċembru 2015 li fiha hemm inkluż il-ftehim dwar il-vittmi tal-kunflitt “Sistema Integrali ta' Verità, Ġustizzja, Riparazzjoni u Nonripetizzjoni”, inkluża l-Ġurisdizzjoni Speċjali għall-Paċi; u l-Patt dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-paragrafu 44 tal-Messaġġ tad-Delegazzjoni tal-PE fl-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana (EuroLat) lit-Tieni Summit CELAC-UE ta' Brussell dwar it-tmiem tal-kunflitt intern bejn il-Gvern tal-Kolombja u l-FARC,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Brussell adottata fi tmiem it-Tieni Summit CELAC-UE fil-11 ta’ Ġunju 2015,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-UE, Federica Mogherini, dwar il-Ftehim ta' Ġustizzja Tranżizzjonali fil-Kolombja, tal-24 ta' Settembru 2015, kif ukoll id-Dikjarazzjoni tagħha tal-1 ta' Ottubru 2015 fejn is-Sur Eamon Gilmore inħatar bħala l-Mibgħut Speċjali tal-Unjoni għall-Proċess ta' Paċi fil-Kolombja,
A. billi l-UE u l-Kolombja kellhom, mill-2013, qafas ta’ kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali mill-qrib, stabbilit permezz tal-Ftehim ta’ Kummerċ bejn il-Kolombja u l-Perù, u l-UE u l-Istati Membri tagħha, li l-ambizzjoni aħħarija tiegħu hija mhux biss li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet ekonomiċi bejn il-partijiet, iżda wkoll li jinħolqu alleanzi li jmorru lil hinn mis-sempliċi skambji kummerċjali, u jsaħħu l-paċi, id-demokrazija u l-benessri taċ-ċittadini tagħhom;
B. billi l-qafas ta’ dan il-Ftehim jinkludi t-tneħħija tar-rekwiżit tal-viża min-naħa tal-UE għaċ-ċittadini Kolombjani, li sar ftehim dwarha fit-Tieni Summit CELAC-UE f’Ġunju 2015;
C. billi din ir-relazzjoni mill-qrib testendi għal spazji ta' kollaborazzjoni internazzjonali dwar kawżi kbar komuni, bħal pereżempju l-ġlieda għall-paċi u kontra t-terroriżmu, billi huwa element importanti ħafna li, minn mindu ġie ffirmat il-Ftehim ta' Qafas bejn l-UE u l-Kolombja dwar il-parteċipazzjoni f’operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-kriżijiet tal-UE, fl-2014, il-forzi militari Kolombjani jikkooperaw ma’ dawk Ewropej f’operazzjonijiet internazzjonali ta’ paċi, taħt il-kappa tal-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti;
D. billi l-Mejda ta' Konverżazzjonijiet bejn il-Gvern Kolombjan u l-FARC ġiet stabbilita f'Havana (Kuba) fis-26 ta' Awwissu 2012, wara l-iffirmar tad-dokument "Ftehim Ġenerali biex jintemm il-kunflitt u tinbena paċi stabbli u dewwiema", b'mod li twettqet ix-xewqa tal-poplu tal-Kolombja li jgħix fil-paċi, u waqt li jiġi rikonoxxut b'mod partikolari li l-bini tal-paċi hu kwistjoni tal-popolazzjoni kollha kemm hi, li l-Istat għandu d-dmir li jippromwovi d-drittijiet tal-bniedem fit-territorju kollu tiegħu u li l-iżvilupp ekonomiku u soċjali b'mod ekwu hu garanzija tal-paċi u fl-istess ħin jikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja għat-tkabbir inklużiv u sostenibbli tal-pajjiż;
E. billi tul diversi fażijiet, in-negozjaturi f'Havana laħqu qbil dwar kampanja ġdida għall-Kolombja u r-riforma rurali integrali, dwar il-parteċipazzjoni politika u l-ftuħ demokratiku għall-bini ta' paċi, u dwar is-soluzzjoni għall-problema tad-drogi illegali;
F. billi fit-23 ta’ Settembru 2015 il-Gvern tal-Kolombja u l-FARC ħabbru l-konklużjoni ta’ ftehim dwar il-ħolqien ta’ Ġurisdizzjoni Speċjali għall-Paċi li għandha timplimenta d-drittijiet tal-vittmi u tgħin biex tinħoloq paċi stabbli u dewwiema, u għal dan l-għan il-Partijiet qablu li jniedu Sistema Integrali ta' Verità, Ġustizzja, Riparazzjoni u Nonripetizzjoni, li tkun tinkludi l-ħolqien ta' Kummissjoni għat-Tfittxija tal-Verità, il-Konvivenza u n-Nonripetizzjoni, kif ukoll ftehimiet dwar riparazzjoni lill-vittmi;
G. billi wara li ntlaħaq dan il-Ftehim ta' Ġustizzja Tranżizzjonali, in-negozjaturi ħadu pass definittiv lejn il-paċi, li jidher li hu irriversibbli għax iż-żewġ partijiet ħadu l-impenn li jiffissaw skadenza ta' sitt xhur bħala l-massimu biex jiksbu l-paċi, u stabbilixxew id-data tat-23 ta' Marzu 2016 bħala d-data ta' skadenza;
H. billi l-ħolqien ta’ Ġurisdizzjoni Speċjali għall-Paċi twieġeb għall-ħtieġa li tinstab sistema speċjali ta’ Ġustizzja konformi mad-Dritt Internazzjonali, li tippenalizza lil dawk responsabbli għal delitti serji u tagħti kumpens lill-vittmi, filwaqt li tiffaċilita li l-armi jiġu ċeduti;
I. billi l-Gvern tal-Kolombja, il-Kamra Leġiżlattiva tiegħu u l-poplu Kolombjan huma sovrani biex jistabbilixxu l-parametri ta' din il-Ġurisdizzjoni Speċjali għall-Paċi, li l-funzjoni essenzjali tagħha se tkun li ttemm l-impunità, toħroġ il-verità, tiġġudika u tikkastiga lil dawk li wettqu delitti matul il-kunflitt, b'mod partikolari dawk li huma l-aktar gravi u rappreżentattivi, filwaqt li tiżgura nonrepetizzjoni u tikkontribwixxi għar-riparazzjoni tal-vittmi;
J. billi t-twettiq ta' paċi stabbli u dewwiema fil-Kolombja, bit-tmiem ta' kunflitt intern li ilu għaddej aktar minn 50 sena u li kkawża miljuni ta' vittmi, hu prijorità l-ewwel nett għall-Kolombja, iżda wkoll għall-Unjoni Ewropea u l-komunità internazzjonali, kif juru d-diversi dikjarazzjonijiet ta' appoġġ għall-proċess ta' paċi min-naħa ta' ħafna pajjiżi u entitajiet reġjonali u internazzjonali, inkluża l-Unjoni Ewropea nnifisha;
1. Jilqa’ b’sodisfazzjon kbir il-Ftehim milħuq bejn il-Gvern tal-Kolombja u l-Forzi Armati Rivoluzzjonarji tal-Kolombja (FARC) fit-23 ta' Settembru 2015 dwar il-ħolqien ta’ Ġurisdizzjoni Speċjali għall-Paċi, li jirriżolvi b’mod sodisfaċenti l-kwistjoni prinċipali u l-aktar problematika tan-negozjati, u jilqa’ d-deċiżjoni komuni biex tingħata skadenza ta’ sitt xhur għall-iffirmar ta’ ftehim ta’ paċi finali qabel it-23 ta’ Marzu 2016;
2. Iqis li kemm l-iffirmar tal-ftehim reċenti dwar il-ħolqien ta' Ġurisdizzjoni Speċjali għall-Paċi, kif ukoll l-affermazzjoni mill-ġdid tal-ftehimiet l-oħra li ntlaħqu qabel dwar ir-riforma rurali integrali, il-parteċipazzjoni politika u l-ftuħ demokratiku għall-bini tal-paċi, u dwar is-soluzzjoni għall-problema tad-drogi illegali, huma passi deċiżivi għall-kisba ta’ ftehim ta’ paċi finali approvat mis-soċjetà Kolombjana u li jippermetti li tinkiseb paċi stabbli u dewwiema li ġġib fi tmiemu kunflitt armat intern li ilu għaddej għal aktar minn 50 sena u li jikkunsidra b’mod partikolari d-dritt tal-vittmi tal-kunflitt għal riparazzjoni kompluta, vera u ġusta għad-danni fiżiċi, morali u materjali subiti;
3. Jistieden lill-Armata għal-Liberazzjoni Nazzjonali (ELN) sabiex mingħajr iktar skużi u dewmien tieħu impenn qawwi u deċiż favur il-paċi fil-Kolombja billi tniedi proċess ta' negozjar mal-Gvern Kolombjan li jwassal għall-integrazzjoni soċjali u politika tiegħu fil-paċi;
4. Jesprimi x-xewqa tiegħu li n-negozjati attwali għall-paċi mal-FARC jaslu għal konklużjoni fl-iqsar żmien possibbli, u fi kwalunkwe każ mhux iktar tard mill-iskadenza ta' sitt xhur iffissata fit-23 ta' Settembru f'Havana, biex sat-23 ta' Marzu 2016 jintlaħaq tmiem definittiv tal-kunflitt u din id-data tkun punt ta' referiment fl-istorja moderna tal-Kolombja;
5. Jirrikonoxxi l-isforz politiku kbir, ir-realiżmu u l-perseverenza li wrew kemm il-Gvern Kolombjan kif ukoll il-FARC biex iqarrbu l-pożizzjonijiet antagonisti tagħhom u biex progressivament joħolqu spazju ta' kompromess li ta lok li jsir progress fin-negozjati favur il-paċi stabbli u dewwiema li jixtiequ tant il-Kolombjani kollha, li tiggarantixxi n-nonripetizzjoni tal-kunflitt;
6. Jiddikjara għal darba oħra li l-vjolenza mhijiex metodu leġittimu tal-ġlieda politika, u jitlob lil min kellu din il-konvinzjoni biex iħaddan id-demokrazija bil-konsegwenzi u l-eżiġenzi kollha tagħha, li l-ewwel waħda minnhom hi li l-armi jintreħew b'mod definittiv u għal dejjem, u d-difiża tal-ideat u x-xewqat permezz ta' regoli demokratiċi u l-Istat tad-Dritt;
7. Jirrikonoxxi wkoll ir-rwol importanti li kellhom s'issa Kuba u n-Norveġja bħala pajjiżi garanti, u ċ-Ċilì u l-Venezwela bħala pajjiżi li jakkompanjaw il-proċess ta' paċi, u japprezza b'mod speċjali t-tmexxija morali tal-Papa Franġisku u l-isforzi tiegħu biex jgħin it-twettiq tal-paċi mistennija b'tant ħerqa fil-Kolombja;
8. Jilqa' b'sodisfazzjon id-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015 tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Federica Mogherini, li taħtar lil Eamon Gilmore, ex Viċi Prim Ministru u ex Ministru tal-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ tar-Repubblika tal-Irlanda, bħala l-Mibgħut Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Proċess ta' Paċi fil-Kolombja;
9. Itenni li d-disponibilità tiegħu li jagħti l-assistenza kollha possibbli b'appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Paċi finali, u jtenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea biex joħolqu Fond Fiduċjarju biex jakkumpanja l-fażi ta' wara l-kunflitt;
10. Jinnota b'sodisfazzjon l-esklużjoni ta' kwalunkwe amnistija jew maħfra f'każ ta' delitti kontra l-umanità, ġenoċidju u d-delitti gravi tal-gwerra, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Dritt Internazzjonali Kriminali u Umanitarju u l-istrumenti u l-istandards internazzjonali applikabbli fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;
11. Iqis li hu indispensabbli li l-pieni imposti fuq dawk li wettqu d-delitti jikkontribwixxu għall-għan ta’ riparazzjoni lill-vittmi u għar-rikonċiljazzjoni politika u soċjali;
12. Jilqa' b'sodisfazzjoni il-ftehim li ntlaħaq bejn il-partijiet li joħolqu, ġaladarba jiġi ffirmat il-Ftehim ta' Paċi finali, Kummissjoni għat-Tfittxija tal-Verità, il-Konvivenza u n-Nonripetizzjoni bħala mekkaniżmu indipendenti u imparzjali extraġudizzjarju għall-bini konġunt ta' rakkont storiku veraċi ta' dak li seħħ, għaliex id-deskrizzjoni onesta tal-passat u t-teħid tar-responsabbiltajiet kollha huma l-uniku pedament li jagħmel possibbli l-bini ta' ġejjieni rikonċiljat u r-rispett tad-drittijiet tal-vittmi kollha;
13. Jesprimi l-appoġġ sod tiegħu għad-diskussjonijiet li għaddejjin bħalissa biex jintlaħaq ftehim definittiv għal waqfien tal-ġlied u tmiem totali tal-ostilitajiet qabel it-23 ta' Marzu 2016;
14. Jirrikonoxxi l-isforzi tal-gvern Kolombjan u tal-istituzzjonijiet Kolombjani biex isir progress fil-garanzija sħiħa u permanenti tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa tas-sistema politika Kolombjana fil-pajjiż kollu; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet Kolombjani jkomplu fit-triq tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, qasam li li fih il-Kolombja għadha qed tiffaċċja sfidi kbar, inkluż il-qerda tas-sottokultura tal-vjolenza li f’ħamsin sena ta’ kunflitt wasslet xi drabi għal risposti extralegali u drawwiet u mġieba li ma jikkorrispondux għall-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; f’dan ir-rigward, jesiġi l-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kolombja u jappella lil dawn l-organizzazzjonijiet ċiviċi biex joffru l-aħjar u l-aktar kooperazzjoni sinċiera tagħhom għar-ristorazzjoni ta’ konvivenza rikonċiljata fil-Kolombja;
15. Jilqa’ favorevolment it-tħabbira reċenti min-naħa tal-forzi armati Kolombjani li se jirrevedu d-duttrina militari tal-Kolombja bil-għan li tiġi adatta u li l-forzi armati se jitħejjew biex jirrispondu b’mod effettiv u flessibbli għall-isfidi ġodda fil-fażi ta' wara l-kunflitt, filwaqt li fl-istess ħin iservu bħala garanti tal-Ftehimiet ta’ paċi; iqis ukoll li t-tħabbira riċenti mill-FARC li se tissospendi t-taħriġ militari tagħha biex timpenja ruħha mbagħad f’taħriġ politiku u kulturali bħala parti mill-proċess biex jintemm il-konflitt armat tikkostitwixxi pass ieħor 'il quddiem, li jagħti fiduċja u fid-direzzjoni t-tajba;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Presidenza attwali tal-UE, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lill-Gvern u l-Kungress tar-Repubblika tal-Kolombja.