Dokument ta' sessjoni

 

B8-0053/2016

14.1.2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar il-proċess ta' paċi fil-Kolombja

( 2015/3033(RSP) )

Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Ilhan Kyuchyuk, Louis Michel, Jozo Radoš, Marietje Schaake, Pavel Telička, Johannes Cornelis van Baalen

f'isem il-Grupp ALDE

 

B8-0053/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-proċess ta' paċi fil-Kolombja

( 2015/3033(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-bosta riżoluzzjoni tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Kolombja, inkluż is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kummerċ Multipartitiku konkluż bejn il-Kolombja u l-Perù, min-naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat fi Brussell fis-26 ta' Ġunju 2012,

–  wara li kkunsidra l-punt 44 tal-messaġġ tad-Delegazzjoni tal-PE lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana (EuroLat) għat-Tieni Summit EU-CELAC fi Brussell dwar it-tmiem tal-kunflitt intern bejn il-Gvern tal-Kolombja u l-Forzi Armati Rivoluzzjonarji tal-Kolombja (FARC), u d-Dikjarazzjoni ta' Brussell adottata fi tmiem it-Tieni Summit EU-CELAC fil-11 ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-24 ta' Settembru 2015 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, dwar il-ftehim dwar il-ġustizzja tranżizzjonali fil-Kolombja, u d-dikjarazzjonijiet tagħha tal-1 ta' Ottubru 2015 u tal-4 ta' Novembru 2015 fejn is-Sur Eamon Gilmore, ex Viċi Ministru u ex Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ tar-Repubblika tal-Irlanda, inħatar bħala l-Mibgħut Speċjali tagħha dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Kolombja,

–  wara li kkunsidra l-ftehim tal-eżenzjoni mill-viża bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kolombja, iffirmat fit-2 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE u l-Kolombja, sa mill-2013, għandhom qafas ta' kooperazzjoni ekonomika u ta' kummerċ mill-qrib, stabbilit fil-Ftehim ta' Kummerċ Multipartitiku konkluż bejn il-Kolombja u l-Perù, min-naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, li għandu l-għan aħħari li joħloq alleanzi li jmorru lil hinn mill-kummerċ u jinkludi t-tisħiħ tal-paċi, tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-benessri taċ-ċittadini tagħhom;

B.  billi l-President tal-Kolombja, Juan Manuel Santos, żar Brussell fl-4 ta' Novembru 2014 u rċieva l-appoġġ sħiħ tal-President tal-Kunsill Ewropew ta' dak iż-żmien, Herman Van Rompuy u tal-VP/RGħ Federica Mogherini;

C.  billi din ir-relazzjoni mill-qrib tinkludi kooperazzjoni internazzjonali f'oqsma ta' kawżi komuni wiesgħa, bħat-taqbida għall-paċi u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u t-traffikar tad-droga;

D.  billi l-"Mesa de Diálogo" (il-Mejda tad-Djalogu) bejn il-Gvern tal-Kolombja u l-FARC ġiet stabbilita f'Havana (Kuba) fis-26 ta' Awwissu 2012, wara l-iffirmar tal-Ftehim Ġenerali għat-Tmiem tal-Kunflitt u l-Bini ta' Paċi Stabbli u Dewwiema, li b'hekk jissodisfa x-xewqa tal-poplu tal-Kolombja li jgħix fil-paċi;

E.  billi matul il-fażijiet differenti f'Havana, in-negozjaturi laħqu ftehimiet dwar riforma rurali komprensiva, dwar il-parteċipazzjoni politika u ftuħ demokratiku għall-bini tal-paċi, dwar is-soluzzjoni tal-problema tad-drogi illeċti, u dwar il-verità u r-riparazzjoni lill-vittmi tal-kunflitt;

F.  billi fit-23 ta' Settembru 2015 il-Gvern tal-Kolombja u l-FARC ħabbru l-konklużjoni tal-ftehim dwar il-ħolqien ta' Ġurisdizzjoni Speċjali għall-Paċi, skont id-dritt internazzjonali, biex jissodisfaw id-drittijiet tal-vittmi u jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' paċi stabbli u dewwiema; billi l-partijiet qablu dwar l-implimentazzjoni ta' sistema komprensiva ta' verità, ġustizzja, riparazzjoni, u nonripetizzjoni, inkluż il-ħolqien ta' Kummissjoni għall-Kjarifika tal-Verità, il-Koeżistenza u Nonrepetizzjoni, kif ukoll ftehimiet dwar riparazzjoni lill-vittmi u t-tmiem tal-impunità; billi wara dan il-ftehim, iż-żewġ naħat qablu biex jiksbu l-paċi sa mhux aktar tard mit-23 ta' Marzu 2016;

G.  billi l-kisba ta' paċi stabbli u dewwiema fil-Kolombja, permezz tar-riżoluzzjoni tal-kunflitt intern li dam għal aktar minn 50 sena u li kkawża miljuni ta' vittmi, hija l-ewwel prijorità għall-Kolombja, iżda wkoll għall-Unjoni Ewropea u l-komunità internazzjonali; billi fl-4 ta' Novembru 2015 il-VP/RGħ Federica Mogherini iltaqgħat mal-Mibgħut Speċjali tagħha għall-Proċess ta' Paċi fil-Kolombja, is-Sur Eamon Gilomre, b'hekk enfasizzat b'mod ċar il-prijorità tal-UE li tagħti appoġġ għall-proċess ta' paċi;

H.  billi l-progress li sar s'issa għandu jitqies bħala eżempju pożittiv għall-proċess tar-riżoluzzjoni tal-kunflitt; billi l-proċess ta' paċi jeħtieġ sforzi kontinwi;

1.  Jappoġġa u jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi tal-Gvern Kolombjan u tal-FARC biex jilħqu l-ftehimiet maqbula s'issa dwar ir-riforma rurali komprensiva, dwar il-parteċipazzjoni politika u dwar il-ftuħ demokratiku għall-bini tal-paċi, dwar is-soluzzjoni għall-problema tad-drogi illeċti u l-ħolqien tal-Ġurisdizzjoni Speċjali għall-Paċi, li tinkludi Kummissjoni għall-Kjarifika tal-Verità, Koeżistenza u Nonripetizzjoni;

2.  Jikkundanna kull tbatija kkawżata mill-kunflitt; iqis li tali ftehimiet huma passi deċiżi lejn il-kisba ta' ftehim finali dwar il-paċi stabbli u dewwiema mingħajr impunità sat-23 ta' Marzu 2016, li għandu jtemm nofs seklu ta' kunflitt intern armat u b'mod partikolari jieħu kont tad-dritt tal-vittmi tal-kunflitt għar-riparazzjoni sħiħa, vera u ġusta għad-danni fiżiċi, morali u materjali li soffrew;

3.  Iħeġġeġ lill-partijiet kollha involuti fil-proċess biex ikomplu jaħdmu b'mod kostruttiv għar-riżoluzzjoni dewwiema tal-kunflitt u għall-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehimiet għall-paċi dewwiema u dejjiema;

4.  Jesprimi l-importanza tal-ħidma fuq il-programmi ta' rikonċiljazzjoni soċjali, peress li dawn huma essenzjali biex jingħelbu s-snin ta' vjolenza, li kkawżaw għadd enormi ta' vittmi;

5.  Jirrikonoxxi l-isforz politiku, ir-realiżmu u l-perseveranza li wrew kemm il-Gvern tal-Kolombja kif ukoll l-FARC u r-rwol importanti tal-assoċjazzjonijiet tal-vittmi, tal-NGOs u tas-soċjetà ċivili fil-proċess li jqarreb l-pożizzjonijiet antagonisti tagħhom u biex progressivament joħolqu spazju ta' kompromess li ta lok li jsir progress fin-negozjati biex tinstab paċi stabbli u dewwiema kif mixtieq mill-Kolombjani kollha, filwaqt li jiġi żgurat in-nonripetizzjoni tal-kunflitt;

6.  Itenni għal darb'oħra li l-vjolenza mhijiex metodu leġittimu ta' taqbida politika, u jistieden lil min kellu din il-konvinzjoni biex iħaddan d-demokrazija bl-implikazzjonijiet u r-rekwiżiti kollha tagħha – li l-ewlenija fosthom li jabbandunaw u jċedu l-armi b'mod definittiv, u li jiddefendu l-ideat u l-aspirazzjonijiet tagħhom permezz tar-regoli demokratiċi u l-istat tad-dritt;

7.  Jirrikonoxxi r-rwol importanti li żvolġew s'issa Kuba u n-Norveġja bħala pajjiżi garanti u ċ-Ċilì u l-Venezwela bħala pajjiżi li jakkumpanjaw il-proċess ta' paċi, u l-isforzi tagħhom biex jgħinu fil-kisba tal-paċi fil-Kolombja;

8.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015 tal-VP/RGħ Federica Mogherini li ħatret lis-Sur Eamon Gilmore bħala l-Mibgħut Speċjali tagħha għall-Proċess ta' Paċi fil-Kolombja; jimpenja ruħu li jagħmel kull sforz meħtieġ biex il-Mibgħut Speċjali l-ġdid jingħata kemm jista' jkun malajr ir-riżorsi baġitarji meħtieġa biex iwettaq il-missjoni importanti tiegħu b'suċċess;

9.  Itenni li d-disponibbiltà tiegħu li jagħti l-assistenza kollha possibbli b'appoġġ għall-implimentazzjoni tal-ftehim ta' paċi finali, u jtenni l-istedina tiegħu lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea biex joħolqu fond fiduċjarju biex jakkumpanja l-fażi ta' wara l-kunflitt;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lill-Gvern u l-Kungress tal-Kolombja.