Dokument ta' sessjoni

 

B8-0054/2016

11.1.2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

b'appoġġ għall-proċess ta' paċi fil-Kolombja

( 2015/3033(RSP) )

Ernest Urtasun, Barbara Lochbihler, Ulrike Lunacek, Tamás Meszerics, Molly Scott Cato, Jordi Sebastià, Igor Šoltes, Josep-Maria Terricabras, Bodil Valero

f'isem il-Grupp Verts/ALE

 

B8-0054/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew b'appoġġ għall-proċess ta' paċi fil-Kolombja

( 2015/3033(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-diversi riżoluzzjonijiet tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Kolombja, inklużi dawk dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-Kolombja, kif ukoll ir-riżoluzzjonijiet ta' appoġġ għall-proċessi ta' paċi preċedenti,

_  wara li kkunsidra r-rabtiet speċjali li jikkollegaw lill-UE mal-Kolombja fil-livell politiku, kummerċjali u ta' kooperazzjoni,

_  wara li kkunsidra l-ftehimiet milħuqa f'Havana sal-preżent rigward riforma rurali integrali, parteċipazzjoni politika u ftuħ demokratiku biex tinbena l-paċi, soluzzjoni għall-problema tad-drogi illegali u d-drittijiet tal-vittmi, kif ukoll dwar sistema integrali ta' ġustizzja,

_  wara li kkunsidra l-punt 44 tal-Messaġġ tad-Delegazzjoni tal-PE għall-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana (EuroLat) lit-Tieni Summit CELAC-UE ta' Brussell rigward it-tmiem tal-kunflitt intern bejn il-Gvern tal-Kolombja u l-FARC u d-Dikjarazzjoni ta' Brussell, adottata fi tmiem is-Summit nhar il-11 ta' Ġunju 2015,

_  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, dwar il-Ftehim ta' Ġustizzja Tranżizzjonali fil-Kolombja, tal-24 ta' Settembru 2015, kif ukoll id-Dikjarazzjoni tagħha tal-1 ta' Ottubru sussegwenti fejn is-Sur Eamon Gilmore nħatar bħala Mibgħut Speċjali tal-Unjoni għall-Proċess ta' Paċi fil-Kolombja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE u l-Kolombja għandhom relazzjoni politika ta' djalogu bbażata fuq ir-rispett reċiproku fil-qafas tal-Memorandum ta' Fehim tat-28 ta' Novembru 2009 u l-eżistenza sa mill-2009 ta' djalogu politiku speċjalizzat fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

B.  billi l-UE u l-Kolombja, sa mill-2013, għandhom qafas ta' kollaborazzjoni stretta fil-livell ekonomiku u kummerċjali, stabbilit permezz tal-Ftehim Kummerċjali bejn il-Kolombja u l-Perù, u l-UE u l-Istati Membri tagħha, u li jinkludi klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem (Artikolu 1), b'mod partikolari tal-kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli,

C.  billi l-Mejda ta' Djalogu bejn il-Gvern Kolombjan u l-FARC twaqqfet f'Havana (Kuba) nhar id-19 ta' Novembru 2012, b'segwitu għall-iffirmar tal-Ftehim Ġenerali biex jintemm il-kunflitt u tinbena paċi stabbli u dewwiema, b'mod li twettqet ix-xewqa tal-poplu tal-Kolombja li jgħix fil-paċi, u waqt li ġie rikonoxxut b'mod partikolari li l-bini tal-paċi jsir mill-popolazzjoni kollha kemm hi, li l-Istat għandu d-dmir li jippromwovi d-drittijiet tal-bniedem fit-territorju sħiħ tiegħu u li l-iżvilupp ekonomiku u soċjali b'mod ekwu hu garanzija ta' paċi u fl-istess ħin jikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja għat-tkabbir inklużiv u sostenibbli tal-pajjiż,

D.  billi n-negozjaturi f'Havana laħqu ftehimiet dwar kampanja ġdida għall-Kolombja u r-riforma rurali integrali, dwar il-parteċipazzjoni politika u l-ftuħ demokratiku biex tinbena l-paċi, u dwar is-soluzzjoni għall-problema tad-drogi illegali;

E.  billi nhar il-15 ta' Diċembru 2015 li għadda, il-Gvern tal-Kolombja u l-FARC ħabbru l-konklużjoni ta' ftehim dwar il-vittmi tal-kunflitt bl-isem Sistema Integrali ta' Verità, Ġustizzja, Riparazzjoni u Nonripetizzjoni, inklużi l-Ġurisdizzjoni Speċjali għall-Paċi u Patt dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; billi dan il-Ftehim stabbilixxa l-Kummissjoni għat-Tfittxija tal-Verità, il-Konvivenza u n-Nonripetizzjoni, l-Unità għat-tfittxija tal-persuni rraportati nieqsa fil-kuntest tal-kunflitt u minħabba fih, kif ukoll l-Unità għall-investigazzjoni u ż-żarmar tal-organizzazzjonijiet kriminali, inklużi dawk li ġew identifikati bħala l-werrieta tal-paramilitariżmu;

F.  billi permezz ta' dan il-Ftehim qiegħed isir pass fundamentali 'l quddiem biex tinbena paċi stabbli u dewwiema, li jirrikonoxxi għall-vittmi kollha tal-kunflitt, mhux biss il-qagħda tagħhom ta' vittmi, imma anke u prinċipalment, bħala ċittadini bi drittijiet, id-dritt tagħhom b'mod partikolari li jipparteċipaw fit-tfittxija tal-verità u jiġu kkumpensati għad-danni li sofrew fil-kuntest tal-kunflitt armat, soċjali u politiku;

G.  billi fil-Kolombja ma jeżistux garanziji għall-attività ta' promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari għal min jaħdem biex iħares l-art kontra proġetti agroindustrijali u ta' estrazzjoni;

H.  billi s-soċjetà ċivili organizzata favur il-paċi għandha rwol kruċjali x'tiżvolġi u tħaddan organizzazzjonijiet għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, organizzazzjonijiet tan-nisa, komunitajiet kampanjoli, komunitajiet Afro-Kolombjani u popli indiġeni li żviluppaw diversi inizjattivi u proposti fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali;

I.  billi proċess biex tinbena paċi stabbli u dewwiema fil-Kolombja li tmur oltre t-tmiem tal-kunflitt armat intern li ilu għaddej għal aktar minn 50 sena u li ħalla miljuni ta' vittmi, hu prijorità ewlenija għall-Kolombja, però anke għall-Unjoni Ewropea u għall-komunità internazzjonali, kif jixhdu d-diversi dikjarazzjonijiet ta' appoġġ għall-proċess ta' paċi min-naħa ta' pajjiżi u entitajiet reġjonali u internazzjonali differenti, inkluża l-Unjoni Ewropea nnifisha;

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ftehimiet li ntlaħqu sal-ġurnata tal-lum; u li jikkostitwixxu passi deċiżivi biex jintlaħaq ftehim definittiv għall-paċi;

 

2.  Jikkundanna t-tbatija kollha kkawżata fil-kuntest tal-kunflitt u jikkunsidra li dawn il-ftehimiet huma passi deċiżivi biex jintlaħaq ftehim għal paċi stabbli u dewwiema, li jġib fi tmiemu nofs seklu ta' kunflitt armat intern u fuq kollox li jqis id-dritt tal-vittmi tal-kunflitt għal riparazzjoni sħiħa, reali u ġusta għad-danni fiżiċi, morali u materjali mġarrba u li jiggarantixxi li dawn l-azzjonijiet ma jiġux ripetuti;

 

3.  Jirrikonoxxi l-isforz politiku kbir, ir-realiżmu u l-perseverenza li wrew kemm il-Gvern tal-Kolombja u kemm il-FARC biex iqarrbu l-pożizzjonijiet antagonisti tagħhom u biex progressivament joħolqu spazju ta' kompromess li ppermetta li jsir progress fin-negozjati;

 

4.  Jesprimi l-appoġġ sod tiegħu għall-konverżazzjonijiet li għaddejjin bħalissa biex jintlaħaq ftehim definittiv għal waqfien mill-ġlied u tmiem totali tal-ostilitajiet mill-aktar fis possibbli; jitlob f'dan ir-rigward lill-forzi politiċi kollha fil-Kolombja biex jagħmlu sforz biex jintlaħaq kunsens fir-rigward ta' dan il-ftehim;

 

5.  Jappella biex il-proċess attwali jiġi estiż għall-ELN jew, jekk jagħti l-każ, biex jitwaqqaf proċess ta' negozjazzjoni parallela li jkunu jista' jiżviluppa fuq linji simili peress li mhux possibbli li tintlaħaq paċi dewwiema mingħajr ma jiġu inklużi l-protagonisti kollha tal-kunflitt;

 

6.  Jilqa' b'sodisfazzjon speċjali l-ftehim li ntlaħaq rigward il-punt 5 (Vittmi) tal-Aġenda tal-Ftehim Ġenerali bejn il-Gvern tal-Kolombja u l-Forzi Armati Rivoluzzjonarji tal-Kolombja (FARC) li jinkludi l-ħolqien tal-Kummissjoni għat-Tfittxija tal-Verità, il-Konvivenza u n-Nonripetizzjoni; l-Unità speċjali għat-tfittxija tal-persuni rraportati nieqsa fil-kuntest tal-kunflitt u minħabba fih; il-Ġurisdizzjoni Speċjali għall-Paċi u l-miżuri speċifiċi ta' riparazzjoni u garanziji ta' nonripetizzjoni, kif ukoll l-Unità għall-investigazzjoni u ż-żarmar tal-organizzazzjonijiet kriminali, inklużi dawk li ġew identifikati bħala l-werrieta tal-paramilitariżmu;

 

7.  Josserva b'sodisfazzjon li, peress li jeskludi minn kwalunkwe amnistija jew maħfra d-delitti kontra l-umanità, il-ġenoċidju u d-delitti tal-gwerra, jidher li l-Ftehim ta' Paċi jikkonforma mad-Dritt Internazzjonali fl-oqsma penali u umanitarji, u mal-istrumenti u l-istandards internazzjonali ta' implimentazzjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; ifakkar li d-dritt internazzjonali jagħti s-setgħa lill-entitajiet multilaterali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u lill-QKI li jissorveljaw il-konformità mal-istandards internazzjonali;

 

8.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jitnedew sistemi effikaċi li jippermettu li ssir evalwazzjoni tar-relazzjoni bejn ir-reati u l-kunflitt armat, waqt li jiġi evitat li, fil-kompetenza tal-Ġurisdizzjoni, jiddaħħlu delitti komuni mwettqa barra mill-kuntest tal-kunflitt armat;

 

9.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ftehim li ntlaħaq rigward il-ħolqien ta' Kummissjoni għat-Tfittxija tal-Verità, il-Konvivenza u n-Nonripetizzjoni bħala mekkaniżmu indipendenti u imparzjali ta' natura extraġudizzjarja sabiex, billi tibda minn dak li jgħidu l-vittmi, tibni rakkont storiku reali ta' dak li seħħ, għaliex hu biss fuq id-deskrizzjoni onesta tal-imgħoddi u l-assunzjoni tar-responsabilitajiet kollha li jista' jinbena ġejjieni rikonċiljat u tingħata risposta għad-drittijiet tal-vittmi kollha u jibnew garanziji solidi ta' nonripetizzjoni;

 

10.  Jirrikonoxxi wkoll ir-rwol importanti li żvolġew s'issa Kuba u n-Norveġja bħala pajjiżi garanti u ċ-Ċilì u l-Venezwela bħala pajjiżi akkumpanjaturi tal-proċess ta' paċi;

 

11.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015 tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Federica Mogherini, li taħtar lil Eamon Gilmore, ex Viċi Prim Ministru u ex Ministru tal-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ tar-Repubblika tal-Irlanda, bħala l-Mibgħut Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Proċess ta' Paċi fil-Kolombja; jimpenja ruħu li jagħmel kull sforz meħtieġ biex il-Mibgħut Speċjali l-ġdid jingħata kemm jista' jkun malajr ir-riżorsi baġitarji meħtieġa biex iwettaq il-missjoni importanti tiegħu b'suċċess; jitlob li l-Mibgħut Speċjali jiltaqa' maż-żewġ partijiet u mas-soċjetà ċivili organizzata Kolombjana;

 

12.  Itenni l-fatt li hu lest jagħti kull assistenza possibbli bħala appoġġ għall-Ftehim ta' Paċi definittiv, u għaldaqstant iġedded l-appell tiegħu lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea biex joħolqu fond fiduċjarju biex jakkumpanja l-fażi ta' wara l-kunflitt; jikkunsidra li dan il-fond għandu jiġi amministrat bi qbil maż-żewġ partijiet u li l-komunitajiet u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandu jkollhom aċċess dirett għalih, waqt li jiġi assigurat li jitqiesu l-prijoritajiet li jkunu esprimew il-vittmi f'dak li jirrigwarda l-verità, il-ġustizzja u r-riparazzjoni, u l-garanziji ta' nonripetizzjoni biex tinbena paċi stabbli u dewwiema;

 

13.  Iħabbar għal darba oħra li l-vjolenza mhijiex metodu leġittimu ta' ġlieda politika, u jitlob lil min kellu din il-konvinzjoni jħaddan id-demokrazija bil-konsegwenzi u l-eżiġenzi kollha tagħha, li l-ewwel waħda minnhom hi li l-armi jintreħew b'mod permanenti; jappella f'dan ir-rigward biex jiġi rrispettat id-dritt tal-oppożizzjoni li twettaq l-attivitajiet politiċi tagħha mingħajr ma jkollha tħabbat wiċċha mal-persekuzzjoni sistematika li soffriet fl-imgħoddi;

 

14.  Jeżiġi għal darba oħra l-garanzija sħiħa u permanenti tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa tas-sistema politika Kolombjana u tal-istituzzjonijiet tagħha madwar il-pajjiż kollu kemm hu; il-vjolenza għandha tinqered kompletament minn pajjiż fejn ħamsin sena ta' kunflitt ġieli ġġeneraw reazzjonijiet barra mis-sistema legali u drawwiet u mġiba f'xi istituzzjonijiet tal-Istat li ma jikkorrispondux għall-Istat tad-Dritt u r-rispett eżiġibbli tad-drittijiet tal-bniedem; jeżiġi f'dan ir-rigward il-protezzjoni ta' kull min jiddefendi d-drittijiet tal-bniedem fil-Kolombja u garanziji tad-dritt għal assoċjazzjoni libera u għal manifestazzjoni paċifika; ifakkar li, kif isemmu diversi rapporteurs tan-Nazzjonijiet Uniti, "id-drittijiet għal manifestazzjoni paċifika u għall-espressjoni kollettiva ta' opinjoni huma fundamentali għall-eżistenza ta' soċjetà ħielsa u demokratika"[1];

 

15.  Jevidenzja r-rwol importanti li jista' jiżvolġi l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Kolombja fil-monitoraġġ tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem b'segwitu għall-ftehimiet ta' paċi;

 

16.  Jappella lill-Istat Kolombjan biex iżarma l-gruppi paramilitari u jsegwi r-rakkomandazzjoni mfassla mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem f'dan ir-rigward: "Ir-reazzjonijiet tal-Istat għall-vjolenza min-naħa tal-gruppi li nħolqu b'segwitu għad-demobilizzazzjoni b'rabta mal-kriminalità organizzata għandhom jużaw approċċ komprensiv li jqis is-sigurtà pubblika taħt it-tmexxija tal-pulizija, il-ġlieda ġudizzjarja kontra l-impunità, ir-responsabilità tal-uffiċjali pubbliċi li jevitaw il-korruzzjoni u l-miżuri għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni"

 

17.  Jappella lill-Istat Kolumbjan biex joqgħod lura milli jilleġiżla kontra dak li ġie diskuss f'Havana u biex jadatta l-Pjan Nazzjonali ta' Żvilupp għall-ftehimiet li ntlaħqu u għall-bini tal-paċi fuq il-post, waqt li jirrispetta d-dritt għal konsultazzjoni minn qabel u jiggarantixxi l-kundizzjonijiet biex jerġgħu lura l-persuni spostjati internament u r-rifuġjati, kif ukoll ir-restituzzjoni tal-art;

 

18.  Jimpenja ruħu favur il-ħolqien ta' grupp parlamentari konġunt għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet milħuqa u tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kolombja f'fażi tant importanti bħal mhi dik ta' wara kunflitt;

 

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Presidenza b'rotazzjoni tal-UE, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lill-Gvern u l-Kungress tar-Repubblika tal-Kolombja.

 

 

[1] http://www.ohchr.org/SP/NewsEvents/Pages/DisplayNews.aspx?NewsID=15597&LangID=E#