Dokument ta' sessjoni

 

B8-0055/2016

13.1.2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar il-proċess ta' paċi fil-Kolombja

( 2015/3033(RSP) )

Javier Couso Permuy, Neoklis Sylikiotis, Paloma López Bermejo, Angela Vallina, Marina Albiol, Sofia Sakorafa, Takis Hadjigeorgiou, Fabio De Masi, Rina Ronja Kari, Helmut Schölz, Katerina Konecna, Jiri Mastalka, Marie-Christine Vergiat, Miguel Urban, Tania González, Xabier Benito, Lola Sánchez, Estefanía Torres, Barbara Spinelli, Inês Zuber, Kostas Chrysogonos, Dimitrios Papadimoulis, Stelios Kouloglou

f'isem il-Grupp GUE/NGL

 

B8-0055/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-proċess ta' paċi fil-Kolombja

( 2015/3033(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Kolombja,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta Nru 60 dwar il-Ftehim ta' Ġurisdizzjoni Speċjali għall-Paċi, li ġiet iffirmata f’Havana fit-23 ta’ Settembru 2015,

–  wara li kkunsidra Dikjarazzjonijiet Konġunti Nri 61, 62, 63 u, b’mod partikolari, Nru 64 dwar il-Ftehim dwar il-Vittmi tal-Kunflitt: "Sistema Integrali ta' Verità, Ġustizzja, Riparazzjoni u Nonripetizzjoni", inkluża l-Ġurisdizzjoni Speċjali għall-Paċi; u l-Patt dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, iffirmat f'Havana fil-15 ta' Diċembru 2015, kif ukoll l-Abbozz Konġunt "Punt 5: Ftehim dwar il-Vittmi tal-Kunflitt”, tal-istess data,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Brussell tal-Membri Parlamentari tax-Xellug tal-Assemblea Parlamentari Euro-Latino-Amerikana (EuroLat) rigward il-proċess ta’ paċi fil-Kolombja, ta’ Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-Punt 44 tal-Messaġġ tad-Delegazzjoni tal-PE fl-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana lit-Tieni Summit CELAC-UE ta' Brussell dwar it-tmiem tal-kunflitt intern bejn il-Gvern tal-Kolombja u l-FARC,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Brussell, adottata fi tmiem it-Tieni Summit CELAC-UE fil-11 ta’ Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli tal-UE, Federica Mogherini, tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar il-ftehim tal-vittmi tal-kunflitt fil-Kolombja u tal-24 ta' Settembru 2015 dwar il-ftehim ta' Ġustizzja Tranżizzjonali fil-Kolombja, kif ukoll id-Dikjarazzjoni tagħha, tal-1 ta' Ottubru 2015 dwar il-ħatra tas-Sur Eamon Gilmore nħatar bħala l-Mibgħut Speċjali tal-Unjoni għall-Proċess ta' Paċi fil-Kolombja,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Kummerċjali Multilaterali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra, iffirmat fi Brussell fis-26 ta’ Lulju 2012,

–  wara li kkunsidra l-11-il Rapport tad-Delegazzjoni Asturjana ta' Verifika tal-Istat tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Kolombja 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Mejda ta' Taħdidiet bejn il-Gvern tal-Kolombja u l-FARC ġiet stabbilita f'Havana (Repubblika ta' Kuba) fid-19 ta' Novembru 2012, wara l-iffirmar tad-dokument "Ftehim Ġenerali biex jintemm il-kunflitt u tinbena paċi stabbli u dewwiema" tas-26 ta' Awwissu 2012, li jwettaq ix-xewqa tal-poplu tal-Kolombja li jgħix fil-paċi, u jirrikonoxxi li l-bini tal-paċi hi kwistjoni tal-popolazzjoni kollha kemm hi, li l-Istat għandu d-dmir li jippromwovi d-drittijiet tal-bniedem fit-territorju kollu tiegħu u li l-iżvilupp ekonomiku u soċjali b'mod ekwu għandu jkun garanzija tal-paċi,

B.  billi matul il-fażijiet differenti tan-negozjati f'Havana, il-gvern u l-FARC ikkonkludew l-abbozz ta' ftehim: "Lejn Kampanja Ġdida għall-Kolombja: Riforma Rurali Integrali", "Parteċipazzjoni Politika: Ftuħ demokratiku għall-bini tal-paċi", "Soluzzjoni għall-Problema tad-Drogi Illegali", "Ġurisdizzjoni Speċjali għall-Paċi" u "Ftehim dwar il-Vittmi tal-Kunflitt";

C.  billi huwa importanti ħafna l-aħħar ftehim parzjali fil-punt dwar il-vittmi, li jqis il-ħolqien ta' Ġurisdizzjoni Speċjali għall-Paċi u ta' Qorti li jista' jiġġudika lill-partijiet kollha responsabbli tal-kunflitt - militari, paramilitari, gwerillieri u ċivili - u aktarx huwa l-pass 'il quddiem l-aktar importanti fi tliet snin ta' negozjati;

D.  billi f'dan l-istadju l-kwistjonijiet pendenti ewlenin se jkunu l-kundizzjonijiet li bihom se jkunu iddikjarat il-waqfien mill-ġlied bilaterali, kif ukoll il-mekkaniżmu għall-validazzjoni min-naħa tal-poplu tal-ftehimiet milħuqa bejn il-Gvern u l-FARC;

E.  billi t-taħdidiet f'Havana reġgħu bdew fit-13 ta' Jannar, u li skont dikjarazzjonijiet tal-kap negozjatur tal-Gvern tal-Kolombja, il-waqfien mill-ġlied u l-waqfien tal-ostilitajiet għandhom ikunu bilaterali, indefiniti u b'verifika, u jistgħu jintlaħqu matul dak ix-xahar stess;

F.  billi fit-23 ta’ Settembru 2015 il-Gvern tal-Kolombja u l-FARC ħabbru l-konklużjoni ta’ ftehim dwar il-ħolqien ta’ Ġurisdizzjoni Speċjali għall-Paċi li għandha tissodisfa d-drittijiet tal-vittmi u tgħin biex tinħoloq paċi stabbli u dejjiema, u li għal dan l-għan il-partijiet qablu li jniedu Sistema Integrali ta' Verità, Ġustizzja, Riparazzjoni u Nonripetizzjoni, li tinkludi l-ħolqien ta' Kummissjoni għat-Tfittxija tal-Verità, il-Konvivenza u n-Nonripetizzjoni, u garanziji ta' nonripetizzjoni tal-kawżi tal-kunflitt u tal-vittimizzazzjoni kkawżata;

G.  billi ġaladarba ntaħqu l-ftehimiet imsemmija dwar il-Ġustizzja għall-Paċi u dwar il-Vittmi tal-Kunflitt, in-negozjaturi ħadu pass sinifikanti lejn il-paċi li jidher li ma jistgħu imorru lura minnu, għax iż-żewġ partijiet iffissaw skadenza ta' mhux aktar minn sitt xhur biex jiksbu l-paċi sa mill-konklużjoni tal-ftehim dwar il-ħolqien ta' Ġurisdizzjoni Speċjali għall-Paċi, u stabbilixxew it-23 ta' Marzu 2016 bħala data ta' orjentament;

H.   billi r-riparazzjoni lill-vittmi u l-garanzija ta' nonripetizzjoni huma elementi fundamentali għall-kisba ta' paċi ġusta u dejjiema;

I.  billi l-ħolqien ta’ Ġurisdizzjoni Speċjali għall-Paċi twieġeb għall-ħtieġa li tinstab sistema speċjali ta’ ġustizzja konformi mad-Dritt Internazzjonali, li tippenalizza lil dawk responsabbli għad-delitti gravi kontra d-drittijiet tal-bniedem u l-ksur gravi tad-Dritt Umanitarju Internazzjoni waqt il-kunflitt, u li tikkumpensa lill-vittmi, filwaqt li tiffaċilita li l-armi jiġu ċeduti;

J.  Billi din il-Ġurisdizzjoni Speċjali:

–  tirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġu kkundannati dawk li wettqu delitti waqt il-kunflitt, u tintroduċi mekkaniżmi ta' ġustizzja ristawrattiva kif ukoll mekkaniżmi ta' ġustizzja retributtiva;

–  tipprevedi sistema ta' restrizzjoni ta' libertà kif ukoll ta' privazzjoni ta' libertà divrenzjat, abbażi tar-rikonoxximent bikri jew tardiv tar-responsabilità għad-delitti gravi, jew in-nuqqas ta' rikonoxximent ta' responsabilità tali, billi tvarja l-pieni fil-każ ta' kundanna għal bejn 5 u 8 snin sa 20 sena rispettivament, u tvarja wkoll il-postijiet u l-kundizzjonijiet tar-reġim ta' eżekuzzjoni tal-kastigi ta' privazzjoni effettiva tal-libertà skont il-grad ta' rikonoxximent tal-verità u tar-responsabilità;

–  tipprevedi li meta jintemmu l-ostilitajiet, l-Istat tal-Kolombja jagħti l-usa' amnestija possibbli għal delitti politiċi u delitti konnessi, skont id-Dritt Umanitarju Internazzjonali, u mingħajr ma jkunu jistgħu jgawdu l-amnestija l-awturi ta' delitti kontra l-umanità, jew l-awturi ta' delitti gravi bħat-teħid ta' ostaġġi, it-tortura, l-ispustament furzat, l-għajbien furzat, il-qtil extraġudizzjarju, sekwestru ta' minorenni u l-vjolenza sesswali;

K.  billi fis-sena 2014 u parti mill-2015, kien hemm żieda fil-każijiet ta' għajbien furzat fil-Kolombja; ma teżisti l-ebda data konsolidata dwar persuni li għebu fil-pajjiż, li jammontaw għal 21 000 persuna, skont ir-Reġistru Nazzjonali ta’ Persuni li Għebu, 44 841 persuna skont ir-Reġistru Uniku ta’ Vittmi, u 69 000 persuna skont l-uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Nazzjonali; billi n-nuqqas ta’ progress fil-każijiet ta’ għajbien furzat, meta jitwies li f’aktar minn 80 % tad-denunzji l-investigazzjonijiet jinsabu fl-istadju bikri u mingħajr progress sinifikanti;

L.  billi l-paramilitariżmu għadu jeżisti bħala forma attwali tad-dominazzjoni ekonomika, politika u soċjali tal-poplu Kolombjan; li dawn il-gruppi paramilitari armati kienu u għadhom jintużaw mill-elit politiku u ekonomiku tal-Kolombja u minn intrapriżi multinazzjonali barranin li magħhom irnexxielhom jimponu proġetti ekonomiċi assoċjati ma’ attivitajiet estrattivi (tħaffir fil-minjieri fuq skala kbira), produzzjoni estensiva fir-rigward ta' trobbija tal-bhejjem u monokulturi, permezz tal-esproprjazzjoni u l-bejgħ furzat ta’ artijiet, li kkawżaw spostament enormi tal-popolazzjoni bħal fil-każ taż-żona tal-Paċifiku;

M.  billi l-Kolombja hi t-tieni pajjiż fid-dinja bl-akbar numru ta’ vittmi ċivili ta’ mini kontra l-persunal wara l-Afganistan, u li tindif rapidu u effiċjenti tal-pajjiż mill-mini se jkun findamentali ġaladarba tinkiseb il-paċi sabiex jiġi evitat li jkun hemm aktar vittmi u jitneħħew il-marki tal-kunflitt;

N.  billi l-UE u l-Kolombja għandhom fis-seħħ, sa mill-2013, Ftehim Kummerċjali Plurilaterali li qajjem kritika u oppożizzjoni min-naħa tal-movimenti soċjali u tal-għaqdiet tal-ħaddiema kemm fl-Amerika Latina kif ukoll fl-UE;

O.  billi l-Kolombja, b’aktar minn 47 miljun abitant, inklużi 102 popli indiġeni li jitkellmu 64 lingwa uffiċjali fit-territorju tagħha, 4.4 miljun Afrokolombjani u madwar 5 000 Rom, huwa wieħed mill-aktar pajjiżi inugwali fid-dinja skont il-Programm tal-Iżvilupp tan-NU, u li l-inugwaljanzi għandhom it-tendenza li jiżdiedu bl-impatt tal-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles u bil-proġetti ta’ investiment fil-minjieri u l-enerġija;

P.  billi t-tkabbir ekonomiku fil-pajjiż, mhux talli mhux ta’ benefiċċju għall-maġġoranza tal-popolazzjoni, talli qed ikabbar il-kunflitt soċjali billi r-rati tal-faqar huma ogħla minn 30.7 %; billi l-esklużjoni u l-inugwaljanza storiċi, flimkien mal-vjolenza tal-istat, huma uħud mill-għejun diretti tal-kunflitt armat;

Q.  billi ġiet reġistrata żieda fil-kunflitt soċjali fil-pajjiż minħabba d-deċiżjonijiet tal-Gvern li jagħti liċenzji għal proġetti ta’ investiment kbar, mingħajr trasparenza u informazzjoni pubblika dwar l-impatti soċjali u ambjentali, u mingħajr ma ssir konsultazzjoni minn qabel mal-popli u l-komunitajiet prevista fil-Konvenzjoni Nru 169 tal-ILO;

R.  billi l-kumpanniji multinazzjonali jaġixxu bħala aġenti tal-esproprjazzjoni vjolenti fil-pajjiż, bl-użu ta’ mekkaniżmi legali bil-kollużjoni tal-istituzzjonijiet li jillegalizzaw il-bejgħ furzat tal-artijiet, id-detenzjonijiet arbitrarji u l-prosekuzzjonijiet ġudizzjarji abbażi ta' allegazzjonijiet;

S.  billi r-radd lura tal-artijiet esproprjati bi vjolenza miexi b'pass kajman minħabba nuqqas ta' rieda politika fl-ambitu lokali, fejn dawk li esproprjaw għad għandhom il-kontroll politiku u tal-armi;

T.  billi fil-pajjiż għadha għaddejja il-persekuzzjoni tat-attivisti tal-għaqdiet tal-ħaddiema b'diversi modi, bl-eżistenza ta' "kultura kontra l-għaqdiet tal-ħaddiema" mill-gruppi kontra r-ribelli għaqda s-setgħa li ħolqot il-preġudizzju li l-ħaddiema li jissieħbu ma' għaqda tal-ħaddiema huma theddida interna għall-istabilità tal-pajjiż; billi l-Kolombja hija l-pajjiż bl-akbar għadd ta' attivisti tal-għaqdiet tal-ħaddiema maqtula fid-dinja: skont l-Għaqda Ċentrali tal-Ħaddiema tal-Kolombja (CUT), sa mill-1986 'l hawn inqatlu madwar 4000, kif ukoll bosta mexxejja bdiewa; billi l-mewġa ta’ protesti soċjali f’dawn l-aħħar snin ma intlaqgħu b'ripressjoni u f'xi każijiet bi brutalità min-naħa tal-forzi pubbliċi;

U.  billi l-Kolombja għandha ritmu annwali stabbli ta’ spostament furzat, b'iktar minn sitt miljun ruħ spostati, u dan jagħmilha t-tieni l-akbar kriżi umanitarja fid-dinja, li qabilha hemm biss is-Sirja, skont l-UNHCR;

V.  billi skont ir-Reġistru Uniku tal-Vittmi, madwar 2 520 000 tifel u tifla ġew spustati bejn l-1985 u l-2012, waqt li f’dawn l-aħħar 20 snin madwar 13 000 tifel u tifla ġew reklutati minn gruppi armati illegali;

1.  Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-proċess ta’ paċi bejn il-gvern tal-Kolombja u l-gwerillieri tal-FARC; iqis li dan huwa pass sinifikanti fit-tiftixa lejn ftehim finali li jtemm il-kunflitt armat intern fir-Repubblika tal-Kolombja;

2.  Jappoġġja soluzzjoni politika għall-kunflitt li jipprovdi ġustizzja u riparazzjoni lill-vittmi, inkluża r-riżoluzzjoni tal-problema ta’ aċċess għall-art, li hija l-bażi strutturali tal-kunflitt, bil-għan li tinkiseb paċi soda, dejjiema, b'ġustizzja soċjali u garanziji ta’ nonripetizzjoni;

3.  Jesprimi x-xewqa tiegħu li n-negozjati jilħqu l-qofol tagħhom fil-futur qarib hekk kif jintlaħaq qbil fir-rigward tar-riparazzjoni lill-vittmi u l-ġustizzja;

4.  Jappella għal qbil fil-futur qarib fuq waqfien mill-ġlied bilaterali bejn il-Gvern u l-FARC biex tinħoloq l-atmosfera favorevoli għall-ftehim definittiv, kif ipproponewh diversi entitajiet tal-moviment soċjali Kolombjan;

5.  Jitlob kemm lill-Gvern kif ukoll lill-FARC biex ma jkomplux jużaw il-vjolenza u l-armi fl-azzjoni politika u biex jiddefendu l-ideat u l-ambizzjonijiet tagħhom permezz ta' regoli demokratiċi u r-rispett tal-Istat tad-Dritt;

6.  Jirrikonoxxi l-isforzi kbir politiku u l-perseveranza li wrew kemm il-Gvern tal-Kolombja kif ukoll il-FARC, u r-rwol importanti tal-organizzazzjonijiet tal-vittmi u l-movimenti soċjali li rnexxilhom iqarrbu pożizzjonijiet opposti u joħolqu progressivament spazju ta' kompromess li ta lok li n-negozjati jimxu 'l quddiem;

7.  Jappella biex il-proċess li għaddej jiġi estiż biex jinkludi lill-ELN jew li jiġi stabbilit, jekk ikun il-każ, proċess ta' negozjati parallel;

8.  Jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li dan il-proċess ta' paċi għandu jinvolvi lill-poplu kollu tal-Kolombja, u li għandhom jipparteċipaw fih mhux biss iż-żewġ partijiet tan-negozjati iżda wkoll il-movimenti soċjali Kolombjani;

9.  Jirrikonoxxi bl-istess mod ir-rwol importanti li żvolġew Kuba u n-Norveġja bħala pajjiżi garanti, u ċ-Ċilì u l-Venezwela bħala pajjiżi akkumpanjaturi tal-proċess ta' paċi;

10.  Jemmen li, filwaqt li ftehim bejn il-Gvern u l-FARC hu kundizzjoni fundamentali u indispensabbli biex jinkisbu l-paċi fil-pajjiż, il-konflitt huwa ħafna aktar profond mill-kunflitt bejn ir-ribelli u l-Gvern, u li biex tinkiseb il-paċi fil-pajjiż jinħtieġu ħafna miżuri biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi u tiġi promossa kultura ta’ paċi wara l-kunflitti;

11.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li titkompla l-vjolenza paramilitari b’kompliċità mal-elit ekonomiku tal-pajjiż u ma’ kumpaniji multinazzjonali barranin, inklużi dawk Ewropej; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi fit-tmiemu l-paramilitariżmu fil-Kolombja bħala element essenzjali għall-kisba tal-paċi;

12.  Ifakkar lill-Istat tal-Kolombja fir-respnsabilità tiegħu li jħares lill-popolazzjoni u b'mod partikolari lill-attivisti tal-movimenti soċjali u politiċi, lill-attivisti tal-għaqdiet tal-ħaddiema u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-konfront tat-theddidiet li jħabbtu wiċċhom magħhom minħabba l-attivitajiet tagħhom;

13.  Iħeġġeġ lill-forzi kollha tal-Kolombja u lill-organizzazzjonijiet u movimenti soċjali biex joffru l-kollaborazzjoni tiegħu għar-ristawr ta' konvivenza rikonċiljata;

14.  Jiċċelebra d-deċiżjoni ta' konċessjoni ta' amnestija wiesgħa jew maħfra għad-delitti politiċi relatati mal-kunflitt, u jistieden lill-Gvern tal-Kolombja jadotta liġi li tiddefinixxi b'mod ċar il-firxa tad-delitti politiċi u li toffri kjarifika anke dwar delitti oħra komuni bħat-traffikar tad-drogi u r-rabta tiegħu mad-delitti politiċi;

15.  Jinnota b'sodisfazzjon li, peress li jeskludi kwalunkwe amnistija jew maħfra f'każ ta' delitti kontra l-umanità, il-ġenoċidju u d-delitti gravi tal-gwerra, il-ftehim jikkonforma mad-Dritt Internazzjonali fil-qasam penali u umanitarju, u mal-istrumenti u l-istandards internazzjonali applikabbli fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

16.  Iqis li hu indispensabbli li s-sanzjoniiet imposti fuq min wettaq id-delitti jikkontribwixxu għall-għan ta' riparazzjoni lill-vittmi u għar-rikonċiljanzzjoni politika, u għaldaqstant jappoġġa l-idea li jinħolqu mekkaniżmi ta' ġustizzja restorattiva biex il-persuni li wettqu delitti gravi jirrikonoxxu l-verità u r-responsabbiltajiet, b'mod li jkunu jistgħu jikkontribwixxu għar-riparazzjoni tal-vittmi u jerġgħu jistabbilixxu r-rabtiet tagħhom mal-komunità;

17.  Itenni ċ-ċaħda tiegħu tal-Ftehim Kummerċjali Multilaterali bejn l-UE u l-Kolombja u l-Perù għax il-popli mhumiex qed jibbenefikaw minnu anzi, għall-kuntrarju, dan iwassal għal żieda fl-esproprjazzjoni u l-faqar fost il-klassijiet soċjali popolari tal-Kolombja, kif ukoll għall-persekuzzjoni tal-persuni involuti fl-għaqdiet tal-ħaddiema u l-mexxejja tal-bniewa; iqis li dan il-ftehim għandu jkun ikkundizzjonat b'mod effettiv fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-Istat tad-Dritt kif jistabbilixxi l-Artikolu 1 tiegħu, li mhuwiex il-każ;

18.  Iqis li kwalunkwe appoġġ finanzjarju tal-UE għall-proċess ta’ paċi għandu jingħata b'żewġ kundizzjonijiet: l-iffirmar ta' ftehim ta' paċi komplut u t-twaqqif ta' mekkaniżmi ta' verifika internazzjonali tal-implimentazzjoni effettiva tiegħu;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Presidenza attwali tal-UE, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, lill-UNASUR u lil CELAC, u lill-Gvern u l-Kungress tar-Repubblika tal-Kolombja.