Dokument ta' sessjoni
14.1.2016
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi-President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar il-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea għas-sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-2016
( 2015/3035(RSP) )
Marie-Christine Vergiat, Tania González Peñas, Miguel Urbán Crespo, Lola Sánchez Caldentey, Xabier Benito Ziluaga, Estefanía Torres Martínez, Stefan Eck, Kostas Chrysogonos, Stelios Kouloglou, Takis Hadjigeorgiou, Neoklis Sylikiotis, Paloma López Bermejo, Barbara Spinelli
f'isem il-Grupp GUE/NGL
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea għas-sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-2016
( 2015/3035(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948 u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-1953,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta' Settembru 2000 (A/Res/55/2) u r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tagħha,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (KDB) tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet ta' urġenza tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija,
– wara li kkunsidra l-31 sessjoni li jmiss tal-KDB, li se ssir bejn id-29 ta' Frar u l-24 ta' Marzu 2016,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), il-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali tal-Popli Indiġeni dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (Rio +20) u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, sittin sena wara li ġiet ipprokklamata d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjonijiet u l-ġlieda favur l-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem – soċjali, ekonomiċi, kulturali, ċivili u politiċi – għadhom ġlieda ta' kuljum;
B. billi d-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali huma parti integrali mid-drittijiet tal-bniedem u r-rispett tagħhom iwassal, mill-inqas, biex jiġu implementati b'mod sħiħ is-17-il għan ta' żvilupp sostenibbli (SDG) sabiex, b'mod partikolari: jinqered il-faqar fil-forom kollha tiegħu u f'kull parti tad-dinja, jintemm il-ġuħ u tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel, tingħata garanzija ta' saħħa tajba u edukazzjoni ta' kwalità, issir ħidma favur xogħol deċenti għal kulħadd, jitnaqqsu l-inugwaljanzi, tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi, jittieħdu miżuri urġenti kontra t-tibdil fil-klima u jitrawmu l-paċi u l-ġustizzja;
C. billi, minħabba l-kriżi finanzjarja fil-pajjiżi tal-OECD, id-dinja qed tħabbat wiċċha mal-agħar tnaqqis fir-ritmu tal-attività ekonomika mit-tletinijiet 'l hawn; billi skont l-estimi tad-WHO, minħabba żidiet fil-prezzijiet tal-ikel u tal-enerġija fil-passat, aktar minn 100 miljun ruħ reġgħu sabu ruħhom f'sitwazzjoni ta' faqar; billi dik li llum il-ġurnata tissejjaħ komunement "il-kriżi finanzjarja u ekonomika" hija fil-verità kriżi sistemika globali li tolqot is-setturi kollha tas-soċjetà, b'konsegwenzi fl-oqsma kollha: politiċi, soċjali, ambjentali, alimentari, tal-enerġija, eċċ.;
D. billi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom jippromwovu r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-politiki tagħhom kollha, kemm interni kif ukoll esterni, u jiżguraw il-konsistenza ta' tali politiki, sabiex isaħħu l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha fi ħdan l-KDB u jagħmluha aktar kredibbli;
E. billi delegazzjoni tas-Sottokumitat għad-"Drittijiet tal-Bniedem" tal-Parlament Ewropew se tmur Ġinevra għall-31 sessjoni ordinarja tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (KDB), bħalma għamlet fis-snin ta' qabel għas-sessjonijiet preċedenti tal-KDB, u qabel dan, għal dawk tal-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti;
F. billi llum il-ġurnata tmien Stati Membri jipparteċipaw fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, jiġifieri: il-Ġermanja (sal-2018), il-Belġju (sal-2018), Franza (sal-2016), il-Latvja (sal-2017), in-Netherlands (sal-2017), il-Portugall (sal-2017), ir-Renju Unit (sal-2016) u s-Slovenja (sal-2018); billi, barra minn hekk, fis-sessjoni organizzattiva tiegħu, fit-8 ta' Diċembru 2014, il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem eleġġa l-membri tal-Bureau għad-disa' ċiklu, li seħħ mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru 2015, u b'mod partikolari l-President tal-Kunsill, Joachim Rücker (il-Ġermanja); billi mill-1 ta' Jannar 2016, din ġiet sostitwita minn Choi Kyong-lim, tal-Korea t'Isfel, u li żewġ viċi presidenti, membri tal-Bureau huma rappreżentanti ta' Stati Membri tal-Unjoni Ewropea: Bertrand de Crombrugghe (il-Belġju) u Janis Karklins (il-Latvja);
G. billi l-ħidma tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha mal-KDB u fi ħdanu trid tissaħħaħ, mhux biss biex tasserixxi viżjoni indiviżibbli tad-drittijiet tal-bniedem iżda wkoll biex tqis u timplimenta aħjar ir-rakkomandazzjonijiet tal-KDB fil-politika tad-drittijiet tal-bniedem tal-Unjoni, kemm fil-livell intern kif ukoll f'dak estern;
Ix-xogħol u l-organizzazzjoni tal-KDB
1. Jistieden mill-ġdid lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea biex jopponu attivament kull tentattiv li jhedded il-kunċetti tal-universalità, l-indiviżibbiltà u l-interdipendenza tad-drittijiet tal-bniedem, u biex iħeġġu attivament lill-KDB sabiex jagħti l-istess attenzjoni lil kull xorta ta' diskriminazzjoni kollha, tkun xi tkun il-bażi tagħhom;
2. Iwissi kontra l-istrumentalizzazzjoni tal-KDB; jissottolinja l-importanza tar-riżoluzzjonijiet tiegħu li jirreferu għal pajjiżi speċifiċi biex jiġu indirizzati każijiet serji ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem issir b'mod oġġettiv, trasparenti, mhux selettiv, kostruttiv, mhux kunfliġġenti, abbażi ta' informazzjoni affidabbli u bħala frott ta' djalogu interattiv u f'kundizzjonijiet ta' universalità u ta' trattament ugwali tal-Istati kollha; jistieden lill-Istati Membri jieħdu sehem attiv fl-implimentazzjoni ta' dawn il-prinċipji li kien hemm qbil dwarhom fir-rigward tal-KDB;
3. Jissottolinja kemm hu importanti li l-kawżi profondi tal-instabbiltà politika f'ċerti pajjiżi jiġu indirizzati permezz ta' politiki għall-iżvilupp konformi mal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDG) u miżuri oħra soċjoekonomiċi, politiċi u kulturali li kapaċi joħolqu ambjent favorevoli biex jiġi evitat li kunflitti jinbdew mill-ġdid u maħsuba biex jeqirdu l-faqar, jippromwovu l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali, joħolqu kapaċitajiet istituzzjonali u amministrattivi, itejbu l-kwalità tal-ħajja tal-popolazzjoni u jsaħħu l-istat tad-dritt b'mezzi paċifiċi biss;
4. Jikkonstata li l-Arabja Sawdija hija membru tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem sal-2016; jikkundanna bil-qawwa l-ksur mifruxa tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mir-Renju tal-Arabja Sawdija; jikkundanna b'mod partikulari s-47 eżekuzzjoni reċenti fil-pajjiż, inkluż dak ta' Sheikh Nimr Al-Nimr, u huwa mħasseb dwar it-tensjoni li qed tikber fir-reġjun b'reazzjoni għal dawn l-eżekuzzjonijiet; itenni l-appell tiegħu favur it-tneħħija universali tal-piena tal-mewt u jitlob moratorju immedjat fuq l-eżekuzzjoni tal-pieni tal-mewt f'dan il-pajjiż; jikkundanna l-fatt li l-Arabja Sawdija qed tkompli tapplika l-piena tal-mewt għal firxa wiesgħa ta' sitwazzjonijiet li hija tqis bħala reati, u b'mod partikolari l-omosesswalità, ir-reati li għandhom x'jaqsmu mad-droga, l-apostasija jew l-użu tal-maġija; jistieden bil-ħrara lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija li jwaqqfu mill-eżekuzzjoni ta' kull kastig korporali fil-pajjiż u jittrasponu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali l-istandards internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob, bl-istess mod, lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jeħilsu minnufih lill-priġunieri kollha ta' kuxjenza, b'mod partikolari lill-blogger Raïf Badawi;
5. Jilqa' r-rapporti annwali tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem; iqis fundamentali b'mod partikolari l-punti dwar il-kriżi ekonomika u l-impatt tagħha fuq in-nies, b'mod partikolari fir-rapport tal-2015: "L-inugwaljanzi dejjem jikbru u l-esklużjoni politika, ekonomika u soċjali tal-gruppi emarġinati kkawżaw ħsara lid-dinjità u d-drittijiet tal-popli f'ħafna pajjiżi u huma fil-biċċa l-kbira l-kaġun tal-inkwiet u tal-kunflitti msemmija hawn fuq. Id-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali u d-dritt għall-iżvilupp sofrew minħabba l-politiki ta' awsterità imposti b'mod sproporzjonat fuq il-foqra u l-emarġinati, kif ukoll il-korruzzjoni; ġie rrifjutat li tingħata prijorità lis-servizzi pubbliċi u li jiġi rikonoxxut id-dritt tal-popli li jieħdu sehem fid-deċiżjonijiet li jaffettwawlhom ħajjithom. Il-migranti komplew iġarrbu tbatija profonda u l-avvenimenti reċenti fuq il-baħar jixhdu stmellija ċinika fil-konfront tal-ħajja umana u tad-drittijiet tal-bniedem."; jitlob lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jagħmlu disponibbli riżorsi umani, materjali u finanzjarji biżżejjed għal operazzjonijiet li l-għan waħdieni tagħhom huwa s-salvataġġ fuq il-baħar; jitlob lill-Unjoni u lill-Istati Membri jiftħu mezzi legali għal dawk li jfittxu l-ażil, b'mod partikolari permezz ta' żieda sostanzjali tal-postijiet għar-risistemazzjoni tar-rifuġjati u l-ħruġ ta' viżi umanitarji, u jiżviluppaw kanali legali għall-immigrazzjoni ekonomika;
6. Jirrifjuta l-użu tal-kunċett ta' "responsabbiltà ta' protezzjoni", peress li jikser id-dritt internazzjonali u ma jipprovdix bażi ġuridika suffiċjenti biex tiġġustifika l-użu unilaterali tal-forza, f'ħafna każijiet bl-għan ta' bidla fir-reġim; jikkritika r-rwol li jassumu unilateralment l-istati b'saħħithom bħall-Istati Uniti jew l-organizzazzjonijiet bħan-NATO, ta' pulizija dinjija; jikkundanna wkoll l-hekk imsejħa "attakki mill-ajru mmirati" u l-introduzzjoni ta' truppi barranin fuq l-art; jikkundanna t-tentattiv tan-NATO li tieħu post il-kompiti ta' paċifikazzjoni u ta' stabbilizzazzjoni li jistgħu jiġu implimentati biss b'kunsens wiesa' fil-qafas tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti; jesprimi l-preokkupazzjoni kbira tiegħu dwar l-għadd li qed jiżdied ta' każijiet ta' reklutaġġ ta' tfal u żgħażagħ; ifakkar fil-bżonn li jiġu protetti b'mod partikolari t-tfal u n-nisa milquta mill-kunflitti armati;
7. Jikkundanna mill-ġdid ir-rikors wiesa' fil-qasam ta' politiki hekk imsejħa "ta' sigurtà" għal impriżi militari jew ta' sigurtà privati għad li din hija kwistjoni ta' kompetenzi sovrani li jaqgħu taħt l-awtorità esklużiva tal-Istat, u jitlob lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex itemmu dawn il-prattiki; iqis li l-impriżi militari u ta' sigurtà privati għandhom japplikaw, f'dan il-qasam u taħt ir-responsabbiltà tal-Istati, l-istandards fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fil-qasam tal-protezzjoni tad-data u r-rispett tal-ħajja privata; iqis li, f'dak li għandu x'jaqsam mat-trasferiment ta' missjonijiet tas-servizz pubbliku, l-Istati kif ukoll l-impriżi għandhom jinżammu responsabbli tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju mwettaq mill-persunal tal-impriżi tagħhom;
8. Jinsisti, barra minn hekk, fuq il-fatt li r-regolamentazzjoni dgħajfa, in-nuqqas ta' ċarezza u n-nuqqas ta' kontroll fir-rigward tal-kummerċ tal-armi kkawżaw tbatija umana, komplew ikabbru l-kunflitti armati, l-instabbiltà u l-korruzzjoni, waqfu l-proċessi ta' paċi u jwasslu għat-twaqqigħ ta' gvernijiet eletti demokratikament u għall-ksur tal-istat tad-dritt, tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali; jinsisti, għalhekk, li din il-kwistjoni tiġi indirizzata matul din is-sessjoni;
Drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali
9. Jilqa' l-importanza mogħtija mill-KDB lill-promozzjoni u lill-protezzjoni tad-drittijiet ekonomiċi u soċjali, u lill-kwistjoni tal-interdipendenza tad-drittijiet tal-bniedem; jissottolinja mill-ġdid il-ħtieġa li d-drittijiet ekonomiċi, soċjali, kulturali, ċiviċi u politiċi jiġu trattati bl-istess mod; jinsisti fuq il-fatt li r-rati għoljin ta' qgħad, iż-żieda fil-faqar u fl-esklużjoni soċjali, l-aċċess dejjem aktar diffiċli għal servizzi pubbliċi bi prezz li jintlaħaq fl-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni, id-djar, it-trasport u l-kultura u d-deterjorament tal-kwalità ta' dawn is-servizzi jirrappreżentaw sfidi importanti; jenfasizza li l-privatizzazzjonijiet u l-liberalizzazzjoni kkontribwew biex l-aċċess għal uħud minn dawn id-drittijiet imur għall-agħar, li din ix-xejra trid titreġġa' lura u li tqassim aħjar tal-ġid, salarji adegwati u impjiegi ta' kwalità huma modi importanti kif jiġu solvuti dawn il-problemi; josserva wkoll li l-pjanijiet ta' awsterità stabbiliti kemm fil-pajjiżi membri tal-Unjoni kif ukoll minn pajjiżi oħra, anke bi pressjoni min-naħa tal-Unjoni, komplew jaggravaw l-inugwaljanzi u l-faqar;
10. Jissottolinja, barra minn hekk, li l-introduzzjoni tal-klawżoli tad-demokrazija/drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet ta' kummerċ ħieles iffirmati mill-Unjoni mal-pajjiżi terzi kienet falliment, mhux biss peress li qajla ġew ikkunsidrati, iżda anke minħabba li dawn il-ftehimiet ta' kummerċ ħieles saħansitra rriżultaw fi ksur tad-drittijiet tal-bniedem ekonomiċi u soċjali, fit-tfaqqir tal-komunitajiet ikkonċernati u fil-monopolizzazzjoni tar-riżorsi minn kumpaniji multinazzjonali; iqis li, minbarra dawn il-klawżoli, jeħtieġ li jiġu implimentati forom ġodda ta' kooperazzjoni sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi terzi abbażi tal-bżonnijiet tal-popli tagħhom; iqis li, minbarra l-impatt tal-pjanijiet ta' awsterità fuq id-drittijiet tal-bniedem, il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti għandu wkoll janalizza u jikkundanna l-impatti tal-ftehimiet attwali ta' kummerċ ħieles;
11. Billi fid-dawl tal-Forum Ekonomiku Dinji, li jiltaqa' kull sena f'Jannar f'Davos, l-organizzazzjoni Oxfam sostniet li fl-2016, il-ġid akkumulat tal-iktar 1 % għonja fid-dinja, ser jeċċedi dak tad-99 % l-oħra; indika li, fl-2016, l-assi miżmuma madwar id-dinja mill-1 % l-iktar għonja jeċċedi il-50 %, meta mqabbel ma' 48 % fl-2015 u l-44 % fl-2009; jissottolinja li l-kriżi tikkonferma l-perikli tas-sistema ekonomika u politika attwali u li din kabbret l-inugwaljanzi soċjali – li diġà huma drammatiċi – favur il-persuni bl-ogħla dħul li qed jiżdiedu b'mod qawwi meta mqabbla mal-persuni bi dħul medju; iqis li l-kwistjoni tat-tqassim tal-ġid fid-dinja għandha tkun prijorità ewlenija tas-sessjonijiet tal-KDB fl-2016, għax hi l-ostakolu ewlieni għat-twettiq tad-drittijiet ekonomiċi u soċjali, u li d-delegazzjoni tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jintlaħaq dan l-għan;
12. Jenfasizza l-importanza tar-rapport dwar id-dritt għal alloġġ deċenti; jitlob lid-delegazzjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha biex tippromwovi d-dritt fundamentali għal akkomodazzjoni ta' kwalità għal kulħadd, mingħajr diskriminazzjoni, u biex tevalwa l-aċċess għall-akkomodazzjoni fl-Unjoni (speċjalment minn mindu bdiet il-kriżi u ġew stabbiliti miżuri ta' awsterità) bil-għan li jittieħed impenn li tissolva din il-problema endemika li kompliet tmur għall-agħar f'dawn l-aħħar snin; itenni l-ħtieġa li jiġu rekwiżizzjonati d-djar battala u li jieqfu t-tkeċċijiet biex tiġi indirizzata l-kriżi attwali f'għadd ta' Stati Membri;
13. Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rapport dwar id-dritt għall-ikel; jissottolinja li l-pajjiżi membri tan-Nazzjonijiet Uniti għandhom jippromwovu aktar l-aċċess għar-riżorsi naturali u vitali, l-aċċess għall-art kif ukoll għas-sovranità u s-sikurezza tal-ikel bħala strument biex jitnaqqsu l-faqar u l-qgħad; jiddeplora l-fatt li numru konsiderevoli ta' persuni m'għandhomx, jew m'għadx għandhom, aċċess għal ċerti riżorsi, inklużi kumditajiet bażiċi bħall-ilma, minħabba li dawn jikkapparrawhom impriżi jew entitajiet privati, li jistgħu jkunu appoġġati mill-awtoritajiet politiċi tal-Istati kkonċernati, aġir li jikkaġuna skarsezza tal-ikel u żieda fil-prezzijiet tal-oġġetti tal-ikel; jitlob, għalhekk, lid-delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri biex tieħu l-miżuri meħtieġa bil-għan li jintemm il-ħtif tar-riżorsi, inkluża l-art – speċjalment mill-impriżi Ewropej u biex jiġu appoġġati proposti fil-fora u fil-konferenzi internazzjonali u reġjonali (il-Bank Dinji, id-WTO, l-UNCTAD, l-FMI, l-OECD, eċċ.) favur ir-rikonoxximent ta' beni pubbliċi fundamentali u tal-inklużjoni tagħhom f'konvenzjoni speċifika tan-Nazzjonijiet Uniti; jitlob ukoll lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha biex jappoġġaw ir-Riżoluzzjoni 64/292 tat-28 ta' Lulju 2010 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li tirrikonoxxi l-ilma bħala dritt fundamentali u biex jagħmlu minn kollox ħalli din ir-riżoluzzjoni tiġi implimentata u tieħu forza vinkolanti;
14. Jissottolinja l-importanza tal-punt dwar l-"effetti tad-dejn estern u l-obbligi finanzjarji internazzjonali marbuta tal-Istati fuq l-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet kollha tal-bniedem" u huwa allarmat dwar il-fatt li l-imgħax fuq id-dejn tal-Istati llum jolqot il-parti l-kbira tal-pajjiżi u jservi bħala skuża biex jiġu stabbiliti pjanijiet ta' awsterità msejħa "pjanijiet ta' aġġustament strutturali"; itenni l-pożizzjoni tiegħu, b'mod partikolari f'dan il-kuntest ta' kriżi ekonomika u soċjali, favur il-maħfra tad-dejn għall-pajjiżi tat-tielet dinja iżda anke għall-pajjiżi (b'mod partikolari l-Istati Membri tal-Unjoni) li għandhom l-akbar diffikultajiet sabiex jiġi evitat li l-kriżi tmur għall-agħar u li tkun żgurata t-tgawdija reali tad-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali;
15. Jidhirlu li, meta jitqiesu r-responsabilitajiet tagħha u dawk ta' wħud mill-Istati Membri fis-sitwazzjoni ekonomika, soċjali u politika li wasslet għal rewwixti popolari fil-pajjiżi tal-hekk imsejħa "Rebbiegħa Għarbija", l-Unjoni Ewropea għandha tgħin lill-istituzzjonijiet ta' dawn il-pajjiżi biex iwettqu verifiki tad-dejn tagħhom, u b'mod partikolari d-dejn Ewropew, bil-għan li jidentifikaw il-parti illeġittima ta' dawn id-djun li ma marrux għall-benefiċċju tal-poplu, u tagħmel kull sforz biex tippermetti t-tħassir malajr ta' dawn id-djun illeġittimi; iħeġġeġ mill-ġdid lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha jagħmlu sforzi ġodda sinifikanti bl-għan li jiffaċilitaw ir-radd, fi żmien raġonevoli, tal-assi miżapproprjati mir-reġimi preċedenti lill-popli tal-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija; huwa mħasseb dwar il-kontinwità tal-linji gwida tas-sħubijiet fil-konfront tad-diskussjonijiet li saru preċedentement;
Drittijiet ċivili u politiċi
16. Jistieden lill-Istati kollha jiġġieldu kontra t-tortura, inkluż fit-territorju tal-Istati Membri; jitlob lid-delegazzjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha biex fid-diskussjoni dwar it-tortura u l-pieni u trattamenti diżumani u degradanti l-oħra jinkludu l-kwistjoni tal-projbizzjoni tal-kummerċ ta' prodotti li jafu li jistgħu jservu għal finijiet ta' tortura, kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll barra minnha;
17. Jistieden lid-delegazzjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha biex ittenni l-pożizzjoni tagħha kontra l-piena kapitali, favur l-abolizzjoni universali tagħha u favur il-ħolqien ta' moratorju minnufih fil-pajjiżi fejn għadha fis-seħħ; jinsab imħasseb minħabba li għadd ta' pajjiżi li kienu ssospendew il-piena kapitali reġgħu bdew l-eżekuzzjonijiet kapitali, jew saħansitra reġgħu daħħlu l-piena tal-mewt minħabba b'mod partikolari l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi;
18. Jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu trattati, matul din is-sessjoni tal-KDB, il-kwistjonijiet tal-libertà ta' assoċjazzjoni u tal-ġlieda kontra kull forma ta' ripressjoni, inkluż l-omiċidju ta' sindakalisti, ta' attivisti politiċi u tas-soċjetà ċivili, ta' artisti u ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;
19. Jinnota l-importanza mogħtija waqt il-31 sessjoni dwar il-libertà ta' reliġjon jew twemmin, u jtenni li bl-istess mod din timplika kemm id-dritt li wieħed jemmen u li ma jemminx kif ukoll dak tal-promozzjoni tat-twemmin reliġjuż u li wieħed jibdel it-twemmin tiegħu; jissottolinja mill-ġdid ir-rabta tiegħu mas-sekulariżmu bħala karatteristika fundamentali ta' ċerti Stati u kulturi u li huwa definit bħala s-separazzjoni stretta bejn l-awtoritajiet politiċi u reliġjużi, li timplika r-rifjut ta' kull tip ta' ndħil reliġjuż fil-funzjonament tal-gvern u kull tip ta' ndħil politiku fl-affarijiet reliġjużi, sakemm mhux għal skopijiet ta' osservanza tar-regoli tas-sigurtà u tal-ordni pubbliku (inkluż ir-rispett tad-dritt għal-libertà tal-oħrajn), u jiggarantixxi lil kulħadd (min jemmen, anjostiċi jew atei) l-istess libertà tal-kuxjenza u tal-espressjoni pubblika tat-twemmin;
Il-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-rispett tal-libertajiet fundamentali
20. Jinnota l-importanza mogħtija lir-rabta bejn it-terroriżmu u d-drittijiet tal-bniedem waqt din il-31 sessjoni; jikkundanna mill-ġdid l-attentati mwettqa mill-organizzazzjoni hekk imsejħa "Stat Iżlamiku" u mill-organizzazzjonijiet terroristiċi kollha, u jesprimi l-kondoljanzi l-aktar profondi tiegħu lill-vittmi ta' dawn ir-reati u lill-familji tagħhom; jenfasizza li l-ġlieda kontra t-terroriżmu fl-ebda każ ma għandha tintuża bħala skuża biex jiġu limitati l-libertajiet individwali u d-drittijiet fundamentali; iqis li r-rispons ta' "gwerra" mill-pajjiżi tal-Punent – l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti fuq quddiem – minflok inaqqas it-theddida terroristika, iżid il-mewġa ta' vjolenza; jenfasizza għal darb' oħra l-fatt li pjan effettiv tal-ġlieda kontra t-terroriżmu jista' jiġu implimentat biss meta jiġi newtralizzat il-finanzjament tal-organizzazzjonijiet terroristiċi, b'mod partikolari billi jiġi sospiż kull ftehim kummerċjali jew sħubija mal-pajjiżi li jappoġġjaw dawn l-organizzazzjonijiet; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza li jissaħħu s-servizzi pubbliċi ta' intelligence, ta' sigurtà u tal-ġustizzja, iżda wkoll il-ħtieġa li jiġu implementati programmi ta' prevenzjoni u taċ-ċentri ffinanzjati mill-awtoritajiet pubbliċi biex jidentifikaw b'mod proattiv il-metodi ta' reklutaġġ tas-setet terroristiċi, li jistgħu jtemmu l-mezzi ta' reklutaġġ u jippermettu l-integrazzjoni mill-ġdid tal-persuni reklutati; ifakkar li d-drittijiet mhux biss għas-sigurtà iżda wkoll għas-sikurezza huma fundamentali u jikkundanna kull politika pubblika li tiddiskrimina kontra parti mill-popolazzjoni tagħha abbażi tal-oriġini tagħha jew tar-reliġjon tagħha;
21. Iqis li huwa importanti ħafna l-punt dwar il-"protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu"; jinsab imħasseb bil-kbir minħabba d-deterjorament tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet politiċi bi skuża tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u, kulma jmur, kontra l-kriminalità serja mingħajr ma dawn il-kunċetti jiġu definiti b'mod ċar, inkluż fi ħdan l-Unjoni Ewropea jew fil-kuntest tal-ftehimiet speċifiċi ma' ċerti Stati li fihom l-istandards fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem mhumiex applikati; huwa mħasseb b'mod partikolari minħabba l-ksur f'dan il-qasam tan-normi dwar il-protezzjoni tad-data u r-rispett tal-ħajja privata;
22. Jikkunsidra li huwa partikolarment importanti r-rapport dwar id-dritt għall-privatezza fl-era diġitali; jiddeplora li t-teknoloġiji u s-servizzi tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, b'mod partikolari dawk Ewropej, jintużaw f'pajjiżi terzi biex jiksru d-drittijiet tal-bniedem, speċjalment permezz taċ-ċensura u s-sorveljanza tal-massa; jikkundanna bl-istess mod l-ispjunaġġ tal-massa mwettqa fuq miljuni ta' persuni minn National Security Agency tal-Istati Uniti; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-tixrid tat-teknoloġiji ta' sorveljanza u ta' filtrazzjoni, li jirrappreżentaw theddida dejjem akbar għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u spiss jippreġudikaw id-dritt għall-privatezza; jitlob li dawn il-preokkupazzjonijiet jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt dan l-istadju tas-sessjoni;
23. Jiddispjaċih li l-komunità internazzjonali għadha ma nedietx negozjati għall-konklużjoni ta' ftehim internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data personali li jista' jitnebbaħ mill-Konvenzjoni 108 tal-Kunsill tal-Ewropa, u jistieden lid-delegazzjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri biex taħdem għat-tħejjija ta' tali qafas, b'kollaborazzjoni mal-kontropartijiet internazzjonali tagħhom;
24. Jisħaq fuq l-importanza li titkompla l-ħidma fuq il-prattiki globali b'mod partikolari dwar l-użu tad-detenzjoni sigrieta fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu; jitlob lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jiżguraw segwitu adegwat tar-rapporti eżistenti, f'konformità mal-pożizzjonijiet adottati preċedentement mill-Parlament Ewropew dwar din il-kwistjoni, speċjalment fir-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar l-użu mis-CIA ta' pajjiżi Ewropej għat-trasport, id-detenzjoni illegali u t-tortura tal-priġunieri; bl-istess mod jikkundanna l-użu sistematiku tat-tortura mill-Istati Uniti fil-bażi militari ta' Guantanamo; jenfasizza mill-ġdid il-karattru illegali ta' din il-bażi; jitlob li din tingħalaq u li tiġi rritornata l-integrità territorjali ta' Kuba;
Il-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni
25. Iqis essenzjali l-attenzjoni mogħtija fl-2016 għat-tisħiħ tal-ugwaljanza u tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjonijiet, tkunx ibbażata fuq ir-razza, l-appartenenza għal minoranza, is-sess, l-orjentazzjoni jew l-identità sesswali, jew inkella fuq id-diżabbiltà; jissottolinja li f'dan il-qasam ukoll l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jeħtiġilhom jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-OHCHR; jenfasizza b'mod partikolari l-importanza, f'din il-31 sessjoni tal-panel ta' diskussjoni dwar l-inkompatibilità bejn id-demokrazija u r-razziżmu;
26. Jilqa' l-importanza mogħtija lill-kwistjoni ta' razziżmu u tad-diskriminazzjonijiet fis-sessjonijiet tal-2016 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem; jikkundanna mill-ġdid il-vjolenza razzista, antisemitika, omofobika, ksenofobika u kontra l-migranti, li laħqet livelli allarmanti f'ċerti Stati Membri, fin-nuqqas ta' azzjonijiet qawwija min-naħa tal-awtoritajiet; jinsab inkwetat mill-mewġa dejjem tikber ta' diskors ta' mibegħda u stigmatizzazzjoni fir-rigward tal-minoranzi u l-gruppi ta' nies u l-influwenza dejjem tikber tagħhom fil-midja u f'numru ta' movimenti u partiti politiċi fl-ogħla livell ta' responsabbiltà politika f'ċerti Stati Membri u li wasslet b'mod partikolari għal liġijiet restrittivi;
27. Iqis wkoll fundamentali l-attenzjoni li ser tingħata, fit-32 sessjoni tal-KDB (tat-13 ta' Ġunju sal-1 ta' Lulju 2016), lill-kwistjonijiet ta' diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-eliminazzjoni tal-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa; jissottolinja li l-aċċess universali għas-saħħa kif ukoll għall-kura riproduttiva għandu jibqa' prijorità politika, inkluż l-aċċess liberu għall-edukazzjoni sesswali, għall-metodi ta' kontraċezzjoni u għad-dritt għall-abort; jissottolinja l-fatt li l-qerda tal-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet, kif ukoll il-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali u t-traffikar tal-bnedmin, għandhom ikunu prijorità u għandu jkollhom l-objettiv tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa; jitlob għalhekk lill-KDB u lill-komunità internazzjonali biex jimplimentaw il-proċessi ICPD+20, Beijing +20 u Rio +20; jenfasizza wkoll l-importanza għall-Istati Membri tal-Unjoni li japplikaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-KDB tal-2002 dwar il-protezzjoni internazzjonali f'dak li jikkonċerna l-persekuzzjonijiet b'rabta mas-sess, u b'mod partikolari fil-kuntest tal-politiki ta' immigrazzjoni;
28. Jilqa' l-importanza mogħtija lid-drittijiet tat-tfal waqt il-31 sessjoni u r-rieda, wara l-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni 25/6, li jiġu mmonitorati mill-qrib il-kwistjonijiet dwar il-bejgħ tat-tfal, il-prostituzzjoni u l-pornografija tat-tfal;
29. Jitlob lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha jistinkaw bi prijorità għal azzjonijiet konkreti min-naħa tal-KDB maħsuba biex itemmu l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li jaffettwaw lill-popolazzjoni ċivili u speċjalment lin-nisa u lit-tfal f'sitwazzjonijiet ta' gwerra u ta' kunflitt vjolenti; jitlob li jiġu implimentati azzjonijiet prijoritarji speċjalment biex jintemm ir-reklutaġġ ta' suldati tfal u biex tiġi żgurata l-protezzjoni tagħhom;
30. Jiddispjaċih li l-kwistjonijiet b'rabta mad-drittijiet tal-persuni LGBTI mhumiex ser jiġu diskussi fil-Konferenzi tal-2016 tal-KDB; jikkundanna l-vjolenza u d-diskriminazzjoni li huma soġġetti għalihom il-persuni LGBTI madwar id-dinja; jikkundanna b'mod partikolari l-isterilizzazzjoni furzata tal-persuni transġeneru, li għadha tiġri f'ċertu numru ta' Stati, anke fl-Unjoni, u jappella biex dan il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem jintemm minnufih; jistieden lill-pajjiżi kollha tad-dinja jirriflettu dwar mezzi kif id-dritt dwar il-familja tagħhom jiġi adattat għall-evoluzzjoni tal-modi u l-forom familjari tal-lum, inkluż il-possibilità ta' unjoni u ta' adozzjoni għall-persuni tal-istess sess; jissottolinja l-fatt li l-leżbjani spiss isofru minn diskriminazzjoni multipla (kemm bħala nisa u kemm bħala leżbjani), u li l-azzjonijiet favur l-ugwaljanza għall-persuni LGBTI għandhom imorru id f'id ma' azzjonijiet għall-ugwaljanza tan-nisa u l-bniet b'mod li l-għanijiet finali jkunu l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni; jesprimi t-tħassib tiegħu rigward iż-żieda reċenti ta' liġijiet, prattiki u atti ta' vjolenza indirizzati kontra individwi abbażi tal-orjentament sesswali u s-sess tagħhom; jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għat-tkomplija tal-ħidma tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha mill-persuni LGBTI, b'mod partikolari permezz ta' dikjarazzjonijiet, rapporti u l-kampanja Libertà u Ugwaljanza; jinkoraġġixxi lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti jkompli l-ġlieda kontra l-liġijiet u l-prattiki diskriminatorji;
Id-drittijiet tal-bniedem u l-migrazzjoni
31. Jikkundanna l-impatt tal-politiki ta' esternalizzazzjoni tal-fruntieri tal-Unjoni Ewropea, li jirriżultaw f'riskju akbar għal persuni li jivvjaġġaw lejn l-Ewropa fit-tfittxija għas-sigurtà u li bħala konsegwenza żiedu l-għadd ta' mwiet fuq il-baħar u fuq l-art ta' persuni fi triqthom lejn l-Ewropa; jiddeplora f'dan ir-rigward, il-mewt jew l-għajbien ta' aktar minn 25 000 persuna fil-baħar tal-Mediterran, li minnhom mill-inqas 3 771 fl-2015, li wassal biex l-Ewropa tkun l-aktar rotta migratorja perikoluża fid-dinja skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni;
32. Jenfasizza l-ħtieġa għall-Unjoni Ewropea li tibbaża kwalunkwe politika ta' migrazzjoni, inkluż dik tal-kontroll tal-fruntieri, fuq approċċ konsistenti u armonizzat ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem f'konformità mal-impenji internazzjonali tagħha; jikkundanna, f'dan ir-rigward, il-"Proċess ta' Khartoum", li jinvolvi kooperazzjoni ma', b'mod partikolari, ir-reġimi tal-Eritrea u tas-Sudan fil-qasam tal-"ġestjoni tal-migrazzjoni"; jitlob għal darb'oħra lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jimplimentaw il-klawżoli dwar "id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem" fil-ftehimiet internazzjonali kollha, tkun xi tkun in-natura tagħhom, u jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-politiki interni u esterni tagħhom stess, peress li n-nuqqas ta' dan idgħajjef il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fi ħdan il-KDB u fi kwalunkwe forum internazzjonali li jindirizza d-drittijiet tal-bniedem;
33. Jitlob lid-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha theġġeġ lill-komunità internazzjonali tiżviluppa mezzi ta' aċċess legali u sikuri għall-migranti u għal dawk li jfittxu l-ażil, b'mod partikolari permezz tal-għoti ta' viżi umanitari u ta' postijiet ta' risistemazzjoni; jistieden lill-Istati Membri tal-Unjoni biex jagħmlu dan b'urġenza;
Id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent
34. Iqis, bl-istess mod, li huwa estremament importanti l-punt dwar id-drittijiet tal-bniedem u dwar l-ambjent, u jqis li dan huwa marbut intrinsikament mad-drittijiet tal-popli li jagħmlu użu mir-riżorsi naturali proprji, mill-artijiet tagħhom u minn sistema ambjentali sostenibbli; iqis, għaldaqstant, li huwa fundamentali li jiġi ratifikat u implimentat minn kulħadd il-proċess ta' Kjoto, kif ukoll konvenzjonijiet internazzjonali oħra li jippermettu t-tgawdija effettiva ta' dawn id-drittijiet;
35. Jaqsam l-istess opinjoni tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, li jqabbel it-tibdil fil-klima kkawżata mill-bniedem ma' piromaniku li jagħti n-nar lid-dar tiegħu stess; iqis li l-ftehimiet milħuqa fil-COP 21 f'Pariġi jibqgħu insuffiċjenti biex titwaqqaf il-bidla fil-klima u jiġu mħarsa d-drittijiet soċjali u ambjentali tal-popli; jistieden lid-delegazzjoni tal-UE u lir-rappreżentanti tal-Istati Membri biex jappoġġjaw, fil-KDB, il-proposta għall-ħolqien ta' qorti internazzjonali tal-ġustizzja ambjentali taħt il-patroċinju tan-Nazzjonijiet Uniti u biex issir ħidma għall-istabbiliment ta' strument ġuridiku vinkolanti sabiex jiġu ssanzjonati l-Istati u l-impriżi li jniġġsu l-aktar;
36. Ifakkar li fl-2014 ġew spustjati 17.5 miljun persuna minħabba diżastri relatati mal-klima; ifakkar li dawn l-ispostamenti primarjament jolqtu reġjuni tan-Nofsinhar, li huma dawk l-aktar esposti għal impatti tat-tibdil fil-klima; jindika li 85 % ta' dawn l-ispostamenti jseħħu fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u huma spostamenti essenzjalment interni jew intrareġjonali; ifakkar li skont l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju l-Istati Membri tal-UE impenjaw ruħhom li jallokaw 0.7 % tad-DNG għall-finanzjament tal-għajnuna għall-iżvilupp; jiddispjaċiha li ħafna Stati Membri tal-Unjoni ma laħqux il-mira ta' 0.7 % tad-DNG tagħhom u li xi uħud minnhom baxxew il-persentaġġ tagħhom ta' għajnuna għall-iżvilupp; jiddispjaċih dwar it-tnaqqis fil-parteċipazzjoni ta' Stati Membri fi programmi ta' għajnuna ta' ikel; jitlob li l-għajnuna tal-Unjoni u tal-Istati Membri ssir fil-forma ta' għotjiet mhux self sabiex ma jkomplux iżidu mal-piż tad-dejn; jitlob li l-għajnuna għall-iżvilupp ma tkunx strumentalizzata sabiex tagħlaq u tikontrolla l-fruntieri jew issir r-ripatriazzjoni tal-migranti;
37. Jenfasizza li n-Nazzjonijiet Uniti jikkalkulaw li 200 miljun persuna huma spustjati għal raġunijiet klimatiċi minn issa sal-2050; jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ komprensiv li jindirizza l-problemi tat-tibdil fil-klima, tal-faqar, tat-tħaddim u tal-aċċess għar-riżorsi, kif ukoll tal-ġlieda kontra l-ħtif tal-art u tal-ġid mill-kumpaniji multinazzjonali biex ikun possibbli l-iżvilupp u l-aċċess tal-populazzjonijiet għall-prodotti, drittijiet u servizzi bażiċi; jistieden lid-delegazzjoni tal-Unjoni fil-KDB u lir-rappreżentanti tal-Istati Membri li jipparteċipaw b'mod attiv fid-dibattitu dwar it-terminu "refuġjat minħabba l-klima", bil-għan li tiġi żviluppata definizzjoni legalment vinkolanti skont id-dritt internazzjonali;
Id-drittijiet tal-popli għall-awtodeterminazzjoni u sitwazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem li jeħtieġu l-attenzjoni tal-Kunsill
38. Jissottolinja mill-ġdid id-dritt inaljenabbli għall-awtodeterminazzjoni li għandhom il-popli u d-dritt li jagħżlu l-orjentazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u soċjali tagħhom mingħajr indħil minn barra; jitlob lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha biex, fl-okkażjoni tas-sessjonijiet tal-KDB, jippromwovu vigorożament dan id-dritt minflok il-politiki attwali; barra minn hekk, jirrifjuta l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti fuq il-pajjiżi terzi bl-għan li jipproteġu l-interessi ekonomiċi u ġeopolitiċi tagħhhom irrispettivament mis-sitwazzjoni umanitarja;
39. Jesprimi mill-ġdid it-tħassib tiegħu fir-rigward tad-deterjorament tas-sitwazzjoni tad-difensuri, l-attivisti, l-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll ta' dik tal-ġurnalisti, f'forom differenti u f'livelli differenti fid-dinja kollha, u anke fi ħdan l-Unjoni Ewropea;
40. Jenfasizza l-importanza li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali tal-popli indiġeni u tribali kif definit fil-Konvenzjoni 169 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol;
41. Huwa mħasseb minħabba d-deterjorament tas-sitwazzjoni umanitarja u ta' sigurtà fis-Sirja kaġun tal-okkupazzjoni ta' parti sinifikanti tat-territorju mill-organizzazzjoni msejħa "l-Istat Iżlamiku"; itenni l-kundanna qawwija tiegħu tal-ksur sistematiċi tad-drittijiet tal-bniedem mwettqa mill-organizzazzjonijiet terroristiċi; huwa mħasseb b'mod partikolari dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mir-reġim Sirjan, inklużi l-ksur tal-libertà ta' espressjoni, id-detenzjonijiet arbitrarji u r-ripressjoni ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li l-kunflitt kompla jiħrax minħabba l-kummerċ u l-provvista tal-armi; jikkundanna b'mod qawwi d-diversi interventi tal-Punent ta' dawn l-aħħar snin, li kellhom effett drammatiku fit-trawwim tar-radikalizzazzjoni tal-individwi, speċjalment fil-Lvant Nofsani u fil-pajjiżi tal-viċinat tan-Nofsinhar; jikkundanna bil-qawwa l-appoġġ dirett jew indirett mill-Istati Uniti, l-Unjoni Ewropea, in-NATO u l-monarkiji tal-Golf li taw u li jkomplu jagħtu lil gruppi terroristiċi; jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi għal djalogu politiku taħt il-patroċinju tan-Nazzjonijiet Uniti biex tingħeleb il-kriżi politika fil-pajjiż u jenfasizza li sabiex tkun effettiva, trid tinkludi wkoll membri tal-oppożizzjoni paċifika lir-reġim Sirjan;
42. Jikkonstata li s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran tkompli tkun preokkupanti; jikkundanna r-ripressjoni fir-rigward tad-dimostranti u tad-dissidenti paċifiċi (inklużi l-istudenti, l-akkademiċi universitarji jew id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem), id-difensuri tad-drittijiet tan-nisa, il-ġuristi, il-ġurnalisti, il-bloggers u r-reliġjużi li hija komuni f'dan il-pajjiż; jissottolinja r-rwol fundamentali li għandha tiżvolġi l-komunità internazzjonali biex tiggarantixxi l-paċi; huwa mħasseb dwar in-numru ta' priġunieri politiċi u priġunieri minħabba twemmin, in-numru kostantement għoli ta' eżekuzzjonijiet, inkluż ta' minuri, it-tortura, il-proċessi inġusti u s-somom eżorbitanti mitluba għal pleġġ, kif ukoll ir-restrizzjonijiet qawwija fuq il-libertà tal-informazzjoni, tal-espressjoni, tal-għaqda, tar-reliġjon, tal-edukazzjoni u tal-moviment;
43. Jilqa' b'sodisfazzjoni l-fatt li seħħew elezzjonijiet ħielsa fit-8 ta' Novembru 2015 f'Mjanmar/fil-Burma, li jikkostitwixxi pass importanti fl-iżvilupp demokratiku tal-pajjiż; jibqa' madankollu imħasseb dwar il-qafas kostituzzjonali ta' dawk l-elezzjonijiet, li rriżerva 25 % tas-siġġijiet fil-Parlament għall-militar; jirrikonoxxi l-progress li sar s'issa fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, waqt li jenfasizza għadd ta' nuqqasijiet li għad baqa', b'mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet tal-minoranzi u l-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' assemblea paċifika; jikkundanna d-diskriminazzjoni kontra r-Rohingya, li hija aggravata mill-fatt li din il-komunità m'għandhiex status ġuridiku u biż-żieda ta' diskors ta' mibegħda kontra l-persuni li mhumiex buddisti; jappella għal investigazzjoni bir-reqqa, trasparenti u indipendenti dwar l-allegazzjonijiet kollha tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem kontra r-Rohingya u jqis li l-erba' liġijiet adottati mill-Parlament fl-2015 li għandhom l-għan li "jipproteġu r-razza u r-reliġjon" għandhom aspetti partikolarment diskriminatorji, b'mod partikolari fir-rigward tas-sess; itenni t-talba tiegħu li l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) jkun awtorizzat iwaqqaf Rappreżentanza fil-pajjiż;
44. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sejbiet li jinsabu fir-rapporti tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukrajna; jikkundanna l-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt internazzjonali mill-partijiet kollha fil-kunflitt fil-gwerra fil-Lvant tal-pajjiż, inklużi l-għejbien, id-detenzjonijiet arbitrarji, it-tortura u t-trattament ħażin ta' persuni ssuspettati ta' intrużjoni kontra l-integrità territorjali, it-terroriżmu jew li huma sostenituri tar-"Repubblika Popolari ta' Donetsk" u tar-"Repubblika Popolari ta' Lugansk"; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-fatt li l-persunal tal-pulizija u tas-sigurtà jgawdi minn grad għoli ta' impunità; jikkundanna bil-qawwa l-projbizzjoni tal-partit komunista tal-Ukrajna minn qorti amministrattiva distrettwali ta' Kiev; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-attakki fuq il-libertà tal-espressjoni u kontra l-partiti politiċi demokratiċi fl-Ukrajna; jistieden lid-delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-KDB kif ukoll lir-rappreżentanti tal-Istati Membri li jikkundannaw bil-qawwa dan l-attakk serju fuq id-demokrazija fil-pajjiż; huwa mħasseb dwar is-sitwazzjoni soċjali fl-Ukrajna fejn, skont il-Ministeru għall-politika soċjali tal-pajjiż, bejn 20 u 25 % tal-unitajiet domestiċi fl-Ukrajna spiċċaw fil-faqar bħala riżultat tal-politika attwali tal-gvern;
45. Jesprimi tħassib profond rigward il-kunflitt kontinwu fis-Sudan t'Isfel; jappella għal waqfien mill-ġlied immedjat bejn il-partijiet f'kunflitt, u jesprimi l-appoġġ tiegħu għal medjazzjoni newtrali li tippermetti l-ilħuq ta' ftehim fl-iqsar żmien possibbli; jitlob li tingħata għajnuna umanitarja aktar sinifikanti għall-popolazzjoni ċivili maqbuda fil-ġlied u dawk li qed jaħarbu mir-reġjun; jistieden lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha biex jirrispettaw il-prinċipju ta' non-refoulement (prinċipju li ma jsirx respinġiment) billi jinfetħu l-fruntieri tagħhom lir-refuġjati li qed jaħarbu l-kriżi li hemm fis-Sudan t'Isfel; jitlob bl-istess mod li jittieħed impenn internazzjonali biex titwaqqaf kwalunkwe kunsinna ta' armi jew ta' tagħmir militari lejn is-Sudan t'Isfel, u biex tiqaf kull esportazzjoni tal-armi lejn ir-reġjun;
46. Jinsab allarmat bis-sitwazzjoni ta' kriżi fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (RĊA) sa mill-2003; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi ta' dawn il-kunflitti; ittenni l-appoġġ tiegħu għall-indipendenza, l-unità u l-integrità territorjali tar-RĊA; itenni għal darb' oħra l-appoġġ qawwi tiegħu għall-implimentazzjoni tal-ftehim ta' waqfien mill-ġlied ta' Brazzaville, għall-bidu tal-proċess ta' "diżarm, demobilizzazzjoni, rikonċiljazzjoni" (DDR), fl-elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali pluralisti u trasparenti li jmiss, kif ukoll għal azzjonijiet konkreti għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; ifakkar fl-importanza tad-dritt tal-popli għall-awtodeterminazzjoni mingħajr indħil minn barra; jitlob l-irtirar malajr ta' truppi Franċiżi mir-RĊA u l-għeluq ta' bażijiet militari barranin permanenti preżenti fit-territorju tagħha; jitlob għal kontroll aħjar tal-forzi tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll għal investigazzjoni bir-reqqa, imparzjali u trasparenti dwar l-allegazzjonijiet ta' abbużi jew ta' reati mwettqa; huwa partikolarment imħasseb dwar il-possibbiltà ta' kumpaniji transnazzjonali fir-RĊA, b'mod partikolari impriżi ta' estrazzjoni ta' ħaġar prezzjuż u ta' injam; ifakkar id-dritt inaljenabbli tal-popli biex jiddisponu mir-riżorsi naturali tagħhom u l-obbligu fuq l-impriżi li jikkonformaw mad-dritt internazzjonali; jisħaq dwar l-importanza li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, b'mod partikolari fil-KDB, jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ fit-tħejjija min-Nazzjonijiet Uniti ta' strument vinkolanti kontra impriżi li ma jirrispettawx id-drittijiet tal-bniedem;
47. Jilqa' l-attenzjoni partikolari mogħtija lil Ħaiti matul din il-31 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem; jiddeplora s-sitwazzjoni umanitarja f'dan il-pajjiż, li għadha drammatika, u l-fatt li l-ħsara li saret mill-uragani tal-2010 għadha ma tranġatx; jissottolinja l-fatt li s-sitwazzjoni ta' faqar estrem tal-pajjiż amplifikat l-effetti qerrieda tad-diżastri naturali u ħolqot l-ikbar kriżi umanitarja f'dawn l-aħħar deċennji; jikkundanna mill-ġdid id-dejn u l-obbligu kolossali li dan jiġi onorat, li qed jiġu imposti fuq il-pajjiż minn Franza u mill-istituzzjonijiet internazzjonali (prinċipalment il-Fond Monetarju Internazzjonali), li huma responsabbli għan-nuqqas ta' żvilupp tal-pajjiż; jilqa' s-solidarjetà internazzjonali biex tingħata għajnuna lil Ħaiti, l-ewwelnett is-solidarjetà reġonali, u partikolarment minn Kuba permezz ta' tobba u persunal speċjalizzat, li trattaw għexieren ta' eluf ta' persuni għall-kolera, l-appoġġ finanzjarju permezz tal-Fond Umanitarju tal-ALBA għal Ħaiti, it-tkomplija tal-appoġġ fil-qasam tal-enerġija permezz ta' Petrocaribe u l-ħolqien ta' pjan speċjali għall-forniment dirett ta' fjuwil għall-vetturi ta' assistenza umanitarja, inizjattivi agrikoli għall-provvista ta' ikel u pjanijiet ta' produzzjoni, kif ukoll il-kampanja ta' riforestazzjoni; jeżiġi li tinfetaħ inkjesta dwar il-fatt li ċerta għajnuna, partikolarment dik tal-Unjoni Ewropea, jista' jkun li qatt ma waslet Ħaiti, kif ukoll inkjesta dwar l-effikaċja tan-netwerk għat-tqassim tal-għajnuna; jitlob ukoll rendikont tal-għajnuna li fil-fatt ingħatat;
48. Jenfasizza l-importanza tad-diskussjonijiet tal-KDB dwar il-kriżi fil-Burundi; jiddikjara ruħu ferm imħasseb dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiż, u jenfasizza li din jista' jkollha konsegwenzi drammatiċi għar-reġjun kollu kemm hu; jitlob li jiġi rrispettat il-Patt dwar is-Sigurtà, l-Istabbiltà u l-Iżvilupp fir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar, kif ukoll tal-Protokoll dwar Non-Aggressjoni u Difiża Reċiproka; huwa tal-fehma li l-kriżi attwali tista' tingħeleb biss permezz ta' djalogu politiku fil-livell nazzjonali u reġjonali u taħt l-ebda ċirkostanza m'għandha tintuża bħala skuża għal intervent militari ġdid fir-reġjun; iqis li l-problemi tal-Burundi jistgħu jissolvew fil-pajjiż biss billi jiġu żgurati l-istess drittijiet għaċ-ċittadini kollha, billi jiġu indirizzati l-problemi li jinvolvu l-kontroll tal-art agrikola għammiela, il-qgħad u l-faqar, billi jiġu miġġielda l-korruzzjoni, il-faqar, l-inugwaljanzi u d-diskriminazzjoni, u billi jiġu promossi riformi soċjali, politiċi u ekonomiċi sabiex jinħoloq Stat liberu, demokratiku u stabbli;
49. Jiddispjaċih li s-sitwazzjoni fl-Amerika Latina, b'mod partikolari fil-Ħonduras u l-Paragwaj, ma ġietx inkluża fl-aġenda ta' din id-diskussjoni; jitlob li s-sitwazzjoni tad-drittjiet tal-bniedem fil-Ħonduras u l-Paragwaj mill-kolpi ta' stat 'l hawn tiġi ssorveljata tassew u li jsir minn kollox biex jiġu stabbiliti mill-ġdid id-demokrazija u l-istat tad-dritt f'dawn il-pajjiżi; jitlob lid-delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha biex jaħdmu favur il-kundanna tal-kolpi ta' stat, biex ma jirrikonoxxux il-gvernijiet "de facto" u biex jeżiġu li dawk responsabbli jittellgħu l-qorti; jitlob ukoll li ssir inkjesta dwar it-tentattivi ta' kolp ta' stat u ta' destabbilizzazzjoni f'pajjiżi oħra tal-Amerika Latina (bħall-Ekwador jew il-Venezwela) u li tiġi esposta r-responsabbiltà ta' kull wieħed minnhom, inklużi pajjiżi terzi;
50. Jiddispjaċih, bl-istess mod, li l-kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Messiku mhijiex qed tiġi indirizzata matul din is-sessjoni filwaqt li l-għajbien u l-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji – kif ukoll għadd kbir ta' femminiċidji – qed jiżdiedu b'rata kbira u li r-responsabbiltà tal-awtoritajiet ġiet ippruvata; huwa estremament preokkupat dwar l-impunità li tirrenja fil-Messiku, fejn aktar minn 22 000 ruħ għebu, aktar minn nofshom f'dawn l-aħħar snin, iżda fejn 98 % tar-reati jibqgħu ma jiġux ikkastigati; jikkundanna l-kriminalizzazzjoni u r-ripressjoni ta' studenti, ġurnalisti, attivisti soċjali, kif ukoll ta' mexxejja nazzjonali u ta' sindakalisti fil-pajjiż, inklużi l-għajbien u l-omiċidji; jitlob li d-delegazzjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri fil-31 sessjoni tal-KDB għandha tappoġġja t-talbiet tal-NGOs sabiex l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) u t-Tribunal tal-Aja jagħtu attenzjoni partikolari għar-reati mwettqa fil-Messiku u, fejn xieraq, jiftħu investigazzjoni internazzjonali;
51. Jiddispaċih, bl-istess mod, li l-kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija ma ġietx inkluża fl-aġenda; jikkundanna b'mod partikolari d-deterjorament tas-sitwazzjoni demokratika f'dan il-pajjiż u ż-żieda tar-ripressjoni fir-rigward tad-demokratiċi, tal-eletti u l-attivisti politiċi, tas-sindakalisti, tal-ġurnalisti, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-artisti; josserva li din ir-ripressjoni hija partikolarment immirata lejn il-Kurdi, sa fejn il-Gvern Tork iwettaq offensiva militari vera mhux biss kontra l-politiċi, iżda wkoll kontra l-popolazzjoni ċivili; jitlob lid-delegazzjoni tal-Unjoni tieħu ħsieb li dan id-dibattitu jitqajjem waqt il-31 sessjoni tal-KDB u li jingħata appoġġ espliċitu għat-tnedija mill-ġdid tad-diskussjonijiet dwar il-proċess ta' paċi;
52. Jenfasizza l-importanza li tiġi indirizzata, f'waħda mis-sessjonijiet tal-2016 tal-KDB, il-kwistjoni ta' Djibouti, fejn ir-ripressjoni kontra attivisti politiċi u tas-soċjetà ċivili intensifikat ruħha, b'aktar minn 300 arrest arbitrarju bejn Ottubru u Diċembru 2015; jistieden lid-delegazzjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha biex titlob it-tmiem immedjat tal-vjolenza u l-ħelsien tal-priġunieri politiċi kollha u b'mod partikolari l-ixjeħ fosthom, Mohamed Ahmed magħruf bħala Jabha, u Omar Ali Ewado, membru fundatur tal-Lega tad-drittijiet tal-bniedem tad-Djibouti (LDBD), u jitlob l-investigazzjoni internazzjonali taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti, dwar il-massakri ta' Buldhuqo (Diċembru 2015) u ta' Arhiba (Diċembru 1991), kif ukoll r-reati l-oħra tal-massa fil-pajjiż, sabiex il-persuni responsabbli jinġiebu quddiem il-ġustizzja u jgħaddu minn proċeduri kriminali;
53. Jilqa' l-attenzjoni partikolari mogħtija f'dawn l-aħħar snin mill-KDB lis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Palestina u fit-territorji Għarab okkupati l-oħra, b'mod partikolari rigward id-dritt tal-poplu Palestinjan għall-awtodeterminazzjoni, u t-twaqqif ta' Stat indipendenti u sostenibbli fuq il-bażi tal-fruntieri tal-1967; iħeġġeġ bil-qawwa lid-delegazzjoni tal-Unjoni biex tikkundanna kull għamla ta' kolonjaliżmu, speċjalment fil-Palestina, kemm fix-Xatt tal-Punent kif ukoll f'Ġerusalemm tal-Lvant, fejn dan qed jikber b'mod kostanti; jikkundanna bl-istess mod il-vjolenza tal-kolonizzaturi kontra l-popolazzjoni Palestinjana, b'mod partikolari f'Ħebron, u l-pjanijiet tal-ispostament furzat tal-Bedwini;
54. Itenni l-importanza tar-rapport tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-territorji Palestinjani fejn qal li "l-politika ta' Iżrael fix-Xatt tal-Punent, u fl-Istrixxa ta' Gaża jidher li qed twassal għall-apartheid, dovut għall-oppressjoni sistematika tal-poplu Palestinjan u l-esproprjazzjoni de facto tal-artijietu"; jikkundanna l-ksur mill-forzi armati Iżraeljani tad-drittijiet fundamentali tal-Palestinjani, kif ukoll it-tindif etniku f'Ġerusalemm tal-Lvant, bit-tentattiv tal-awtoritajiet Iżraeljani li Ġerusalemm jagħmluha belt Lhudija, sabiex japproprjawha; jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Iżrael ipprojbixxa b'mod kontinwu l-aċċess għat-territorji Palestinjani okkupati mir-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti, li ġelha tirreżenja f'Jannar 2016, u jistieden lid-Delegazzjoni tal-Unjoni fil-KDB u għar-rappreżentanzi tal-Istati Membri biex jagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet Iżraeljani sabiex il-mandat tan-Nazzjonijiet Uniti jkun jista' jiġi implimentat;
55. Jikkundanna l-qagħda tal-priġunieri Palestinjani fil-ħabsijiet Iżraeljani; jitlob lill-Istat ta' Iżrael biex ittemm immedjatament il-prattika ta' priġunerija tal-massa, li kompliet tiżdied fl-2015, b'aktar minn 6 000 persuna fil-ħabs, li minnhom parti importanti huma minuri; jikkundanna bl-istess mod l-eżekuzzjonijiet extra-ġudizzjarji, id-detenzjonijiet amministrattivi, it-trasferimenti ta' priġunieri politiċi lil hinn mit-territorji okkupati – li b'hekk iċaħħduhom minn żjajjar minn membri tal-familji – , it-trattament ħażin, it-tortura u t-tmigħ furzat ta' priġunieri, u ċ-ċaħda ta' trattament mediku adegwat u xieraq, kif ukoll tal-miżuri kollha li jikkostitwixxu ksur flagranti tad-dritt internazzjonali; itenni l-kundanna tiegħu ta' kull forma ta' tortura u ta' trattament ħażin; jitlob lill-Iżrael jiggarantixxi immedjatament l-osservanza tiegħu tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra t-Tortura, li huwa parti għaliha; jikkundanna d-detenzjoni u t-trattament ħażin tat-tfal u jeżiġi l-ħelsien immedjat tan-nisa u tat-tfal miżmumin il-ħabs; jikkundanna l-mod kif jiġu ttrattati t-tfal mill-qrati Iżraeljani; jitlob bl-istess mod il-ħelsien immedjat tal-Membri parlamentari li jinstabu l-ħabs, b'mod partikolari Khalida Jarrar u Marwan Barghouti;
56. Huwa wkoll estremament imħasseb dwar ir-restrizzjoni tal-libertajiet ċivili u politiċi f'Iżrael, u b'mod partikolari mid-diversi liġijiet dwar l-NGOs, li jimminaw il-libertà ta' assoċjazzjoni, ta' assemblea u ta' organizzazzjoni; jikkundanna wkoll id-diskriminazzjoni msaħħa kontra l-minoritajiet fil-pajjiż, b'mod partikolari l-minoranza"Għarbija";
57. Jiddeplora l-fatt li l-kwistjoni tas-Saħara tal-Punent mhijiex fl-aġenda tas-sessjonijiet tal-2016 tal-KDB; jissottolinja mill-ġdid il-fatt li l-kunflitt tas-Saħara tal-Punent huwa kwistjoni ta' dekolonizzazzjoni u li, skont id-dritt internazzjonali, ir-Renju tal-Marokk m'għandu l-ebda sovranità fuq is-Saħara tal-Punent u huwa meqjus bħala potenza okkupanti; jikkundanna l-ksur kostanti tad-drittijiet tal-bniedem tal-poplu Saħarawi; jitlob li d-drittijiet fundamentali tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, inklużi l-libertà ta' assoċjazzjoni, il-libertà tal-espressjoni u d-dritt li jipprotestaw, jiġu mħarsa; jitlob il-ħelsien immedjat tal-priġunieri politiċi kollha tas-Saħara tal-Punent u, b'urġenza, il-membri tal-grupp ta' Gdeim Izik ikkundannati mit-tribunal militari Marokkin; itenni t-talba tiegħu lil Spanja biex taċċetta ażil politiku għaż-żgħażugħ Saħrawi, Hassana Aalia, kkundannat minn qorti għal għomru l-ħabs; jenfasizza l-bżonn ta' sorveljanza internazzjonali tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Saħara tal-Punent; jitlob lill-Marokk u lill-Front Polisario jkomplu n-negozjati għal soluzzjoni paċifika u dewwiema tal-kunflitt fis-Saħara tal-Punent u jafferma mill-ġdid id-dritt tal-poplu Saħarawi għall-awtodeterminazzjoni, li għandu jkun is-suġġett ta' referendum demokratiku, bi qbil mar-riżoluzzjonijiet 34/37 u 35/19 tan-Nazzjonijiet Uniti;
°
° °
58. Jagħti l-mandat lid-delegazzjoni tiegħu għall-31, 32 u 33 Sessjoni tal-KDB biex tleħħen it-tħassib espress f'din ir-riżoluzzjoni; jitlobha tagħmel rapport dwar iż-żjara tagħha lis-Sottokumitat għad-"Drittijiet tal-Bniedem", u jikkunsidra li huwa xieraq li tibqa' tintbagħat delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għas-sessjonijiet rilevanti tal-KDB;
59. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-President tal-Kunsill tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Grupp ta' Ħidma UE-Nazzjonijiet Uniti mwaqqaf mill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin.