Seduta plenarja
26.1.2016
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa skont l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mis-sojja ġenetikament modifikata FG72 (MST-FGØ72-2) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
D042684 – 2015/2547(RSP) )
Giovanni La Via
f'isem il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mis-sojja ġenetikament modifikata FG72 (MST-FGØ72-2) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(D042684 – 2015/2547(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mis-sojja ġenetikament modifikata MON 87708 × MON 89788 (MON-877Ø5-9 × MON-89788-1) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf ġenetikament modifikat[1], u b'mod partikolari l-Artikoli 7(3) u 19(3) tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni[2],
– wara li kkunsidra l-fatt li, fit-18 ta' Novembru 2015, il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 ivvota favur li ma jagħtix opinjoni,
– wara li kkunsidra l-opinjoni mogħtija mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fis-16 ta' Lulju 2015[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2279 tal-4 ta' Diċembru 2015 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat NK603 × T25 (MON-ØØ6Ø3-6 × ACS-ZMØØ3-2) jew li jikkonsistu jew li jkunu prodotti minnu skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[4],
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni mressqa mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, fl-24 ta' Ġunju 2011, Bayer CropScience AG ressqet applikazzjoni quddiem l-awtorità kompetenti tal-Belġju, skont l-Artikoli 5 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti tal-ikel, ingredjenti tal-ikel, u għalf li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mis-sojja FG72;
B. billi s-sojja ġenetikament modifikata MST-FGØ72-2, kif deskritta fl-applikazzjoni, tesprimi l-proteina 2mEPSPS li tagħti tolleranza għall-erbiċidi tal-glifosat u l-proteina HPPD W336 li tagħti tolleranza għall-erbiċidi tal-isoksaflutol; billi l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer, li hija l-aġenzija tad-WHO speċjalizzata fil-kanċer, fl-20 ta' Marzu 2015 ikklassifikat il-glifosat bħala sustanza x'aktarx karċinoġenika għall-bniedem[5];
C. billi l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni ttieħed vot dwaru fil-Kumitat Permanenti fit-18 ta' Novembru 2015, mingħajr ma ngħatat opinjoni;
D. billi fit-22 ta' April 2015, fil-memorandum ta' spjegazzjoni tal-proposta leġiżlattiva tagħha li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003, il-Kummissjoni ddeplorat il-fatt li mindu daħal fis-seħħ ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003, id-deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni kienu ġew adottati mill-Kummissjoni, b'konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli, mingħajr l-appoġġ tal-opinjonijiet tal-kumitati tal-Istati Membri, u li r-ritorn tad-dossier għand il-Kummissjoni għad-deċiżjoni finali, li kienet deċiżament eċċezzjoni għall-proċedura kollha kemm hi, kienet saret in-norma għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar awtorizzazzjonijiet rigward ikel u għalf ġenetikament modifikat (ĠM);
E. billi, fit-28 ta' Ottubru 2015, il-proposta leġiżlattiva tat-22 ta' April 2015 li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 ġiet miċħuda mill-Parlament[6] fuq il-bażi li, filwaqt li l-kultivazzjoni sseħħ neċessarjament fit-territorju ta' Stat Membru, il-kummerċ tal-OĠM hu wieħed transkonfinali, li jfisser li l-infurzar tal-proposta tal-Kummissjoni għal projbizzjoni nazzjonali fuq "il-bejgħ u l-użu" jista' jkun impossibbli mingħajr ma jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli tal-importazzjonijiet fil-fruntieri; billi l-Parlament ċaħad il-proposta leġiżlattiva li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u stieden lill-Kummissjoni tirtira l-proposta tagħha u tressaq waħda ġdida;
1. Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhuwiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, għaliex mhuwiex kompatibbli mal-għan tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u r-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[7], li, skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[8], huwa li jipprovdi l-bażi biex jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, l-ambjent u l-interessi tal-konsumaturi fir-rigward ta' ikel u għalf ġenetikament modifikati, filwaqt li jiżgura t-tħaddim effettiv tas-suq intern;
2. Jistieden lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;
3. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva ġdida abbażi tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li filwaqt li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tqis it-tħassib muri ta' sikwit minn diversi pajjiżi u li mhuwiex marbut biss ma' kwistjonijiet dwar kemm l-OĠM huma sikuri għas-saħħa jew għall-ambjent;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.