Seduta plenarja
26.1.2016
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa skont l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti minn fażola tas-sojja modifikata ġenetikament MON 87705 × MON 89788 (MON-877Ø5-6 × MON-89788-1) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(D042681 – 2015/2549(RSP) )
Giovanni La Via
f'isem Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti minn fażola tas-sojja modifikata ġenetikament MON 87705 × MON 89788 (MON-877Ø5-6 × MON-89788-1) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(D042681 – 2015/2549(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti minn fażola tas-sojja modifikata ġenetikament MON 87705 × MON 89788 (MON-877Ø5-6 × MON-89788-1) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf ġenetikament modifikat[1], u b'mod partikolari l-Artikoli 7(3) u 19(3) tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni[2],
– wara li kkunsidra l-fatt li l-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu 35 tar- Regolament (KE) Nru 1829/2003 vvota fit-18 ta’ Novembru 2015 li ma jagħtix opinjoni,
– wara li kkunsidra l-opinjoni mogħtija mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fis-16 ta' Lulju 2015[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2279 tal-4 ta' Diċembru 2015 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat NK603 × T25 (MON-ØØ6Ø3-6 × ACS-ZMØØ3-2) jew li jikkonsistu jew li jkunu prodotti minnu skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[4],
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni mressqa mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fil-11 ta' Awwissu 2010, Monsanto Europe S.A. ressqet applikazzjoni lill-awtorità kompetenti tan-Netherlands, skont l-Artikoli 5 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, għat-tqegħid fis-suq ta' oġġetti tal-ikel, ingredjenti tal-ikel, u għalf li fihom fażola tas-sojja MON 87705 × MON 89788, jew li jikkonsistu jew li jkunu prodotti minnhom;
B. billi l-fażola tas-sojja modifikata ġenetikament MON-877Ø5-6 × MON-89788-1, kif deskritta fl-applikazzjoni, għandha espressjoni mnaqqsa ta' Δ12-desaturażi tal-aċidi grassi (FAD2) u enzimi tijoesterażi tal-proteina trasportatriċi tal-aċil tal-palmitojl (FATB), li tirriżulta f'żieda tal-aċidu olejku u fi profil tal-aċidu linolejku mnaqqas u tesprimi l-proteina CP4 EPSPS, li tagħti tolleranza lill-erbiċidi glifosati; billi l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer – l-aġenzija tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa speċjalizzata fil-kanċer – ikklassifikat il-glifosat bħala x'aktarx karċinoġenu għall-bniedem fl-20 ta' Marzu 2015[5];
C. billi l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni ġiet ivvutata fil-Kumitat Permanenti fit-18 ta’ Novembru 2015, mingħajr ma ta l-ebda opinjoni;
D. billi fit-22 ta' April 2015 il-Kummissjoni, fil-memorandum ta' spjegazzjoni tal-proposta leġiżlattiva tagħha li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003, iddeplorat il-fatt li, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, id-deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni kienu ġew adottati mill-Kummissjoni, b'konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli, mingħajr l-appoġġ tal-opinjonijiet tal-kumitat tal-Istati Membri, u li r-ritorn tad-dossier lill-Kummissjoni għad-deċiżjoni finali, li kienet tassew l-eċċezzjoni għall-proċedura kollha, kienet saret in-norma għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar awtorizzazzjonijiet għal ikel u għalf ġenetikament modifikat (ĠM);
E. billi l-proposta leġiżlattiva tat-22 ta' April 2015 li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 ġiet miċħuda mill-Parlament fit-28 ta' Ottubru 2015[6] minħabba li, għalkemm il-kultivazzjoni neċessarjament isseħħ fit-territorju ta' Stat Membru, il-kummerċ tal-OĠM hu wieħed li jaqsam il-fruntieri, li jfisser li l-proposta tal-Kummissjoni għal projbizzjoni nazzjonali fuq "il-bejgħ u l-użu" tista' tkun impossibbli li tiġi infurzata mingħajr ma jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli tal-importazzjonijiet fil-fruntieri; billi l-Parlament irrifjuta l-proposta leġiżlattiva li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003, u stieden lill-Kummissjoni tirtira l-proposta tagħha u tressaq waħda ġdida;
1. Iqis li l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhuwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, fis-sens li ma huwiex kompatibbli mal-għan tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u r-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[7], li huwa, b'konformità mal-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru
178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[8], li jipprovdi l-bażi biex jiġi żgurat livell għoli ta’ ħarsien tal-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, l-ambjent u l-interessi tal-konsumaturi fir-rigward ta’ ikel u għalf modifikati ġenetikament, waqt li jiżgura l-funzjonament effettiv tas-suq intern;
2. Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;
3. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva ġdida abbażi tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003, u li tqis it-tħassib nazzjonali li ta' spiss jiġi espress u li mhuwiex marbut biss ma' kwistjonijiet dwar kemm l-OĠM huma sikuri għas-saħħa jew għall-ambjent;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.