Dokument ta' sessjoni
27.1.2016
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8-0103/2016
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar l-Istrateġija l-Ġdida għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fl-Ewropa wara l-2015
( 2016/2526(RSP) )
Daniela Aiuto, Marco Zullo
f'isem il-Grupp EFDD
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Istrateġija l-Ġdida għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fl-Ewropa wara l-2015
( 2016/2526(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(3), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Programm ta' Azzjoni ta' Beijing adottati mir-Raba' Konferenza Dinjija tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995 u d-dokumenti ta' eżitu sussegwenti adottati fis-sessjonijiet speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Beijing +5 (2000), Beijing +10(2005), Beijing +15 (2010) u Beijing +20 (2015),
– wara li kkunsidra rapport ta' riċerka tal-Kummissjoni bit-titolu "Evaluation of the strengths and weaknesses of the strategy for equality between women and men 2010-2015" (Valutazzjoni tal-punti bsaħħithom u dgħajfa tal-istrateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2010 bl-isem "Impenn imsaħħaħ għall-ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel Karta f'Isem il-Mara" ( COM(2010)0078 ),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Settembru 2010 bit-titolu "Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015" ( COM(2010)0491 ),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel wara l-2015[1],
– wara li kkunsidra l-analiżi tal-konsultazzjoni pubblika ta' Ottubru 2015 bit-titolu "L-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-UE",
– wara li kkunsidra l-eżitu tal-laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel, tas-26 ta' Novembru 2015,
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-3 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Strategic engagement for gender equality 2016-2019" (Impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri 2016-2019) (SWD (2015)0278),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur tas-7 ta' Diċembru 2015, u b'mod partikolari l-punt 35 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-Istrateġija l-Ġdida għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fl-Ewropa wara l-2015 ( O-000006/2016 – B8-0103/2016 ),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija valur fundamentali tal-Istati Membri, u billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija essenzjali, bħala objettiv strateġiku, biex jintlaħqu l-objettivi ġenerali ta' tkabbir, impjieg u inklużjoni soċjali;
B. billi d-dritt għal trattament ugwali huwa dritt fundamentali definittiv b'għeruq profondi fis-soċjetà Ewropea u huwa essenzjali għall-iżvilupp ulterjuri ta' din is-soċjetà, u billi għandu japplika fil-leġiżlazzjoni, fil-prattika, fil-ġurisprudenza u fil-ħajja ta' kuljum;
C. billi, storikament, l-Istati Membri ħadu passi importanti biex isaħħu d-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, iżda billi kien hemm tnaqqis fir-ritmu tal-azzjoni politika u tar-riforma fil-livell tal-UE matul dawn l-aħħar għaxar snin;
D. billi l-istrateġija preċedenti tal-Kummissjoni għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel għall-2010-2015 la kienet adegwata u lanqas komprensiva biżżejjed biex tikkontribwixxi fil-progress b'rabta mal-ugwaljanza fil-livell Ewropew u fil-livell internazzjonali, u billi l-objettivi ddikjarati tagħha ma ntlaħqux b'mod effikaċi; billi strateġija ġdida għal wara l-2015 se jeħtiġilha tipprovdi spinta ġdida u toffri azzjoni konkreta biex id-drittijiet tan-nisa jissaħħu u tiġi promossa l-ugwaljanza bejn is-sessi;
E. billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2015, il-Parlament talab b'mod ċar li tiġi żviluppata strateġija ġdida u separata għal wara l-2015 għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u d-drittijiet tan-nisa; billi r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika juru li 90 % ta' dawk li wieġbu huma favur strateġija ġdida;
F. billi, skont statistika riċenti tal-Eurostat, fl-2014 ir-rata ta' impjieg fl-Istati Membri fost l-irġiel (70.1 %) kienet għadha ogħla mir-rata ta' impjieg fost in-nisa (59.6 %);
G. billi kważi terz tan-nisa (32.2 %) ħadmu part-time fl-2014;
H. billi d-diskrepanza bejn in-nisa u l-irġiel f'dak li jikkonċerna l-intraprenditorija għadha kbira, u billi fl-2012, 31 % biss miċ-ċittadini li jaħdmu għal rashom kienu nisa, filwaqt li min-nisa li jaħdmu, 10 % biss kienu jaħdmu għal rashom;
I. billi għadhom iseħħu ħafna forom ta' diskriminazzjoni kontra n-nisa, u billi anki dan l-aħħar kien hemm inċidenti serji ta' abbuż u vjolenza;
1. Ifakkar li t-trattament indaqs u l-opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel huma għan importanti għall-Istati Membri kollha;
2. Jinnota li fl-imgħoddi l-Kummissjoni approvat Komunikazzjoni dwar Strateġija għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel, approvata mill-istituzzjonijiet kollha tal-UE;
3. Iqis li hija ħasra li l-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2016, ippubblikat f'Novembru 2015, m'għamel ebda referenza speċifika għall-Istrateġija tal-UE għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel wara l-2015;
4. Jiddeplora l-fatt li fit-3 ta' Diċembru 2015 il-Kummissjoni ppubblikat biss dokument ta' ħidma tal-persunal bit-titolu "Strategic engagement for gender equality 2016-2019" (Impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn is-sessi għall-2016-2019), u b'hekk, apparti li ppreżentat dokument intern iddeklassifikat, illimitat ukoll it-tul ta' żmien tal-azzjonijiet tiegħu;
5. Jiddeplora l-approċċ tal-Kummissjoni lejn l-impenn strateġiku, u n-nuqqas ta' progress li għamlet biex twettaq l-impenji u l-indikaturi tagħha stess, li la jistgħu jitkejlu u lanqas jintlaħqu;
6. Jieħu nota tal-falliment tal-istrateġija Ewropea fil-qasam tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, u jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li l-impenji dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi jitwettqu b'mod ċar u trasparenti;
7. Jistieden lill-Istati Membri jieħdu passi ulterjuri biex jindirizzaw kwistjonijiet ta' ugwaljanza, jindirizzaw il-vjolenza kontra n-nisa u jiżguraw aċċess ugwali u opportunitajiet indaqs fl-oqsma tal-impjieg, is-saħħa u l-edukazzjoni, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll dak privat;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.