Dokument ta' sessjoni
27.1.2016
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8-0103/2016
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar l-Istrateġija l-Ġdida għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fl-Ewropa wara l-2015
( 2016/2526(RSP) )
Maria Arena, Maria Noichl, Biljana Borzan, Vilija Blinkevičiūtė, Nessa Childers, Viorica Dăncilă, Doru-Claudian Frunzulică, Iratxe García Pérez, Evelyne Gebhardt, Liisa Jaakonsaari, Kashetu Kyenge, Linda McAvan, Pina Picierno, Josef Weidenholzer
f'isem il-Grupp S&D
Angelika Mlinar, Catherine Bearder, Izaskun Bilbao Barandica, Sophia in ’t Veld
f'isem il-Grupp ALDE
Malin Björk, Eleonora Forenza, Stefan Eck, Marie-Christine Vergiat, Merja Kyllönen, Patrick Le Hyaric, Ángela Vallina, Sofia Sakorafa, Cornelia Ernst, Paloma López Bermejo, Josu Juaristi Abaunz, Martina Anderson, Lynn Boylan, Matt Carthy, Liadh Ní Riada, Kostadinka Kuneva, Dimitrios Papadimoulis, Tania González Peñas, Miguel Urbán Crespo, Lola Sánchez Caldentey, Xabier Benito Ziluaga, Estefanía Torres Martínez, Lidia Senra Rodríguez
f'isem il-Grupp GUE/NGL
Terry Reintke, Ernest Urtasun
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Istrateġija l-Ġdida għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fl-Ewropa wara l-2015
( 2016/2526(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(3), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Pekin u l-Pjattaforma għall-Azzjoni adottati mir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995, u d-dokumenti ta' eżitu sussegwenti adottati fis-sessjonijiet speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Pekin +5 (2005), Pekin +15 (2010) u Pekin +20 (2015),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Frar 1996 bit-titolu "L-inkorporazzjoni ta' opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel fil-politiki u fl-attivitajiet kollha tal-Komunità" ( COM(96)0067 ), li fiha hija impenjat ruħha li tippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-attivitajiet u l-politiki kollha tagħha fil-livelli kollha, u b’hekk stabbiliet il-prinċipju tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri,
– wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020), adottat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea f'Marzu 2011,
– wara li kkunsidra rapport ta' riċerka tal-Kummissjoni bit-titolu "Evaluation of the strengths and weaknesses of the strategy for equality between women and men 2010-2015" (Valutazzjoni tal-punti b’saħħithom u dgħajfa tal-istrateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2010 bl-isem "Impenn Imsaħħaħ għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel: Karta f'Isem il-Mara" ( COM(2010)0078 ), Karta f'Isem il-Mara" ( COM(2010)0078 ),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Settembru 2010 intitolata "Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015" ( COM(2010)0491 ),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel wara l-2015[1],
– wara li kkunsidra l-analiżi tal-konsultazzjoni pubblika "L-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-UE", ippubblikata f'Ottubru 2015,
– wara li kkunsidra l-eżitu tal-laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel tas-26 ta' Novembru 2015,
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-3 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Strategic engagement for gender equality 2016-2019" (Impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2016-2019" (SWD (2015)0278)),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (EPSCO) tas-7 ta' Diċembru 2015, b'mod partikolari l-paragrafu 35 tiegħu,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-grupp ta' tliet Presidenzi tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi tas-7 ta' Diċembru 2015 min-Netherlands, is-Slovakkja u Malta,
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-istrateġija l-ġdida għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fl-Ewropa wara l-2015 ( O-000006/2016 – B8-0103/2016 ),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-ugwaljanza bejn is-sessi hija valur ċentrali tal-UE – kif rikonoxxut fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – li l-UE impenjat ruħha biex tintegra fl-attivitajiet kollha tagħha, u billi l-ugwaljanza bejn is-sessi hija essenzjali bħala objettiv strateġiku, biex jintlaħqu l-għanijiet ġenerali ta' Ewropa 2020 ta' tkabbir, impjiegi u inklużjoni soċjali;
B. billi d-dritt għal trattament ugwali huwa dritt fundamentali deċiżiv li huwa rikonoxxut fit-Trattati tal-Unjoni Ewropea u li huwa fermament stabbilit fis-soċjetà Ewropea, u billi huwa essenzjali għall-iżvilupp ulterjuri ta' din is-soċjetà u għandu japplika fil-leġiżlazzjoni, fil-prattika, fil-ġurisprudenza u fil-ħajja ta' klujum;
C. billi l-UE minn dejjem ħadet passi importanti biex issaħħaħ id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, iżda billi l-azzjoni politika u r-riforma għall-ugwaljanza bejn is-sessi fil-livell tal-UE naqqsu l-pass tagħhom matul l-aħħar għaxar snin; billi l-istrateġija ta' qabel tal-Kummissjoni għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel għall- 2010-2015 ma kinitx biżżejjed komprensiva biex tikkontribwixxi għall-ugwaljanza bejn is-sessi fil-livell Ewropew u internazzjonali, u billi l-objettivi ppjanati tagħha ma ġewx effettivament sodisfatti; billi strateġija ġdida għal wara l-2015 jeħtiġilha tagħti spinta ġdida u twassal għal azzjoni konkreta biex id-drittijiet tan-nisa jissaħħu u tiġi promossa l-ugwaljanza bejn is-sessi;
D. billi l-valutazzjoni tal-Istrateġija 2010-2015, u tal-pożizzjonijiet tal-partijiet interessati, stabbiliti f'rapport ta' riċerka tal-Kummissjoni bit-titolu "Evaluation of the strengths and weaknesses of the strategy for equality between women and men 2010-2015" (Il-valutazzjoni tal-punti b'saħħithom u dgħajfa tal-istrateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015) tissottolinja l-ħtieġa li jissaħħaħ aktar l-approċċ strateġiku adottat fl-2010;
E. billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2015 il-Parlament talab b'mod ċar li tiġi żviluppata strateġija ġdida u separata għal wara l-2015 għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u d-drittijiet tan-nisa; billi r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika juru li 90 % ta' dawk li wieġbu huma favur strateġija ġdida;
F. billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill EPSCO tas-7 ta' Diċembru 2015 (paragrafu 35) jistiednu lill-Kummissjoni "tadotta, bħala komunikazzjoni, strateġija ġdida għall-ugwaljanza bejn is-sessi wara l-2015"; billi fid-dikjarazzjoni tiegħu tas-7 ta' Diċembru 2015 il-Grupp ta' Tliet Presidenzi tal-UE impenjati biex jgħaddu abbozz ta' konklużjonijiet tal-Kunsill lill-Kunsill EPSCO dwar l-istrateġija tal-UE għall-ugwaljanza bejn is-sessi wara l- 2015;
1. Ifakkar li l-Kummissjoni hija marbuta bl-Artikolu 2 TUE u bil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali biex tieħu azzjoni favur l-ugwaljanza bejn is-sessi;
2. Jinnota li fl-imgħoddi l-Kummissjoni approvat b'mod ċar Komunikazzjoni ċara, trasparenti leġittima u pubblika dwar Strateġija għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel, approvata mill-istituzzjonijiet kollha tal-UE, fl-ogħla livell politiku;
3. Iqis li hija ħasra li l-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni tal-2016, ippubblikat f'Novembru 2015, ma għamel ebda referenza speċifika għall-Istrateġija tal-UE għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi wara l-2015; jiddeplora l-fatt li fit-3 ta' Diċembru 2015 il-Kummissjoni ppubblikat biss dokument ta' ħidma tal-persunal intitolat "Strategic engagement for gender equality 2016-2019" (Impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn is-sessi 2016-2019), u b'hekk mhux biss naqqset il-livell ta' dokument intern, iżda wkoll illimitat it-tul ta' żmien tal-azzjoni tagħha;
4. Jilqa' l-approċċ tal-Kummissjoni kif stabbilit fid-dokument ta' ħidma tal-persunal tagħha, imsemmi hawn fuq, dwar impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn is-sessi, iżda jiddeplora n-nuqqas ta' punti ta' riferiment konkreti u ta' baġit speċifiku, li mingħajru la jista' jiġi kkalkolat u lanqas ma jista' jinkiseb progress fuq il-miri u l-indikaturi;
5. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel segwitu dwar ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika u l-pożizzjonijiet tal-Parlament u tal-Kunsill billi immedjatament tadotta Komunikazzjoni dwar Strateġija Ġdida għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi u d-Drittijiet tan-Nisa għall-2016-2020 li tindirizza kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi fl-oqsma tal-vjolenza kontra n-nisa, il-ħin tax-xogħol, it-teħid ta' deċiżjonijiet, is-saħħa, l-edukazzjoni, il-midja u r-relazzjonijiet esterni, u tkun konformi mal-aġenda internazzjonali, jiġifieri d-dokument dwar l-eżiti ta' Pekin +20 tal-2015 u l-qafas il-ġdid intitolat "Gender Equality and Women's Empowerment: Transforming the Lives of Girls and Women through EU External Relations (2016-2020) (L-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti tas-Setgħa lin-Nisa: Nittrasformaw Ħajjet il-Bniet u n-Nisa permezz tar-Relazzjonijiet Esterni tal-UE (2016-2020)); jistieden lill-Kummissjoni tipproponi inizjattivi leġiżlattivi fil-Programm ta' Ħidma tagħha bil-għan li jingħelbu l-inugwaljanzi li fadal bejn in-nisa u l-irġiel fl-UE;
6. Jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera mal-Parlament u l-Kunsill, u jappella għal summit tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa bil-ħsieb li jiġi identifikat il-progress li sar u biex jittieħdu impenji mġedda fil-qafas tal-laqgħa li jmiss tal-Kunsill EPSCO f'Marzu 2016;
7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.