Dokument ta' sessjoni

 

B8-0153/2016

27.1.2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen

( 2016/2515(RSP) )

Marietje Schaake, Petras Auštrevičius, Dita Charanzová, Gérard Deprez, Filiz Hyusmenova, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk, Javier Nart, Norica Nicolai, Urmas Paet, Jozo Radoš, Jasenko Selimovic, Pavel Telička, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans

f'isem il-Grupp ALDE

 

B8-0153/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen

( 2016/2515(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Jemen, b'mod partikolari dik tad-9 ta' Lulju 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen[1],

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-10 ta' Jannar 2016 mill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, u tal-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Stylianides, dwar l-attakk fuq ċentru tas-saħħa tal-MSF fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-15 ta' Diċembru 2015 mill-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar it-tkomplija tat-taħdidiet iffaċilitati min-NU dwar il-Jemen, u d-dikjarazzjoni konġunta tat-2 ta' Ottubru 2015 mill-VP/RGħ, Federica Mogherini, u l-Kummissarju tal-UE għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Stylianides, dwar il-Jemen,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar il-Yemen, b'mod partikolari dawk tal-20 ta' April 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-Jemen u, b'mod partikolari, ir-riżoluzzjonijiet 2216 (2015), 2201 (2015) u 2140 (2014),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-10 ta' Jannar 2016 u tat-8 ta' Jannar 2016 attribwibbli għall-kelliem għas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Jemen,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-sitwazzjoni umanitarja drammatika fil-Jemen, b'riżultat tal-intervent militari mmexxi mill-Arabja Sawdija, li inkluda l-użu ta' bombi tat-tip cluster, u l-isfidi politiċi, tas-sigurtà, ekonomiċi u umanitarji kontinwi li qed jaffettwaw il-popolazzjoni tal-pajjiż, għandhom implikazzjonijiet serji għar-reġjun u jikkostitwixxu theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali; billi l-ewwel vittmi tal-eskalazzjoni militari attwali huma membri tal-popolazzjoni ċivili tal-Jemen, li diġà huma affettwati minn kundizzjonijiet ta' ħajja terribbli;

B.  billi skont il-kelliem għall-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, mindu beda l-intervent immexxi mill-Arabja Sawdija fl-aħħar ta' Marzu 2015, kien hemm 8 119-il vittma ċivili – 2 795 mejta u 5 324 midruba; billi hemm mijiet ta' nisa u tfal fost il-vittmi; billi l-impatt umanitarju fuq il-popolazzjoni ċivili tal-ġlied kontinwu bejn il-milizzji differenti, il-bombardamenti u l-interruzzjoni ta' servizzi essenzjali qed jilħqu livelli allarmanti;

C.  billi, skont l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA), il-kunflitt wassal għall-ispostament intern ta' aktar minn 2.51 miljun Jemenita; billi aktar minn 21.1 miljun persuna - 80 % tal-popolazzjoni  - jeħtieġu xi forma ta' protezzjoni jew assistenza umanitarja; billi aktar minn 2.2 miljun tifel u tifla qegħdin ibatu jew qegħdin f'riskju ta' malnutrizzjoni, u madwar 14.4 miljun persuna qed jiffaċċjaw sitwazzjoni ta' nuqqas ta' sigurtà tal-ikel;

D.  billi hemm diversi rapporti li attakki mill-ajru laqtu miri ċivili, inklużi sptarijiet, skejjel, swieq, imħażen tal-qamħ, portijiet u kamp għal persuni spostati, li għamlu ħsara kbira lil infrastruttura essenzjali għat-twassil tal-għajnuna u kkontribwixxew għall-iskarsezzi gravi tal-ikel u tal-fjuwil fil-pajjiż; billi sptar appoġġat mill-Médecins Sans Frontières (MSF) fit-Tramuntana tal-Jemen ġie bbumbardjat fl-10 ta' Jannar 2016, li wassal biex inqatlu tal-anqas ħames persuni, tnax-il midruba, inkluż persunal tal-MSF, u ħsara serja lill-faċilitajiet mediċi; billi dan huwa l-aħħar wieħed minn sensiela ta' attakki fuq faċilitajiet tas-saħħa;

E.  billi imblokk navali qed ifixkel l-aċċess għal għajnuna umanitarja vitali għall-popolazzjoni ċivili li għandha bżonn urġenti ta' provvisti tal-ikel, ilma u mediċini; billi, skont sorsi tan-NU, 15 % biss tal-volum ta' importazzjonijiet ta' qabel il-kriżi qed jidħol fil-pajjiż - pajjiż li jiddependi mill-importazzjonijiet għall-90 % tal-provvista tal-ikel tiegħu; billi 10 mit-22 provinċja tal-Jemen ġew ikklassifikati mill-Programm Dinji tal-Ikel bħala li qegħdin fil-livell ta' "emerġenza" f'termini ta' sigurtà tal-ikel - f'xifer ''il-ġuħ";

F.  billi tankers li jġorru petrol, diżil u żejt tal-fjuwil ukoll qegħdin jitwaqqfu regolarment mill-imblokk navali, u dan qed jipparalizza l-provvista tal-elettriku tal-pajjiż u jisforza l-għeluq tal-massa ta' sptarijiet u skejjel; billi l-aktar problema urġenti hija li l-imblokk waqqaf il-pompi tal-ilma milli jaħdmu;

G.  billi skont Oxfam, il-ġlied u l-embargo wasslu sabiex 3 miljun Jemenit ilhom mingħajr provvista ta' ilma nadif minn Marzu 2015, u b'hekk l-għadd totali ta' persuni mingħajr aċċess għal ilma tax-xorb jew sanità, b'implikazzjonijiet koroh għat-tixrid ta' mard, inklużi l-kolera u d-dengue jammonta għal-16-il miljun, kważi żewġ terzi tal-popolazzjoni;

H.  billi, skont Save the Children, f'tal-anqas 18 mit-22 provinċja tal-pajjiż ingħalqu sptarijiet minħabba l-ġlied jew in-nuqqas ta' fjuwil jew ġew affettwati b'mod gravi minnhom; billi, b'mod partikolari għalqu 153 ċentru tas-saħħa li preċedentement kienu jfornu nutrizzjoni lil aktar minn 450 000 tifel u tifla f'riskju, flimkien ma' 158 klinika outpatient responsabbli milli jipprovdu kura tas-saħħa bażika lil kważi nofs miljun tifel u tifla taħt l-età ta' ħames snin;

I.  billi, skont l-UNICEF, il-kunflitt fil-Jemen kellu wkoll impatt iebes fuq l-aċċess tat-tfal għall-edukazzjoni, hekk kif is-sistema edukattiva waqfet għal kważi 2  miljun tifel u tifla, billi ngħalqu 3 584 skola, jew waħda minn kull erbgħa; billi 860 minn dawn l-iskejjel saritilhom ħsara jew jilqgħu lill-persuni spostati;

J.  billi fil-15 ta' Diċembru 2015 ġie ddikjarat waqfien mill-ġlied għan-nazzjon kollu, iżda minn dak iż-żmien 'l hawn inkiser bosta drabi, u billi t-taħdidiet ta' paċi mill-partijiet fil-ġlied f'nofs Diċembru 2015 fl-Isvizzera naqsu milli joħolqu xi progress kbir għal tmiem il-kunflitt; billi t-tkomplija ta' taħditiet ta' paċi mmexxija min-NU taħt l-awspiċi tal-mibgħut tan-NU għall-Jemen, Ismail Ould Cheikh Ahmed, li kienet skedata għall-14 ta' Jannar 2016, ġiet posposta temporanjament fost vjolenza kontinwa;

K.  billi ż-żamma tal-waqfien mill-ġlied hija reazzjoni xierqa sabiex jiġi evitat milli jkun hemm aktar vittmi ċivili u l-qerda ta' infrastruttura ċivili kruċjali; billi din toffri wkoll il-possibiltà li jitħalla kompletament l-aċċess għal għajnuna ta' emerġenza biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet mingħajr preċedent tal-popolazzjoni Jemenita;

L.  billi minkejja li f'April 2015 l-Arabja Sawdija wegħdet li tiffinanzja kompletament fond umanitarju ta' emerġenza tan-NU għall-Jemen fl-ammont ta' USD 274 miljun, sa issa ma ġewx trasferiti flus lill-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji; billi f'Ġunju 2015, in-NU nediet appell għal USD 1.6 biljun biex jippermettulha tassisti 11.7 miljun ruħ, iżda sat-18 ta' Novembru 2015 kienet irċeviet biss 43 % tal-fondi totali meħtieġa;

M.  billi fl-2015 l-UE pprovdiet EUR 12-il miljun f'għajnuna umanitarja addizzjonali għall-kriżi fil-Jemen u biex tgħin jittaffa l-impatt tagħha fuq il-Qarn tal-Afrika; billi l-UE se tipprovdi massimu ta' EUR 2 miljuni għall-istabbiliment ta' Mekkaniżmu ta' Verifika u Spezzjoni tan-NU (UNVIM) għat-tbaħħir kummerċjali lejn il-Jemen, b'tali mod li jiġi ffaċilitat il-fluss mingħajr xkiel ta' beni kummerċjali u għajnuna umanitarja lill-Jemen;

1.  Jesprimi tħassib serju dwar id-deterjorament allarmanti tas-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen, li hija kkaraterizzata min-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel u malnutrizzjoni gravi, attakki indiskriminati kontra ċ-ċivili u l-ħaddiema mediċi u tal-għajnuna, u l-qerda ta' infrastruttura ċivili u medika b'riżultat tal-intensifikazzjoni tal-attakki mill-ajru, il-ġlied fuq l-art u l-bumbardamenti, minkejja appelli ripetuti għal waqfien imġedded tal-ostilitajiet; ittenni mill-ġdid l-impenn tiegħu li jkompli jappoġġa lill-Jemen u l-popli tal-Jemen;

2.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' azzjoni umanitarja kkoordinata taħt it-tmexxija tan-NU, u jħeġġeġ lill-pajjiżi kollha jikkontribwixxu għall-indirizzar tal-ħtiġijiet umanitarji; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jippermettu d-dħul u t-twassil ta' ikel, mediċini, fjuwil u assistenza oħra meħtieġa b'mod urġenti permezz ta' kanali tan-NU u tal-organizzazzjonijiet umanitarji internazzjonali sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet urġenti taċ-ċivili milquta mill-kriżi, b'konformità mal-prinċipji ta' imparzjalità, newtralità u indipendenza; ifakkar li għaldaqstant huwa essenzjali li jiġi ffaċilitat aktar l-aċċess tat-tbaħħir kummerċjali lejn il-Jemen;

3.  Jistieden lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt jippermettu aċċess mingħajr restrizzjonijiet u bla xkiel għall-ħaddiema umanitarji u għall-għajnuna lill-poplu Jemenita, li jinsabu fi bżonn urġenti ta' għajnuna vitali, u konsegwentement jitlob pawża umanitarja sabiex tkun tista' tasal għajnuna ta' salvataġġ għand il-popli Jemeniti bħala kwistjoni ta' urġenza;

4.  Itenni l-appell tiegħu lill-partijiet kollha biex jikkonformaw mad-dritt umanitarju internazzjonali u mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, sabiex jiżguraw il-protezzjoni taċ-ċivili u biex iżommu lura milli jimmiraw direttament fuq infrastrutturi ċivili, b'mod partikolari l-faċilitajiet mediċi u s-sistemi tal-ilma, u milli jużaw binjiet ċivili għal skopijiet militari;

5.  Ifakkar lill-partijiet kollha li l-isptarijiet u l-persunal mediku huma espliċitament protetti taħt id-dritt umanitarju internazzjonali u li l-attakki ppjanati fuq iċ-ċivili u fuq l-infrastruttura ċivili jikkostitwixxu delitt tal-gwerra; jenfasizza l-importanza li titjieb is-sigurtà tal-ħaddiema umanitarji sabiex dawn ikunu jistgħu jirrispondu għall-attakki b'mod aktar effikaċi; jappella għal investigazzjoni imparzjali u indipendenti dwar il-ksur allegat kollu tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, inklużi l-aħħar attakki mmirati fuq infrastrutturi u persunal umanitarju; jistieden lill-VP/RGħ tniedi inizjattiva biex jiġi stabbilit embargo tal-armi Ewropew kontra l-Arabja Sawdija minħabba n-natura serja ta' dawn l-allegazzjonijiet u l-fatt li t-tkomplija tal-bejgħ tal-armi jissodisfa l-Kriterji Tnejn, Erba' u Sitta tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/CFSP tat-8 ta' Diċembru 2008;

6.  Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-kontribuzzjonijiet finanzjarji tagħhom lejn il-Pjan ta' Rispons Umanitarju tal-Jemen sabiex jintlaħqu r-rekwiżiti ta' finanzjament tal-2016; iħeġġeġ lill-UE tagħmel pressjoni fuq id-donaturi kollha biex iwettqu l-wegħdiet tagħhom u jagħtu segwitu għall-impenji li għamlu b'mod rapidu;

7.  Ifakkar lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri bħala kwistjoni ta' urġenza, jiġbru appoġġ fi ħdan in-NU għal pjan internazzjonali biex tiġi żgurata l-provvista tal-ilma tal-Jemen, li tista' tkun element essenzjali fil-konklużjoni b'suċċess ta' proċess ta' paċi potenzjali, biex b'hekk jiżdied il-prospett tal-popolazzjoni li tkun tista' ttejjeb l-agrikoltura, titma' lilha nnifisha u terġa' tibni l-pajjiż;

8.  Jenfasizza li jista' jkun hemm biss soluzzjoni politika, inklużiva u nnegozjata għall-kunflitt; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jimpenjaw ruħhom b'mod ġenwin f'ċiklu ġdid ta' negozjati ta' paċi mmexxija min-NU kemm jista' jkun malajr; jappoġġa l-isforzi bla waqfien tar-Rappreżentant Speċjali tan-NU, Ismail Ould Cheikh Ahmed, biex ikun hemm taħdidiet ta' paċi dwar il-Jemen iffaċilitati min-NU, f'konformità mal-inizjattiva tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, l-eżiti tal-Konferenza Nazzjonali għad-Djalogu, u r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet 2140 u 2216;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab, u lill-Gvern tal-Jemen.

 

[1] Testi adottati, P8_TA(2015)0270