Dokument ta' sessjoni

 

B8-0252/2016

17.2.2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar l-introduzzjoni ta' sistemi kompatibbli għar-reġistrazzjoni ta' annimali domestiċi fl-Istati Membri kollha

( 2016/2540(RSP) )

Paul Brannen

f'isem il-Grupp S&D

 

B8-0252/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-introduzzjoni ta' sistemi kompatibbli għar-reġistrazzjoni ta' annimali domestiċi fl-Istati Membri kollha

( 2016/2540(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni tal-4 ta' Frar 2016 dwar l-introduzzjoni ta' sistemi kompatibbli għar-reġistrazzjoni ta' annimali domestiċi fl-Istati Membri kollha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq uniku,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 168(4)(b) tat-TFUE dwar il-miżuri fl-oqsma veterenarji u fito-sanitarji,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 169 tat-TFUE dwar miżuri ta' protezzjoni tal-konsumatur,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-TFUE li jistabbilixxi li, fil-formulazzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jagħtu konsiderazzjoni sħiħa lill-ħtiġijiet tal-benessri tal-annimali minħabba li huma esseri sensibbli,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar il-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi[1], u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 577/2013 tat-28 ta' Ġunju 2013 dwar id-dokumenti tal-identifikazzjoni tal-mudell għall-moviment mhux kummerċjali ta' klieb, qtates u inmsa, l-istabbiliment ta' listi ta' territorji u pajjiżi terzi u l-format, it-tqassim u r-rekwiżiti lingwistiċi tad-dikjarazzjonijiet li jiċċertifikaw il-konformità ma' ċerti kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament (UE) Nru 576/2013[2],

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta' Lulju 1992 li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta', u l-importazzjoni fil-Komunità ta' annimali, semen, ova u embrijuni, mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta' saħħa tal-annimali meħtieġa f'regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A(1) għad-Direttiva 90/425/KEE[3],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' April 2014 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Saħħa tal-Annimali[4],

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tat-3050 laqgħa tal-Kunsill Agrikoltura u Sajd tad-29 ta' Novembru 2010 dwar il-benessri tal-klieb u l-qtates,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad-9 ta' Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni ta' speċi ta' fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom[5],

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 792/2012 tat-23 ta' Awwissu 2012 li jistipula regoli għat-tfassil ta' permessi, ċertifikati u dokumenti oħrajn ipprovduti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 dwar il-protezzjoni ta' speċi ta' fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 865/2006[6],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid tal-ispeċijiet aljeni invażivi[7],

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Benessri tal-Annimali mid-Danimarka, il-Ġermanja u n-Netherlands tal-14 ta' Diċembru 2014,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2015 dwar kura tas-saħħa aktar sikura fl-Ewropa: it-titjib tas-sikurezza tal-pazjent u l-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi[8],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Kummmissjoni ffinanzjat studju dwar il-benessri tal-klieb u l-qtates involuti fi prattiki kummerċjali;

B.   billi l-organizzazzjonjiet mhux governattivi, l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, l-awtoritajiet kompetenti u l-veterinarji wrew evidenza ta' żieda fil-kummerċ illegali tal-annimali domestiċi, konnessa ma' kriminalità gravi u organizzata, b'abbuż mifrux tal-Iskema ta' Vvjaġġar tal-Annimali Domestiċi, l-evażjoni tal-kontrolli u l-falsifkazzjoni tad-dokumenti;

C.  billi, minkejja t-titjib reċenti, għad baqa' tħassib kbir f'termini ta' informazzjoni provduta għall-Passaporti tal-Annimali Domestiċi, partikolarment fil-mod li bih l-età mogħtija ta' annimal individwali tista' tiġi ppruvata bħala korretta;

D.  billi l-annimali domestiċi involuti f'kummerċ illegali spiss ikunu mrobbija ħażin, ma jkunux imdorrijin jinteraġixxu soċjalment u jkunu f'riskju għoli ta' mard;

E.   billi l-maġġoranza tal-Istati Membri diġà għandhom xi tip ta' rekwiżiti għar-reġistrazzjoni u/jew l-identifikazzjoni tal-annimali domestiċi; billi ħafna minn dawn il-bażijiet ta' data għadhom mhumiex konnessi ma' bażi ta' data tal-UE u dan hu ostaklu għal traċċabbiltà sħiħa meta l-annimali domestiċi jiġu spustati minn pajjiż għall-ieħor fl-UE;

F.  billi l-kummerċ illegali tal-annimali selvaġġi huwa waħda mill-aktar attivitajiet estensivi ta' kriminalità organizzata transnazzjonali fid-dinja kollha;

G.   billi l-fatt li annimali eżotiċi u selvaġġi qed jaħarbu f'ambjent li fih ma għandhomx għedewwa naturali jista' jwassal għal tifrix mhux kontrollat tagħhom, li jaffettwa l-ambjent, is-saħħa pubblika u l-ekonomija;

1.  Jenfasizza l-kontribut pożittiv li l-annimali domestiċi jagħtu lill-ħajjiet ta' miljuni ta' sidien u familji individwali fl-UE kollha, u jafferma mill-ġdid li s-sidien għandhom ikunu jistgħu jivvjaġġaw bl-annimali domestiċi tagħhom b'mod sigur u kkontrollat fl-Unjoni kollha;

2.  Jilqa' t-titjib għall-Iskema ta' Vvjaġġar tal-Annimali Domestiċi introdott bir-Regolament (UE) Nru 576/2013. inkluż biż-żieda ta' karatteristiċi ta' sigurtà li fih il-Passaport tal-Annimali Domestiċi;

3.  Jinnota bi tħassib l-evidenza minn organizzazzjonijiet mhux governattivi, aġenziji tal-infurzar tal-liġi, awtoritajiet kompetenti u veterinarji li turi b'mod ċar abbuż illegali li qed jiżdied tal-Iskema ta' Vvjaġġar tal-Annimali Domestiċi, li qed tiġi sfruttata għal skopijiet kummerċjali;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tadotta miżuri robusti u effettivi biex tindirizza l-kummerċ illegali fl-annimali domestiċi, inkluż annimali selvaġġi miżmuma bħala annimali domestiċi;

5.  Jemmen li sistemi kompatibbli ta' rekwiżiti għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-klieb (canis lupus familiaris) u l-qtates (felis silvestris catus) kif ukoll għal annimali selvaġġi ġeneralment miżmuma bħala annimali domestiċi, tista' tnaqqas l-ambitu ta' falsifikazzjoni tad-dokumenti u ta' kummerċ illegali, b'hekk tipproteġi s-saħħa pubblika u tal-annimali u tipprevedi traċċabilità effikaċi fl-Unjoni;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni, meta jidħol fis-seħħ ir-Regolament dwar il-Mard Trasmissibbli tal-Annimali, tadotta att delegat minnufih li jistipula regoli skont l-Artikoli 108, 109 u 118 tar-regolament dwar rekwiżiti kompatibbli għall-mezzi u l-metodi ta' identifikazzjoni u ta' reġistrazzjoni tal-klieb (canis lupus familiaris) u l-qtates (felis silvestris catus);

7.  Jistieden lill-Kummissjoni, meta jidħol fis-seħħ ir-Regolament dwar il-Mard Trasmissibbli tal-Annimali, tikkunsidra li tadotta atti delegati li jistipulaw regoli skont l-Artikoli 108, 109 u 118 tar-regolament dwar rekwiżiti kompatibbli għall-mezzi u l-metodi ta' identifikazzjoni u ta' reġistrazzjoni tal-annimali domestiċi li ġejjin, kif definit fl-Anness I tal-istess regolament: rettili, għasafar (kampjuni ta' speċijiet avjarji minbarra tjur domestiċi, dundjani, farawni, papri, wiżż, summien, ħamiem, faġani, perniċijiet u ratiti), rodituri u fniek minbarra dawk li huma intiżi għall-produzzjoni tal-ikel;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

 

[1] ĠU L 178, 28.6.2013, p. 1.
[2] ĠU L 178, 28.6.2013, p. 109.
[3] ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54.
[4] Testi adottati, P7_TA(2014)0381
[5] ĠU L 61, 3.3.1997, p. 1.
[6] ĠU L 242, 7.9.2012, p. 13.
[7] ĠU L 317, 4.11.2014, p. 35.
[8] Testi adottati, P8_TA(2015)0197