Dokument ta' sessjoni

 

B8-0253/2016

17.2.2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar l-introduzzjoni ta' sistemi kompatibbli għar-reġistrazzjoni ta' annimali domestiċi fl-Istati Membri kollha

( 2016/2540(RSP) )

Stefan Eck, Anja Hazekamp, Patrick Le Hyaric, Kostadinka Kuneva, Kateřina Konečná, Marisa Matias

f'isem il-Grupp GUE/NGL

 

B8-0253/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-introduzzjoni ta' sistemi kompatibbli għar-reġistrazzjoni ta' annimali domestiċi fl-Istati Membri kollha

( 2016/2540(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 43 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar il-funzjonament tal-Politika Agrikola Komuni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 114 tat-TFUE dwar l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq uniku,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 168(4)(b) tat-TFUE dwar il-miżuri fl-oqsma veterinarji u fito-sanitarji,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 169 tat-TFUE dwar miżuri ta' protezzjoni tal-konsumatur,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-TFUE li jistabbilixxi li, fil-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jagħtu kunsiderazzjoni sħiħa lill-ħtiġijiet tal-benesseri tal-annimali minħabba li huma esseri sensibbli,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar il-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi[1], u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 577/2013 tat-28 ta' Ġunju 2013 dwar id-dokumenti għall-identifikazzjoni tal-mudell għall-moviment mhux kummerċjali ta' klieb, qtates u inmsa, l-istabbiliment ta' listi ta' territorji u pajjiżi terzi u l-format, it-tqassim u r-rekwiżiti lingwistiċi tad-dikjarazzjonijiet li jiċċertifikaw il-konformità ma' ċerti kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament (UE) Nru 576/2013[2],

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta' Lulju 1992 li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta', u l-importazzjoni fil-Komunità ta' annimali, semen, ova u embrijuni, mhux soġġetti għal ħtiġijiet ta' saħħa tal-annimali meħtieġa f'regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A(1) tad-Direttiva 90/425/KEE[3],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' April 2014 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Saħħa tal-Annimali[4],

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tat-3050 laqgħa tal-Kunsill Agrikoltura u Sajd tad-29 ta' Novembru 2010 dwar il-benesseri tal-klieb u tal-qtates,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad-9 ta' Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni ta' speċi ta' fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom[5],

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 792/2012 tat-23 ta' Awwissu 2012 li jistipula regoli għat-tfassil ta' permessi, ċertifikati u dokumenti oħrajn ipprovduti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 dwar il-protezzjoni ta' speċi ta' fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 865/2006[6],

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni preliminari tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-kawża C-301/14 tat-3 ta' Diċembru 2015, li tinterpreta b'mod wiesa', kemm il-kunċett ta' "attività ekonomika" fis-sens tal-Artikolu 1(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 kif ukoll il-kunċett ta' "negozjanti involuti fil-kummerċ intra-Komunitarju" fit-tifsira tal-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta' speċijiet aljeni invażivi[7],

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Benesseri tal-Annimali mid-Danimarka, il-Ġermanja u n-Netherlands tal-14 ta' Diċembru 2014,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2015 dwar kura tas-saħħa aktar sikura fl-Ewropa: it-titjib tas-sikurezza tal-pazjent u l-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi[8],

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-istudju mill-Companion Animals Multisectorial Interprofessional and Interdisciplinary Strategic Think Tank on Zoonoses (CALLISTO),

–  wara li kkunsidra l-ewwel riżultati ta' studju tal-UE dwar il-klieb u l-qtates involuti fil-prattiki kummerċjali magħmul fi 12-il Stat Membru, skont id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni annessa mar-Regolament (UE) Nru 576/2013,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-ewwel riżultat ta' studju finanzjat mill-Kummissjoni dwar il-benesseri tal-klieb u l-qtates involuti fi prattiki kummerċjali enfasizza li filwaqt li l-kummerċ ta' klieb u qtates jammonta għal dħul annwali stmat għal EUR 1,3 biljun, 13 % biss xtraw annimali ta' kumpanija li jiġu minn nissiela professjonali;

B.  billi l-organizzazzjonjiet mhux governattivi, l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, l-awtoritajiet kompetenti u l-veterinarji wrew evidenza ta' żieda fil-kummerċ illegali tal-annimali domestiċi, b'abbuż mifrux tal-Iskema ta' Vvjaġġar tal-Annimali Domestiċi, l-evażjoni tal-kontrolli u l-falsifkazzjoni tad-dokumenti;

C.  billi għadd dejjem akbar ta' nies jabbużaw mis-sistema mhux kummerċjali għal negozju purament kummerċjali tal-annimali domestiċi;

D.  billi huwa stmat li l-abbuż tal-Iskema ta' Vvjaġġar tal-Annimali attwalment huwa t-tielet kummerċ illegali li jiġġenera l-aktar qligħ fl-UE wara n-narkotiċi u l-armi;

E.  billi kemm l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti qegħdin jassoċjaw dejjem aktar il-kummerċ illegali tal-annimali domestiċi mal-kriminalità gravi u organizzata;

F.  billi, minkejja titjib reċenti, għad baqa' tħassib kbir f'dak li għandu x'jaqsam mal-informazzjoni mogħtija għall-Passaporti tal-Annimali Domestiċi, b'mod partikolari rigward il-mod kif tista' tingħata prova li l-età ta' annimal individwali hija korretta;

G.  billi ż-Żona ta' Schengen mingħajr fruntieri mhux biss tipprevedi vvjaġġar mingħajr passaport għaċ-ċittadini minn Stat Membru għal ieħor, iżda tiffaċilità wkoll l-ivvjaġġar mingħajr kontrolli fi ħdan l-Unjoni ta' annimali li ġeneralment jinżammu bħala annimali domestiċi;

H.  billi l-annimali domestiċi involuti fil-kummerċ illegali spiss ikunu mrobbija ħażin, ma jkunux imdorrijin jinteraġixxu soċjalment u jkunu f'riskju għoli ta' mard;

I.  billi 70 % tal-mard ġdid li laqat lil bniedem f'dawn l-aħħar deċennji oriġina mill-annimali, u l-annimali ġeneralment miżmuma bħala annimali domestiċi jġorru fuqhom aktar minn 100 żoonożi, inkluża r-rabja;

J.  billi x-xiri ta' annimali domestiċi li jew ikunu mrobbija ħażin jew ta' sikwit ikollhom anqas minn 15-il ġimgħa, u għalhekk ikollhom sistemi immunitarji ftit li xejn żviluppati u l-ebda rekwiżit għal tilqim kontra l-mard bħal parvovirus, jista' jirriżulta f'danni finanzjarji u emozzjonali għoljin b'mod mhux mistenni għax-xerrej;

K.  billi l-maġġoranza tal-Istati Membri diġà għandhom xi tip ta' rekwiżiti għar-reġistrazzjoni u/jew l-istandardizzazzjoni tal-metodi għall-identifikazzjoni tal-annimali domestiċi; billi ħafna minn dawn il-bażijiet ta' data għadhom mhumiex konnessi bejniethom u dan hu ostaklu għal traċċabilità sħiħa meta l-annimali domestiċi jiġu spostati bejn Stat Membru u ieħor;

L.  billi rekwiżiti uniformi obbligatorji, mal-Ewropa kollha, għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali domestiċi jkun pass sinifikanti 'l quddiem fil-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali u s-saħħa pubblika u tal-annimali, u li jipprovdu traċċabbiltà effettiva tal-annimali domestiċi fi ħdan l-Unjoni;

M.  billi l-kummerċ illegali tal-annimali selvaġġi jikkostitwixxi waħda mill-aktar attivitajiet estensivi ta' kriminalità organizzata transnazzjonali fid-dinja kollha; billi huma dejjem aktar l-annimali eżotiċi jew selvaġġi li jispiċċaw miżmuma bħala annimali domestiċi b'mod normali fid-djar Ewropej;

N.  billi l-ħarba ta' annimali eżotiċi u selvaġġi tista' twassal għal tifrix mhux kontrollat tal-ispeċi, li jkollu riperkussjonijiet fuq l-ambjent, is-saħħa pubblika u l-ekonomija; billi l-maġġoranza tal-annimali eżotiċi u selvaġġi mhumiex adattati għal ħajja fil-magħluq, u dan jirriżulta fi problemi kbar ħafna rigward il-benesseri tal-annimali;

O.  billi uħud mill-Istati Membri (bħalma huma n-Netherlands u l-Belġju) diġà għandhom listi pożittivi għaż-żamma u/jew il-bejgħ ta' annimali domestiċi, li tnaqqas in-numru ta' annimali eżotiċi u selvaġġi li jinżammu bħala annimali domestiċi;

1.  Jissottolinja l-kontribut pożittiv li l-annimali domestiċi jagħtu lill-ħajjiet ta' miljuni ta' sidien u familji individwali fl-UE kollha, u jafferma mill-ġdid li s-sidien għandhom ikunu jistgħu jivvjaġġaw mal-annimali domestiċi tagħhom b'mod sikur u kkontrollat fl-Unjoni kollha;

2.  Jilqa' t-titjib li sar fl-Iskema ta' Vvjaġġar tal-Annimali Domestiċi introdotta mir-Regolament (UE) Nru 576/2013, inkluża l-introduzzjoni ta' elementi ta' sigurtà fil-Passaport tal-Annimali Domestiċi;

3.  Jinnota bi tħassib l-evidenza minn organizzazzjonijiet mhux governattivi, aġenziji tal-infurzar tal-liġi, awtoritajiet kompetenti u veterinarji li turi b'mod ċar abbuż illegali li qed jikber mill-Iskema ta' Vvjaġġar tal-Annimali Domestiċi, li qed tiġi sfruttata għal skopijiet kummerċjali;

4.  Jinnota li n-nuqqas ta' tilqim, ta' trattament antivirali xieraq, u ta' kura veterinarja u sanitarja fost l-annimali domestiċi fil-kummerċ illegali, li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet jirriżulta minn metodi ta' tnissil mingħajr skrupli, ta' spiss b'mod żbaljat jirriżulta fil-ħtieġa li jiġu trattati bl-antibijotiċi; jissottolinja li dan iżid ir-riskju ta' reżistenza għall-antimikrobiċi fost l-annimali domestiċi; jinsab imħasseb li dan hu fattur ta' riskju addizzjonali għall-iżvilupp u t-trażmissjoni ta' reżistenza antimikrobika fil-bniedem;

5.  Jirrikonoxxi li n-nuqqas ta' soċjalizzazzjoni u abitwazzjoni huma fost il-fatturi ewlenin li jwasslu għal problemi ta' mġiba tal-annimali domestiċi, bħal problemi ta' separazzjoni jew biża' minn oġġetti ta' kuljum, u jippreżentaw theddida fit-tul għall-benesseri tal-annimali;

6.  Jirrikonoxxi li filwaqt li bosta Stati Membri għandhom sistemi obbligatorji għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali domestiċi, jeżistu diskrepanzi fir-rigward tat-tip ta' informazzjoni li tinżamm, l-annimali koperti mir-rekwiżiti għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni, u l-livell ta' governanza li fiha tinżamm din l-informazzjoni;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiffaċilita l-istabbiliment ta' sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni obbligatorja tal-annimali domestiċi, li tippermetti l-aċċess għal data dwar l-annimali domestiċi reġistrati fuq livell nazzjonali sabiex jinħoloq mekkaniżmu tat-traċċabilità fl-UE kollha; jissottolinja li data personali tal-proprjetarji u l-bejjiegħa tal-annimali domestiċi għandha tiġi rispettata skont l-istandards ġuridiċi relevanti tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data personali;

8.  Jirrikonoxxi li l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-klieb (Canis lupus familiaris) u l-qtates (Felis silvestris catus) tista' tnaqqas il-possibilità ta' falsifikazzjoni tad-dokumenti u ta' kummerċ illegali, u b'hekk ittejjeb il-benesseri tal-annimali u tipproteġi s-saħħa pubblika u s-saħħa tal-annimali u tipprevedi traċċabilità effikaċi fi ħdan l-Unjoni;

9.  Jinnota bi tħassib il-kummerċ illegali dejjem jiżdied ta' annimali eżotiċi u selvaġġi ġeneralment miżmuma bħala annimali domestiċi;

10.  Jirrikonoxxi li l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali eżotiċi u selvaġġi attwalment miżmuma bħala annimali domestiċi tista' tnaqqas l-ambitu ta' kummerċ illegali, tevita sofferenza gravi tal-annimali, tipproteġi aħjar is-saħħa pubblika u s-saħħa tal-annimali u l-bijodiversità, u tipprevedi wkoll traċċabilità effikaċi fi ħdan l-Unjoni;

11.  Jirrikonoxxi, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' listi pożittivi ta' annimali eżotiċi u selvaġġi li ma jkollhomx bżonnijiet kumplessi (eż. ħtiġijiet ta' mġiba, id-dieta, it-trattament, il-kura speċjalizzata) u jistgħu jiġu miżmuma bħala annimali domestiċi minn sid medju mingħajr ma tiġi kompromessa s-saħħa tal-annimal;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, malli jidħol fis-seħħ ir-Regolament dwar il-Mard Trasmissibbli tal-Annimali, tadotta att delegat minnufih li jistipula regoli skont l-Artikoli 108, 109 u 118 tar-regolament b'rekwiżiti dettaljati u armonizzati għall-mezzi u l-metodi għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-klieb (Canis lupus familiaris) u l-qtates (Felis silvestris catus);

13.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, malli jidħol fis-seħħ ir-Regolament dwar il-Mard Trasmissibbli tal-Annimali, tikkunsidra li tadotta atti delegati li jistipulaw regoli skont l-Artikoli 108, 109 u 118 tar-regolament b'rekwiżiti dettaljati u armonizzati għall-mezzi u l-metodi għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali domestiċi li ġejjin, kif definit mill-Anness I tal-istess Regolament: rettili, għasafar (kampjuni ta' speċijiet avjarji minbarra tjur domestiċi, dundjani, farawni, papri, wiżż, summien, ħamiem, faġani, perniċijiet u ratiti), rodituri u fniek minbarra dawk li huma intiżi għall-produzzjoni tal-ikel;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-rekwiżiti fil-paragrafi 12 u 13 jiżguraw li l-miżuri ta' prevenzjoni u kontroll previsti fir-Regolament dwar Mard Trasmissibbli tal-Annimali jkunu applikati b'mod effiċjenti u li jiffaċilitaw it-traċċabilità ta' dawn l-annimali domestiċi, il-movimenti tagħhom fl-Istati Membri u minn Stat Membru għal ieħor u d-dħul tagħhom fl-Unjoni;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tesplora miżuri addizzjonali biex tiġġieled il-kummerċ illegali tal-annimali domestiċi msemmija fil-konklużjonijiet tal-istudju dwar il-benesseri tal-klieb u l-qtates involuti fi prattiki kummerċjali, u biex tippubblika dawk il-konklużjonijiet mingħajr dewmien;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

 

[1] ĠU L 178, 28.6.2013, p. 1.
[2] ĠU L 178, 28.6.2013, p. 109.
[3] ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54.
[4] Testi adottati, P7_TA(2014)0381
[5] ĠU L 61, 3.3.1997, p. 1.
[6] ĠU L 242, 7.9.2012, p. 13.
[7] ĠU L 317, 4.11.2014, p. 35.
[8] Testi adottati, P8_TA(2015)0197