Dokument ta' sessjoni
2.3.2016
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8-0109/2016 , B8-0110/2016 , B8-0111/2016 , B8-0112/2016 , B8-0113/2016 , B8-0114/2016 and B8-0115/2016
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar il-Ftehim dwar it-Tabakk (Ftehim PMI)
( 2016/2555(RSP) )
Bart Staes, José Bové, Igor Šoltes, Benedek Jávor, Bronis Ropė
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Ftehim dwar it-tabakk (Ftehim PMI)
( 2016/2555(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Ftehim kontra l-Kuntrabandu u kontra l-Falsifikazzjoni u r-Rinunzja Ġenerali tad-9 ta' Lulju 2004 bejn Philip Morris International (PMI) u kumpaniji affiljati, l-Unjoni u 10 Stati Membri ("il-ftehim"),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE[1] (id-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk, jew TPD),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk (id-"WHO FCTC"),
– wara li kkunsidra l-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk adottat fir-rigward tad-WHO FCTC ("il-Protokoll"),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2015 dwar ir-Rapport Annwali 2013 dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-UE – Ġlieda kontra l-frodi[2], id-deċiżjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015 dwar il-kwittanza rigward l-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima III – Il-Kummissjoni u l-aġenziji eżekuttivi[3], u r-riżoluzzjoni tiegħu ta' ... Marzu 2016 dwar ir-Rapport Annwali 2014 dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-UE – Ġlieda kontra l-frodi,
– wara li kkunsidra l-Istqarrija għall-Istampa tal-Ombudsman Nru 12/2015, tal-5 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Il-Kummissjoni Ewropea mhix trasparenti biżżejjed dwar il-lobbying tal-industrija tat-tabakk",
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-4 ta' Mejju 2015 għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu fil-Prodotti tat-Tabakk fil-Konvenzjoni ta' Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk, meta jkunu kkonċernati d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll li jaqgħu taħt it-Titolu V tal-Parti III tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ( COM(2015)0193 ),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-4 ta' Mejju 2015 għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu fil-Prodotti tat-Tabakk fil-Konvenzjoni ta' Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk, meta jkunu kkonċernati d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll li ma jaqgħux taħt it-Titolu V tal-Parti III tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ( COM(2015)0194 ),
– wara li kkunsidra t-talbiet adottati mill-Kunsill fl-24 ta' Frar 2016 għall-approvazzjoni tal-Parlament għaż-żewġ deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk fil-Konvenzjoni ta' Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk,
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-24 ta' Frar 2016 bit-titolu "Valutazzjoni teknika dwar l-esperjenza tal-Ftehim Kontra l-Kuntrabandu u Kontra l-Falsifikazzjoni u r-Rinunzja Ġenerali tad-9 ta' Lulju 2004 bejn Philip Morris International u kumpaniji affiljati, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha" ( SWD(2016)0044 ) ("il-valutazzjoni"),
– wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kummissjoni dwar il-ftehim dwar it-tabakk (ftehim PMI) ( O-000010/2016 – B8-0109/2016 , O-000014/2016 – B8-0110/2016 , O-000015/2016 – B8 0111/2016, O-000016/2016 – B8-0112/2016 , O-000017/2016 – B8-0113/2016 , O-000018/2016 – B8-0114/2016 u O-000019 – B8-0115/2016 ),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi kemm il-qafas ġuridiku kif ukoll il-karatteristiċi prattiċi tal-kummerċ tat-tabakk illeċitu nbidlu b'mod sinifikanti mill-iffirmar tal-ftehim;
B. billi l-Kummissjoni impenjat ruħha biex tirratifika l-Protokoll ħalli tiġġieled il-kummerċ illeċitu ta' prodotti tat-tabakk, li huwa pass importanti lejn it-tisħiħ tal-qafas ġuridiku għall-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu ta' prodotti tat-tabakk;
C. billi l-Kummissjoni impenjat ruħha li tistieden lil pajjiżi terzi jirratifikaw il-Protokoll;
D. billi l-Kummissjoni se tieħu riskju għar-reputazzjoni kbir u bla bżonn bit-tiġdid tal-ftehim ma' PMI filwaqt li tistieden lill-pajjiżi terzi jirratifikaw il-Protokoll;
E. billi s-Segretarjat tad-WHO FCTC iddikjara li l-ftehimiet mal-industrija tat-tabakk, inklużi dawk tal-UE u l-Interpol, huma f'kunflitt mad-WHO FCTC peress li jservu lill-kumpaniji tat-tabakk u jheddu l-progress fil-kontroll tat-tabakk[4];
1. Ifakkar li f'Mejju 2015, il-Kummissjoni wegħdet li tagħti l-valutazzjoni tagħha tal-ftehim ma' PMI mill-aktar fis possibbli; jenfasizza li l-Kummissjoni pposponiet il-pubblikazzjoni tal-valutazzjoni diversi drabi u li fl-aħħar ġiet ippubblikata fil-21 ta' Frar 2016, ġurnata qabel dibattitu fil-plenarja fil-Parlament; jikkunsidra b'konvinzjoni li din il-pubblikazzjoni mdewma tikkostitwixxi nuqqas serju biex jiġu ssodisfati l-obbligi ta' trasparenza tal-Kummissjoni, kemm għall-Parlament kif ukoll għaċ-ċittadini tal-UE; jenfasizza li abbażi tad-data u l-evidenza attwali m'hemmx bażi biżżejjed biex jingħad li l-ftehim kien ta' suċċess;
2. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex tirratifika l-Protokoll, u l-impenn tagħha li tistieden lill-Istati Membri u lill-pajjiżi terzi biex jirratifikawh, iżda jemmen li t-tiġdid tal-ftehim ser jibgħat messaġġ ħażin u kontroproduttiv lejn pajjiżi terzi li l-UE tinvolvi ruħha f'interazzjonijiet mhux xierqa mal-industrija tat-tabakk minkejja li l-Protokoll jipprojbixxi dawn l-interazzjonijiet b'mod ċar;
3. Jirrimarka li l-Linji Gwida għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 5.3 tal-Konvenzjoni ta' Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk tiddikjara li "hemm kunflitt fundamentali u irrikonċiljabbli bejn l-interessi tal-industrija tat-tabakk u l-interessi tas-saħħa pubblika", u jemmen li t-tiġdid tal-ftehim ikun inkompatibbli mal-obbligi tal-UE skont l-Artikolu 5.3;
4. Iqis li fl-2004 il-ftehim ma' PMI kien għodda innovattiva għall-indirizzar tal-kummerċ illeċitu tat-tabakk, iżda jenfasizza li kemm il-qafas ġuridiku kif ukoll il-karatteristiċi prattiċi ta' dak il-kummerċ illeċitu issa nbidlu b'mod sostanzjali; għalhekk huwa tal-fehma li l-elementi kollha koperti b'dan il-ftehim ma' PMI issa huma koperti permezz tal-qafas ġuridiku l-ġdid, u jenfasizza li l-ftehim ma jindirizzax karatteristiċi importanti tal-kummerċ illeċitu tat-tabakk tal-lum, b'mod partikolari l-proporzjon għoli ta' kummerċ li issa huwa magħmul minn tabakk manifatturat speċifikament għall-kuntrabandu ("illicit whites"); jenfasizza, barra minn hekk, li l-kuntrabandu huwa kwistjoni internazzjonali, filwaqt li l-ftehim japplika biss fl-UE;
5. Jikkonkludi li l-ftehim ma' PMI m'għandux jiġi mġedded, imtawwal jew negozjat mill-ġdid, u jħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni biex ma tagħmilx dan;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni ta' Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk.