Dokument ta' sessjoni
2.3.2016
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8-0109/2016 , B8-0110/2016 , B8-0111/2016 , B8-0112/2016 , B8-0113/2016 , B8-0114/2016 u B-0115/2016
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar il-Ftehim dwar it-Tabakk (Ftehim PMI)
( 2016/2555(RSP) )
Marco Valli, Piernicola Pedicini, Isabella Adinolfi
f'isem il-Grupp EFDD
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Ftehim dwar it-Tabakk (Ftehim PMI)
( 2016/2555(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dik tal-11 ta' Marzu 2015 dwar ir-Rapport Annwali 2013 dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-UE – Ġlieda kontra l-frodi[1], u d-deċiżjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima III – Il-Kummissjoni u l-aġenziji eżekuttivi[2],
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-24 ta' Frar 2016 bit-titolu "Valutazzjoni teknika dwar l-esperjenza tal-Ftehim Kontra l-Kuntrabandu u Kontra l-Falsifikazzjoni u r-Rinunzja Ġenerali tad-9 ta' Lulju 2004 bejn Philip Morris International u kumpaniji affiljati, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha", li jikkonċerna deċiżjoni possibbli dwar il-ftuħ tan-negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u l-industrija tat-Tabakk (SWD(2016 0044),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk ("WHO FCTC") u l-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk,
– wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu fil-Prodotti tat-Tabakk fil-Konvenzjoni ta' Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk, meta jkunu kkonċernati d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll li jaqgħu taħt it-Titolu V tal-Parti III tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ( 2015/0100(NLE) ),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE[3] (id-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk, jew TPD),
– wara li kkunsidra l-erba' ftehimiet ta' kooperazzjoni attwalment fis-seħħ bejn l-Istati Membri u l-UE, u Philip Morris International (PMI), Japan Tobacco International (JTI), Imperial Tobacco Limited (ITL) u British American Tobacco (BAT) rispettivament,
– wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kummissjoni dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li tikkonċerna d-deċiżjoni dwar il-ftuħ/it-tkomplija tan-negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u Philip Morris ( O-000010/2016 – B8-0109/2016 , O-000014/2016 – B8-0110/2016 , O-000015/2016 – B8-0111/2016 , O-000016/2016 – B8-0112/2016 , O-000017/2016 – B8-0113/2016 , O-000018/2016 – B8-0114/2016 u O-000019/2016 – B8-0115/2016 ),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE hija waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-Kummissjoni, u billi l-kummerċ illeċitu fil-prodotti tat-tabakk, b'mod partikolari l-kuntrabandu ta' sigaretti ffalsifikati, bħala stima konservattiva, iqum lill-baġits nazzjonali u tal-UE, aktar minn EUR 10 biljun fi dħul pubbliku mitluf kull sena;
B. billi l-kummerċ illeċitu huwa delitt serju li jikkontribwixxi għall-iffinanzjar ta' attivitajiet tal-kriminalità organizzata internazzjonali, inkluż traffikar ta' bnedmin, drogi u armi, u, f'xi każijiet, gruppi terroristiċi;
C. billi l-kuntrabandu tat-tabakk ixekkel l-politiki tas-saħħa pubblika tal-UE u jfisser li l-prodotti tat-tabakk illeċiti huma disponibbli - anke għaż-żgħażagħ - bi skont illegali sostanzjali f'ħafna postijiet; billi mhux talli s-sigaretti ffalsifikati huma manifatturati u importati illegalment, iżda talli l-ingredjenti użati fihom mhumiex magħrufa, b'tali mod li jikkostitwixxu riskju serju għas-saħħa;
D. billi skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), it-tipjip tat-tabakk huwa t-tieni l-akbar kawża ta' mwiet madwar id-dinja u l-kawża ewlenija ta' mewt; billi t-tipjip jikkawża 5.4 miljun vittma fid-dinja kull sena;
E. billi, sabiex tiġi indirizzata l-problema ta' sigaretti tal-kuntrabandu u ffalsifikati, l-UE u l-Istati Membri (bl-eċċezzjoni tal-Iżvezja fil-każ tal-ftehimiet BAT u ITL) iffirmaw ftehimiet legalment vinkolanti ma' Philip Morris International (PMI) (2004), Japan Tobacco International (JTI) (2007), British American Tobacco (BAT) (2010) u Imperial Tobacco Limited (ITL) (2010); billi permezz ta' dawn il-ftehimiet il-kumpaniji impenjaw ruħhom li jħallsu total kollettiv ta' USD 2.15 biljun lill-UE u lill-istati firmatarji sabiex jiġġieldu l-kummerċ illeċitu fis-sigaretti;
F. billi 15-il sena ilu, is-suq illeċitu tal-UE kien dominat mill-kuntrabandu mill-erba' manifatturi ewlenin; billi l-prevalenza tal-kuntrabandu minn dawn il-manifatturi qed jonqos; billi s-suq tal-lum qed ikun magħmul minn parti dejjem akbar ta' sigaretti mingħajr marka ("cheap whites") u billi aktar minn 600 miljun sigarett maqbuda bl-appoġġ tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) fl-2015, kważi kollha kienu cheap whites; billi l-istimi mill-kumpanija għar-riċerka tad-data Euromonitor sal-11 ta' Ġunju 2015 juru li l-volum totali tas-suq illeċitu tal-UE tas-sigaretti żdied minn 64 biljun għal 66 biljun sigarett matul dawn l-aħħar ħames snin; billi minkejja t-tnaqqis ġenerali fil-qbid tas-sigaretti PMI u l-marki tat-tliet manifatturi ewlenin tat-tabakk l-oħrajn, il-volum u d-disponibbiltà tal-prodotti illeċiti fis-suq tal-UE tat-tabakk jibqa' inkwetanti;
G. billi l-ftehimiet saru b'opaċità sħiħa u b'nuqqas ta' trasparenza; billi ma hemm ebda data dwar kif l-Istat Membri nefqu l-flus li rċevew taħt dawn il-ftehimiet,
H. billi l-ftehim mal-PMI se jiskadi f'Lulju 2016 u jeħtieġ lill-partijiet jiltaqgħu malajr bl-għan li jesploraw jekk il-ftehim ta' kooperazzjoni għandux jiġi estiż; billi l-Kummisjoni impenjat ruħha wkoll li tirratifika l-Protokoll tal-Kummerċ Illeċitu tad-WHO sabiex tiġġieled il-kummerċ illeċitu fil-prodotti tat-tabakk u impenjat ruħha tistieden pajjiżi terzi biex jirratifikaw il-Protokoll;
I. billi l-Istati Membri kollha tal-UE se jkunu mistenijja jirratifikaw il-Protokoll FCTC, u ħamsa diġà għamlu dan; billi l-Protokoll se jidħol fis-seħħ ladarba jkunu rratifikawh 40 Parti;
J. billi s-Segretarjat tad-WHO FCTC iddikjara li l-ftehimiet mal-industrija tat-tabakk, inklużi dawk tal-UE u l-Interpol, huma f'kunflitt mad-WHO FCTC peress li jservu l-interessi tal-kumpaniji tat-tabakk u jheddu l-progress fil-kontroll tat-tabakk;
1. Jiddeplora b'qawwa l-fatt li l-Kummissjoni rrilaxxat il-valutazzjoni tagħha dwar il-ftehim mal-PMI biss fil-21 ta' Frar 2016, minkejja diversi talbiet mill-Parlament biex tagħmel dan; iqis dan id-dewmien fil-pubblikazzjoni bħala nuqqas serju min-naħa tal-Kummissjoni biex tissodisfa l-obbligi tagħha ta' trasparenza, kemm fil-konfront tal-Parlament kif ukoll taċ-ċittadini tal-UE;
2. Jinnota li l-valutazzjoni tiddikjara li mhuwiex possibbli li tiġi murija xi "kawżalità" diretta bejn il-Ftehim PMI u t-tnaqqis fil-qbid, anke jekk il-qbid ta' prodotti ġenwini PMI naqsu b'bejn wieħed u ieħor 85 % mill-2006;
3. Jenfasizza li l-parametri speċifiċi użati fil-Ftehim PMI jipprovdu għal livell limitu ta' notifika ta' 50 000, u li t-tnaqqis fil-qbid irrappurtat jista' jkun marbut ma' metodi operazzjonali differenti, notevolment żieda fl-"ant trafficking" (jiġifieri kuntrabandu ripetut ta' volumi iżgħar); ifakkar li d-data disponibbli dwar l-ant trafficking hija limitata peress li l-Istati Membri rarament jirrappurtaw inqas minn dak il-livell limitu;
4. Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jirċievu pagamenti annwali sinifikanti mill-industrija tat-tabakk talli jiġġieldu l-kuntrabandu tas-sigaretti tagħhom u jemmen li l-kunsiderazzjoni ta' estensjoni possibbli tal-ftehimiet mal-industrija tat-tabakk tista' xxekkel il-kredibbiltà ta' ġlieda vera kontra l-kuntrabandu tas-sigaretti; ifakkar li ma hija disponibbli ebda data dwar l-użu ta' dawn il-pagamenti mill-Istati Membri u jiddeplora dan in-nuqqas ta' trasparenza;
5. Jenfasizza li d-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk diġà tipprevedi rekwiżit ġuridiku għal kumpaniji tat-tabakk biex jintroduċu u jżommu sistema ta' traċċar u rintraċċar li trid tkun operattiva għal sigaretti u prodotti tat-tabakk tal-brim mill-20 ta' Mejju 2019 u għal prodotti oħra tat-tabakk mill-20 ta' Mejju 2024; ifakkar li l-Protokoll tal-2015 għall-Konvenzjoni ta' Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk tipprevedi rekwiżit simili globali, li probabbilment se jsir effettiv fl-2022 jew l-2023; jenfasizza wkoll li l-atti ta' implimentazzjoni u dawk delegati dwar is-sistema futura ta' traċċabbiltà li għandha tiġi adottata taħt l-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk trid tkun kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll dwar l-istess kwistjoni (l-Artikolu 8);
6. Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni u l-Istati Membri mhumiex kapaċi jipprovdu sistema indipendenti ta' traċċar u rintraċċar; jiddeplora wkoll li xi Stati Membri diġà qed jiddiskutu ftehimiet ma' kumpaniji tat-tabakk għat-twaqqif ta' sistemi ta' traċċar u rintraċċar qabel ma jiġu stabbiliti l-istandards tat-traċċabbiltà permezz ta' atti delegati u qabel ir-ratifika mill-UE tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk fil-Konvenzjoni ta' Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk;
7. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirratifika minnufih il-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk fil-Konvenzjoni ta' Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk u jilqa' l-impenn tagħha li tistieden lill-Istati Membri u lill-pajjiżi terzi biex jirratifikawh; ifakkar li l-Protokoll jipprojbixxi b'mod ċar interazzjonijiet mhux xierqa mal-industrija tat-tabakk;
8. Jitlob lill-Kummissjoni twaqqaf kwalunkwe kuntatti ulterjuri ma' PMI u manifatturi tat-tabakk oħrajn rigward estensjoni possibbli tal-ftehimiet dwar it-tabakk u jitlobha ma ġġeddidx, ittawwal jew terġa' tinnegozja l-ftehimiet attwali;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.